Għandi bżonn nirreġistra?

Trid tistabbilixxi jekk huwiex int li trid tirreġistra sustanza jew jekk ir-reġistrazzjoni hijiex id-dmir ta' attur ieħor fil-katina tal-provvista tiegħek.

 

1. X'inhi l-identità tiegħek bħala reġistrant?

Tista' tirreġistra biss jekk inti persuna fiżika jew tirrappreżenta persuna ġuridika, kif definita mil-liġijiet nazzjonali tiegħek. Jekk il-kumpanija tiegħek waqqfet bosta persuni ġuridiċi, pereżempju, kumpaniji sussidjarji, kull waħda minn dawk il-persuni ġuridiċi trid tissottometti r-reġistrazzjoni tagħha stess.

 

2. Fejn tinsab?

Tista' tirreġistra biss jekk tinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Din tinkludi fiha l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit.

Jekk tinsab barra ż-ŻEE, trid tkun jew importatur jew "l-uniku rappreżentant" biex tirreġistra s-sustanza tiegħek.

 

3. Xinhu r-rwol tiegħek fil-katina tal-provvista?

Il-bosta rwoli għandhom definizzjonijiet speċifiċi fir-REACH, li mhux dejjem jaqblu ma' dawk użati xi mkien ieħor.

Jista' jkollok bosta rwoli għal sustanza - qishom ilkoll.

Trid tirreġistra jekk:

  • timmanifattura sustanza: tipproduċi sustanza jew testrattaha.
  • int responsabbli għall-importazzjoni ta' sustanza fiż-ŻEE: int responsabbli għall-introduzzjoni fiżika tas-sustanza fit-territorju taż-ŻEE (waħedha, f'taħlita jew f'oġġett). Madankollu, m'għandekx bżonn tirreġistra jekk:
    • Il-fornituri tiegħek kollha ħatru rappreżentanti uniċi; jew
    • Terġa' timporta sustanza rreġistrata; jew
    • Is-sustanza tiegħek tinsab taħt superviżjoni doganali, bil-għan li terġa' tesportaha.
  • tipproduċi jew timporta oġġett: tinkorpora sustanza jew taħlita f'materjal jew fuqu biex tifforma oġġett, jew int responsabbli għall-importazzjoni fiż-ŻEE ta' oġġett bħal dan. Madankollu, m'għandekx bżonn tirreġistra jekk:
    • m'hemmx il-ħsieb li s-sustanza tinħeles; jew
    • is-sustanza ġiet irreġistrata għall-istess użu minn xi kumpanija.
  • inħtart bħala rappreżentant uniku: il-fornituri tiegħek barra ż-ŻEE (manifatturi jew produtturi ta' oġġett jew taħlita) ħatruk biex twettaq l-obbligi tiegħek skont ir-REACH li kienu jkunu responsabbiltà tal-importaturi tagħhom.

 

Ma għandekx bżonn tirreġistra jekk inti sempliċiment:

  • tqassam sustanza: taħżen u tqiegħed sustanzi fis-suq, waħedhom jew f'taħlitiet, għal partijiet terzi.
  • terġa' timla: tittrasferixxi sustanzi jew taħlitiet minn kontenitur għal ieħor, normalment fil-proċess ta' imballaġġ mill-ġdid jew l-għoti ta' isem kummerċjali ġdid.
  • tifformula: tipproduċi taħlitiet (eż. żebgħat, adeżivi, deterġenti, kits djanjostiċi), li normalment jiġu forniti iktar downstream.
  • utent finali: tuża prodotti kimiċi iżda ma tfornihomx iktar downstream.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)