Skip to Content
Skip to Content

Parir prattiku għall-kondiviżjoni tad-data u s-sottomissjoni konġunta mal-koreġistranti tiegħek

Il-kondiviżjoni tad-data u l-preżentazzjoni konġunta mhumiex imfassla biex jiġġeneraw profitt għal kwalunkwe persuna, iżda biex jikkondividu l-ispejjeż attwali bejn il-koreġistranti kollha (inti, reġistranti potenzjali oħrajn u reġistranti eżistenti) li jeħtieġu dik id-data.

Inti flimkien mal-koreġistranti tiegħek toperaw fl-istess suq. Inti għandek tivvaluta b'mod kritiku l-informazzjoni kollha li tirċievi filwaqt li tinteraġġixxi mal-koreġistranti li magħhom inti tikkondividi l-ispiża.

Il-koreġistranti għandhom jagħmlu kull sforz biex jaslu għal qbil dwar il-kondiviżjoni tad-data, il-preżentazzjoni flimkien u l-kondiviżjoni tal-ispiża b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju.

Li jsir kull sforz biex jinstab qbil ifisser:

  • li tkun ċar/a dwar il-bżonnijiet tiegħek
  • li tagħmel mistoqsijiet biex tiżgura li l-prezz ġie deċiż b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju
  • li titlob kjarifika kull fejn ikun hemm nuqqas ta' qbil
  • li tisfida kwalunwkwe argument li ma jippromwovix qbil b'argumenti validi.

Parir prattiku għall-kondiviżjoni tad-data u s-sottomissjoni konġunta mal-koreġistranti tiegħek

Parir dwar negozjati

Immaġni

Agħmel kull sforz biex tasal għal qbil. Dak li għandek tagħmel u dak li ma għandekx tagħmel jista’ jgħinek tirnexxi fin-negozjati tiegħek .

X'għandek tagħmel u X'ma għandekx tagħmel

Kun af x'teħtieġ

Immaġni

Qabbel ir-rekwiżiti tal-informazzjoni li japplikaw għal-limitu ta' tunnellaġġ tas-sustanza kimika li inti timmanifattura jew timporta (1-10 jew 10-100 tunnellata metrika kull sena) u t-tip ta' reġistrazzjoni (standard jew intermedja) ma' data li diġà għandek.

Rekwiżiti tal-informazzjoni

Parir prattiku

 

1. Itlob b'mod ċar għal dak li teħtieġ

L-ewwel stadju hu li tistaqsi lill-koreġistrant tiegħek għal prezz ta' dak li teħtieġ, pereżempju d-data li teħtieġ għal-limitu ta' tunnellaġġ li inti tippjana li tirreġistra (meta tikkunsidra t-tip ta' reġistrazzjoni tiegħek).

Tista' tinnegozja aċċess għal studji individwali jew għad-data kollha li diġà kienet ippreżentata Jekk inti teħtieġ biss aċċess għall-preżentazzjoni konġunta iżda mhux għal kwalunkwe waħda mid-data, jeħtieġ li inti taqbel dwar kif inti tirċievi t-token (password) mir-reġistrant prinċipali.

Normalment, il-prezz ikun jikkonsisti fi spejjeż li jirrelataw mad-data u spejjeż li jirrelataw max-xogħol amministrattiv.

Normalment inti tkun tista' tixtri ittra ta' aċċess (LoA), li tippermettilek tirreferi għad-data li teħtieġ għar-reġistrazzjoni tiegħek. Dan jista' jgħinek tevita negozjati twal u dettaljati, u jagħmilha iżjed faċli għalik li tirreġistra billi tagħmel użu minn dokumenti li l-koreġistranti tiegħek diġà użaw u ppreparaw. Jekk inti taqbel mal-prezz propost tista' tipproċedi bir-reġistrazzjoni tiegħek. 

Jekk għandek xi mistoqsijiet jew ma taqbilx ma' kif ġie deċiż il-prezz, għandek id-dritt li titlob għal spjegazzjonijiet u ġustifikazzjonijiet.

 

2. Kun żgur li tħallas biss għad-data li teħtieġ

Ikollok tħallas biss għal data li fil-fatt teħtieġ għar-reġistrazzjoni tiegħek.

