Kif toħloq id-dossier ta' reġistrazzjoni tiegħek bil-IUCLID Cloud

Jekk għandek biss xi ftit sustanzi x’timmaniġġja, tista’ tuża l-IUCLID Cloud biex toħloq id-dossiers tiegħek fil-format IUCLID.

Biex tuża s-servizz, se jkollok bżonn kont tal-ECHA u tabbona mas-servizz IUCLID Cloud. Biex tagħmel dan:

  1. Żur il-paġna web tas-“Servizzi ta’ Cloud tal-ECHA”. Hawnhekk se ssib deskrizzjoni qasira tas-servizzi u sett ta’ riżorsi utli.
  2. Agħżel “Aċċessa servizzi ta’ Cloud tal-ECHA” mill-menù tan-naħa tal-lemin.
  3. Agħżel “Login” u daħħal l-isem tal-utent u l-password tal-illoggjar tiegħek jekk diġà għandek kont. Jekk m’għandekx kont, oħloq wieħed billi tagħżel “Irreġistra” imbagħad:
    1. daħħal xi informazzjoni bażika biex tidentifika l-kont tiegħek, u
    2. oħloq l-entità legali tiegħek. Is-sistema mbagħad se tibgħatlek ittra elettronika ta’ konferma, li jeħtieġ li tivverifikaha.
  4. Abbona għall-IUCLID Cloud billi tikklikkja abbonament għas-servizz “IUCLID Cloud”. Inti tintalab taqra u taċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet għas-servizz.
  5. Wara li tkun abbonajt inti tista’ mbagħad tagħżel “Aċċessa s-servizz”, li tieħdok fl-interfaċċa tal-web ta’ IUCLID Cloud.

Dawn huma l-passi ewlenin li għandek issegwi meta toħloq id-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek b’IUCLID Cloud.

 

1. Oħloq sett tad-data tas-sustanza tiegħek

L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hija li toħloq is-sett tad-data tas-sustanza tiegħek, li jinkludi d-data amministrattiva u xjentifika għas-sustanza li qed tirreġistra. Din hija l-bażi għar-reġistrazzjoni tiegħek u jeħtieġ li tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-karatteristiċi, l-użu u l-esponiment tas-sustanza. Inti tista’ teditja s-sett tad-data fi kwalunkwe ħin fil-futur, pereżempju, jekk issib informazzjoni ġdida dwar is-sustanza tiegħek.

Jekk għandek inkluża kwalunkwe informazzjoni fis-sett tad-data tas-sustanza tiegħek li m’għandhiex tiġi ppubblikata fis-sit web tal-ECHA, jeħtieġ li tindika dan billi tuża markaturi ta’ kunfidenzjalità. Kull talba għal kunfidenzjalità jeħtieġ li jkollha ġustifikazzjoni b’saħħitha.

Qabel ma tkompli, ivverifika l-kompletezza tas-sett tad-data tas-sustanza tiegħek billi tikklikkja fuq “Ivvalida” mid-dehra tas-sustanza prinċipali tiegħek. Dan se juri jekk għandekx bżonn taġġusta l-informazzjoni fid-dossier tiegħek. Innota li l-informazzjoni vverifikata manwalment mill-ECHA mhijiex inkluża fil-kontrolli mwettqa mill-Assistent tal-Validazzjoni.

Ir-rapport ta’ validazzjoni jimmarka l-oqsma li jeħtieġ tagħtihom ħarsa aktar mill-qrib. Biex tissottometti b’suċċess id-dossier tiegħek lill-ECHA, inti se jkollok bżonn tikkoreġi l-kontrolli tas-sottomissjoni kollha. Il-kontrolli tal-kwalità qegħdin hemm biex jgħinuk ittejjeb il-kwalità tad-data tiegħek. L-aġġornamenti futuri tal-IUCLID se jintroduċu aktar kontrolli tal-kwalità biex jgħinuk toħloq dossier ta’ kwalità għolja.

 

2. Oħloq id-dossier tiegħek

 

Biex toħloq id-dossier tiegħek, jeħtieġ li timla l-informazzjoni tal-intestatura tad-dossier tas-sett tad-data tas-sustanza tiegħek imbagħad tagħżel “Oħloq dossier”.

Meta teditja l-informazzjoni tal-intestatura tad-dossier tiegħek, oqgħod attent/a għal dan li ġej:

  • Tip ta’ sottomissjoni: agħżel it-tip ta’ sottomissjoni korretta. Qed tirreġistra sustanza għal użi standard (is-sustanza tintuża bħala tali jew f’taħlitiet) u b’rekwiżiti ta’ informazzjoni standard? Ir-reġistrazzjoni tiegħek tkopri sustanza għal użi intermedji (is-sustanza tintuża biex tagħmel sustanza oħra) biss? Inti reġistant prinċipali jew membru?
  • Informazzjoni amministrattiva: inti tista’ tiddikjara l-informazzjoni bħala kunfidenzjali, bħall-medda ta’ tunnellaġġ jew in-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħek.
  • Jekk inti eliġibbli għal rinunzja tal-miżata għal dossiers ta’ 1-10 tunnellati fis-sena, jeħtieġ li tindika din l-informazzjoni hawnhekk. Dan huwa l-każ jekk inti b’mod volontarju tipprovdi l-pakkett ta’ informazzjoni standard għas-sustanza tiegħek għalkemm inti tkun kapaċi tirreġistra b’sett imnaqqas ta’ informazzjoni.
  • Agħti isem lid-dossier tiegħek: inti għandek tagħti isem lid-dossier tiegħek taħt “Isem tad-dossier”. L-isem tad-dossier għandu jgħinek tidentifika b’mod faċli d-dossier fis-sistema tiegħek stess. Tużax informazzjoni kunfidenzjali fl-isem, peress li se jarah kull min taqsam id-dossier miegħu.

 

3. Irrevedi d-dossier tiegħek

Wara li tkun ħloqt id-dossier tiegħek mis-sett tad-data tas-sustanza tiegħek, għandek terġa’ tirrevedih. Anke jekk l-Assistent tal-Validazzjoni ma jkun wera l-ebda falliment meta tkun iċċekkjajtu fuq is-sett tad-data tas-sustanza, huwa importanti li tivvalida wkoll id-dossier finali tiegħek; jaf tkun żidt xi informazzjoni waqt il-ħolqien tad-dossier li tista’ tirriżulta f’eżitu ta’ kompletezza differenti.

 

4. Issottometti d-dossier tiegħek f’REACH-IT

Ladarba tkun sodisfatt bid-data fid-dossier tal-IUCLID tiegħek, tista’ tissottomettih lill-ECHA billi tuża REACH-IT.

Dan jista’ jsir billi:

  • tagħżel “Agħżel minn IUCLID Cloud” fl-assistent tas-sottomissjoni ta’ REACH-IT; JEW
  • tagħżel “Esporta” mill-kantuniera ta’ fuq nett tad-dehra tad-dossier prinċipali f’IUCLID Cloud biex tissejvja d-dossier tiegħek fuq il-kompjuter tiegħek qabel ittellgħu u tippreżentah lill-ECHA billi tuża REACH-IT.