Monitor the triggers for updating

Osserva l-iskattaturi għall-aġġornament ta’ fuq

Jeħtieġ li jkollok proċessi, sistemi u twissijiet stabbiliti fil-kumpanija tiegħek, sabiex tkun tista’ tidentifika meta tkun trid tagħmel tibdiliet fir-reġistrazzjoni tiegħek. Pereżempju, huwa rrakkomandat tistabbilixxi proċess biex tirċievi u tanalizza l-feedback mill-klijenti tiegħek, u ssegwi l-litteratura xjentifika li tikkonċerna s-sustanza tiegħek.

Trid taġġorna d-dossier tiegħek, pereżempju fil-każijiet li ġejjin:

  • Tbiddel il-materja prima, il-proċess ta’ produzzjoni jew il-fornitur tiegħek, u b’riżultat ta’ dan, is-sustanza tiegħek issa fiha impuritajiet (perikolużi) jew kostitwenti (minuri) differenti.
  • Tbiddel il-volum tal-importazzjoni jew tal-produzzjoni tas-sustanza tiegħek. Jekk il-volum jiżdied jew jonqos taħt jew aktar mil-limitu tal-medda ta’ tunnellaġġ li għalih inti rreġistrajt is-sustanza tiegħek, dan irid jiġi rrappurtat fid-dossier tiegħek.
    • Jekk il-volum jiżdied u jiċċaqlaq għall-medda ta’ tunnellaġġ li jmiss, trid tippreżenta domanda lill-ECHA sabiex tikkonforma mal-Artikolu 12(2), imsejjaħ “Domanda tat-Tip 4 f’IUCLID. Fid-dossier tad-domanda jeħtieġ li tindika liema informazzjoni teħtieġ biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-medda ta’ tunnellaġġ ogħla. Mit-tweġiba tal-ECHA dwar id-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni tista’ tiddiskuti mal-koreġistranti tiegħek jekk id-data hijiex disponibbli diġà fil-preżentazzjoni konġunta u kif tikseb aċċess għaliha, pereżempju billi tixtri l-ittra ta’ aċċess rilevanti.
    • In-nuqqas ta’ investigazzjoni jista’ jitqies mill-awtoritajiet tal-infurzar bħala ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolament REACH.
    • Jekk mhux l-informazzjoni kollha hija disponibbli biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tar-reġistrazzjoni tiegħek, jeħtieġ li tikkunsidra kif timla l-lakuni fid-data. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-istrateġija għall-ġbir tad-data tiegħek fil-fażi 4 “X’informazzjoni għandek bżonn” tal-fażijiet ta’ Reġistrazzjoni.
  • Issir taf dwar użijiet ġodda mingħand il-klijenti tiegħek. F’tali każ, jaf ikollok bżonn ukoll taġġorna s-CSR tiegħek.
  • Jeħtieġ li taġġorna l-informazzjoni relatata mal-karatteristiċi tas-sustanza tiegħek li ppreżentajt b’mod separat (nonparteċipazzjoni) fil-preżentazzjoni konġunta.
  • Il-fornitur tiegħek jifformula mill-ġdid taħlita li inti timporta. Jekk sustanza ma tkunx għadha inkluża fit-taħlita, allura jista’ jkollok bżonn tinnotifika dwar il-waqfien mill-importazzjoni ta’ dik is-sustanza.
  • Issir konxju ta’ informazzjoni ġdida dwar il-karatteristiċi tas-sustanza tiegħek li jeħtieġ li tinġieb għall-attenzjoni tal-koreġistranti tiegħek. Jeħtieġ li taqbel dwar kif taġġorna l-informazzjoni ppreżentata b’mod konġunt tar-reġistrazzjoni.

Tista’ titlob kunfidenzjalità fuq l-informazzjoni l-ġdida fid-dossier tiegħek matul l-aġġornament tar-reġistrazzjoni tiegħek, jekk din tkun tikkonċerna informazzjoni li ma tkunx ġiet ippubblikata qabel mill-ECHA.