M'għandekx għalfejn tħallas għal:

  • data li diġà għandek biex tissodisfa r-rekwiżit tiegħek (punt finali)
  • data li ma teħtieġx għal-limitu ta' tunnellaġġ tar-reġistrazzjoni tiegħek
  • data li ma teħtieġx għat-tip ta' reġistrazzjoni tiegħek (bħal sustanzi intermedji taħt kondizzjonijiet ikkontrollati b'mod strett)
  • data ppreżentata iktar minn 12-il sena ilu għal sustanzi b'numri KE li jibdew b' "4", minħabba li din tista' tintuża mingħajr ħlas.

Inti:

  • obbligat/a titlob biex id-data li tinvolvi l-ittestjar fuq annimali vertebrati tiġi kondiviża,
  • tkun tista' titlob biex id-data li ma tinvolvix l-ittestjar fuq annimali vertebrati tiġi kondiviża,
  • obbligat li tikkondividi d-data tiegħek stess jekk il-koreġistranti tiegħek jitolbuha.

Hekk kif tkun tlabt għal aċċess għal kwalunkwe tip ta' data, inti u l-koreġistranti tiegħek għandkom tagħmlu kull sforz biex taslu għal qbil b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju.

Jekk inti tippreferi tibbaża fuq data oħra li ma tkunx dik tal-koreġistranti tiegħek, pereżempju, minħabba li d-data tagħhom mhijiex ta' kwalità u dettaljata biżżejjed jew minħabba li għandek data ekwivalenti u ma tridx terġa' tħallas, inti tista' tikkunsidra li ma tipparteċipax fil-punt finali speċifiku u tipprovdi d-data tiegħek stess. 

Madankollu, żomm f'moħħok li inti xorta teħtieġ tkun parti mill-istess reġistrazzjoni konġunta. F’xi każijiet, minflok data ta’ ttestjar, tista’ wkoll tikkunsidra rinunzji, metodi li ma jinvolvux l-ittestjar u read-across, jekk ikunu ġġustifikati b’mod xjentifiku. 

 

3. Ikkjarifika dak li tieħu għal flusek

Għandek bżonn għallinqas dritt li tirreferi għad-data li inti teħtieġ għar-reġistrazzjoni tiegħek. Inti trid tiżgura li dan ikopri l-bżonnijiet kollha tiegħek relatati mar-reġistrazzjoni tiegħek, inkluż pereżempju preparazzjoni tal-iskedi ta' data ta' sigurtà tiegħek u l-iżvilupp tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji. Tista’ madankollu, tinnegozja wkoll aċċess għal kopji stampati tal-istudji, jew għal dritt li tuża d-data għal skopijiet ta’ xort’oħra minn REACH.

Teħtieġ ukoll aċċess għall-preżentazzjoni konġunta. Fil-prattika, dan ifisser li r-reġistrant prinċipali jagħtik token (password) biex issir membru tal-preżentazzjoni konġunta f’REACH-IT. Dejjem teħtieġ li tippreżenta r-reġistrazzjoni tiegħek bħala membru ta' preżentazzjoni konġunta, anke jekk inti ma tkunx tikkondividi xi data jew id-data kollha ppreżentata mir-reġistrant prinċipali. Xorta’ jista’ jkun li jkollok tħallas għall-parti tiegħek biex ikollok aċċess għar-reġistrazzjoni konġunta u tirċievi t-token.

Tista’ wkoll tikkunsidra li tinnegozja dwar xi waħda minn dawn, filwaqt li tiftakar li la inti u lanqas il-koreġistrant tiegħek ma intom obbligati tixtru jew tbiegħu xi waħda minn dawn:

  • Ir-Rapport dwar is-Sigurtà Kimika (CSR):

Għal reġistrazzjonijiet ta’ aktar minn 10 tunnellati metriċi kull sena, teħtieġ li tippreżenta CSR. Tista’ tixtrih mill-koreġistrant tiegħek jew tippreparah inti stess. F’każ li tiddeċiedi li tipprepara s-CSR tiegħek, m’għandek tħallas ebda spiża li tkun tirrelata mal-preparazzjoni tas-CSR tal-koreġistrant tiegħek. Għal reġistrazzjonijiet ta' bejn 1-10 tunnellati metriċi kull sena, mhuwiex meħtieġ CSR.

