Update and submit your registration

Aġġorna u ppreżenta r-reġistrazzjoni tiegħek

Żomm f’moħħok li aġġornament ta’ reġistrazzjoni se jinkludi kontroll tal-kompletezza teknika mas-sottomissjoni. Dan isir biex jiġi żgurat li d-dossier tiegħek jinkludi l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa. L-informazzjoni kollha f’dossier tiġi vverifikata, kemm jekk tkun għadha kif ġiet ippreżentata kif ukoll jekk tkun diġà parti minn dossier li ġie ppreżentat qabel.

Uża l-Assistent tal-Validazzjoni tal-IUCLID biex tissimula l-kontroll tal-kompletezza qabel ma tippreżenta d-dossier tiegħek lill-ECHA.

Minbarra l-kontroll tal-kompletezza awtomatizzat – li jista’ jiġi simulat permezz tal-Assistent tal-Validazzjoni tal-IUCLID – il-persunal tal-ECHA jwettaq verifiki manwali fuq ċerti partijiet tar-reġistrazzjoni, bħall-eżenzjonijiet tad-data u s-CSR.

Aqra l-fażi 4 “Valutazzjoni tal-periklu u r-riskju” u l-fażi 5 “Ħolqien tad-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek” tal-fażijiet ta’ Reġistrazzjoni biex ikollok ħarsa ġenerali aħjar tal-informazzjoni meħtieġa biex tqiegħed flimkien dossier ta’ reġistrazzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-aġġornamenti huma bla ħlas. Madankollu, hemm tariffa għal żieda fil-limitu ta’ tunnellaġġ u jekk fid-dossier tiegħek iżżid aktar oġġetti li għalihom tintalab tariffa, pereżempju talba biex informazzjoni speċifika tinżamm kunfidenzjali. Huwa rrakkomandat li tuża l-kalkulatur tat-tariffi disponibbli f’IUCLID qabel ma tippreżenta d-dossier tiegħek. Il-fatturi se jintbagħtulek permezz ta’ REACH-IT.

Ladarba tippreżenta r-reġistrazzjoni aġġornata lill-ECHA permezz ta’ REACH-IT, id-dossier jgħaddi mill-passi spjegati fit-taqsima “Minn preżentazzjoni għal deċiżjoni” tal-fażi 6 ta’ reġistrazzjoni “Il-preżentazzjoni tad-dossier tar-reġistrazzjoni tiegħek”.

Agħmel ċert li ssegwi l-komunikazzjoni kollha mill-ECHA dwar ir-reġistrazzjoni tiegħek u l-aġġornamenti tagħha li se jintbagħtulek permezz ta’ REACH-IT. Tista’ tippermetti notifiki ta’ twissija permezz ta’ email fit-taqsima “Informazzjoni dwar il-kumpanija” tal-kont tiegħek ta’ REACH-IT.