  • Il-Gwida dwar l-użu sigur tas-sustanza:

Minħabba li r-rapport dwar is-sigurtà kimika mhuwiex meħtieġ għal reġistrazzjonijiet bejn 1–10 tunnellati kull sena, inti tkun teħtieġ li tippreżenta aktar informazzjoni fit-taqsima gwida dwar l-użu sigur fid-dossier tar-reġistrazzjoni tiegħek. Il-gwida dwar l-użu sigur jeħtieġ li tkun konsistenti mal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà li inti tforni lill-klijenti tiegħek. Tista’ tikkunsidra li tikkondivdi l-ispejjeż biex tipprepara l-gwida dwar l-użu sigur flimkien mal-koreġistranti tiegħek.

 

4. Itlob għal tqassim tal-ispejjeż

Il-kondiviżjoni tal-ispejjeż jeħtieġ li tkun ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja. Biex tkun tista’ tivvaluta jekk dan huwiex il-każ, teħtieġ informazzjoni dwar il-punti individwali li jiffurmaw il-prezz. Tista’ titlob tqassim tal-ispejjeż, inkluża spjegazzjoni ta’ kif ġew ikkalkulati l-ispjjeż individwali.

Dan it-tqassim huwa obbligatorju u jrid jelenka l-ispejjeż relatati mad-data (punt finali sa punt finali) u max-xogħol amministrattiv. Kull punt jeħtieġ li jkun iġġustifikat, u l-prezz għandu jirrelata mal-informazzjoni li inti teħtieġ għar-reġistrazzjoni tiegħek.
 
Huwa dritt tiegħek li tistaqsi għal u tirċevi tqassim tal-ispejjeż. Ma teżisti ebda prekondizzjoni biex tirċevieh. Ma tistax tkun sfurzat tħallas depożitu, tiffirma qbil dwar nuqqas ta’ żvelar jew tħallas kwalunkwe pagament għal din l-informazzjoni.

Għandek ukoll id-dritt li titlob għal aktar informazzjoni jekk it-tqassim tal-ispejjeż li inti tirċievi ma jkunx iddettaljat biżżejjed. Madankollu, f'xi każijiet il-fatt li jkollok tqassim tal-ispejjeż dettaljat ħafna jista' jkun diffiċli u mhux ta' għajnuna. Inti tista' taqbel b'mod unanimu li tkun pragmatiku u li ma telenkax ċerti elementi jew l-elementi kollha – potenzjalment għal tnaqqis fil-prezz.

 

 

5. Analizza t-tqassim tal-ispejjż.

L-ewwel, hemm l-ispiża tad-data. Din tista’ tinkludi l-ispejjeż biex isir it-test, l-ispejjeż biex jinxtara aċċess għal data meħtieġa jew l-ispejjeż biex ikun sodisfatt ir-rekwiżit ta’ informazzjoni tiegħek b’metodu mhux ta’ ttestjar. 

Jekk ma jkun hemm ebda fattur għal punt, l-ispejjeż biex it-test jerġa’ jsir jew biex issir stima oħra jistgħu jindikaw il-valur. 

It-tieni, hemm spejjeż amministrattivi. Dawn jistgħu jirrelataw mal-amministrazzjoni ġenerali tal-Forum ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar Sustanzi (SIEF) u preżentazzjoni konġunta.

Kemm l-ispejjeż tad-data kif ukoll dawk amministrattivi jeħtieġ jiġu kondiviżi fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni. 

Mhux dejjem huwa possibbli taqsam b'mod preċiż bejn l-ispejjeż tad-data u dawk amministrattivi. Madankollu, il-punti tal-ispejjeż kollha għandhom ikunu ġġustifikati sabiex inti tkun tista' tiddetermina liema partijiet tagħhom jirrelataw mar-rekwiżiti ta' informazzjoni tiegħek. Ara l-Anness III għall-Gwida dwar il-kondiviżjoni tad-data għal eżempji ta' spejjeż tad-data u dawk amministrattivi. 

6. Kun żgur li tħallas biss l-ispejjeż amministrattivi xierqa

Xi wħud mill-ispejjeż amministrattivi jistgħu jkunu speċifiċi għad-data. Pereżempju, spejjeż biex issir tfittxija tal-litteratura jew biex jiġi żviluppat ir-raġunament għal rinunzja għal data jirrelataw mingħajr dubju għal punt finali u mhux għad-dossier sħiħ.

Minħabba li għandek tħallas biss għal data li fil-fatt teħtieġ, ma għandekx għalfejn tħallas għal spejjeż amministrattivi speċifiċi għad-data jekk dawn ikunu jirrelataw ma' punt finali li inti ma teħtieġx jew li diġà għandek.

Madankollu, xi wħud mill-ispejjeż amministrattivi, mhumiex speċifiċi għad-data, iżda huma relatati mal-amministrazzjoni ġenerali tas-SIEF u l-preżentazzjoni konġunta. Pereżempju, l-ispejjeż ta' komunikazzjoni fi ħdan l-SIEF jew l-immaniġġjar tal-aċċess (token) għall-preżentazzjoni konġunta jistgħu japplikaw għall-membri kollha b'mod ugwali.

Fi kwalunkwe każ, inti għandek id-dritt li tkun taf kif jinqasmu l-ispejjeż. Barra minn hekk, l-ispejjeż kollha jeħtieġ li jiġu ġġustifikati.

 

 

7. Iddiskuti dwar l-iskema tar-rimborż

Il-proporzjon tiegħek tal-ispejjeż jiddependi fuq kemm koreġistranti jikkondividu d-data. Tagħmel differenza kbira jekk l-ispejjeż jiġu kondiviżi bejn 2 jew 200 reġistrant.

L-għadd finali ta’ koreġistranti li jikkondividu l-ispejjeż jista’ ma jkunx ċar waqt li inti tinnegozja. Dan ifisser li l-kalkolu tal-prezz jista’ jkun ibbażat fuq in-numru ta’ koreġistranti li jkunu jeżistu f’dak il-ħin. Inti tista' tiċċekkja n-numru attwali tal-koreġistranti fuq is-sit web tal-ECHA u, ladarba tirreġistra, inti tista' timmonitorjah f'REACH-IT.

Li jkollok skema ta’ rimborż hija obbligatorja u tiżgura li l-ispejjeż jiġu kondiviżi b’mod ugwali. Kull darba li reġistrant potenzjali ġdid jixtri aċċess għad-data, l-ispejjeż ġenerali għal kull koreġistrant għandhom jonqsu. Jeħtieġ li jkun hemm qbil dwar meta u b’liema frekwenza l-prezz għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid.

Madankollu, li jkollok skema ta’ rimborż tista’ tiswielek aktar mir-rimborż potenzjali. F'dan il-każ, inti tista' taqbel b'mod unanimu li ma jkollokx waħda – potenzjalment għal aktar tnaqqis fil-prezz. Biex tirrinunzja l-obbligu li tistabbilixxi skema ta' rimborż, inti teħtieġ il-qbil ta' kull reġistrant – inklużi dawk futuri, li għandhom id-dritt li jitolbu skema ta' rimborż anke jekk ir-reġistranti preċedenti kollha jkunu qablu li ma jkollhomx. 

 

 

8. Itlob informazzjoni dwar il-metodu użat biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż.

Il-koreġistranti jistgħu jaqblu dwar kwalunkwe metodu għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż li huma jsibu xieraq. Pereżempju, jistgħu jintużaw spejjeż storiċi jew spejjeż ta’ sostituzzjoni. Spejjeż storiċi huma bbażati fuq fatturi attwali filwaqt li spejjeż ta’ sostituzzjoni jirreferu għall-ispejjeż biex it-test jerġa’ jsir.

L-aktar mod ovvju tal-kondiviżjoni tad-data huwa meta kull reġistrant iħallas is-sehem tiegħu tal-informazzjoni li jkun jeħtieġ. 

Barra minn hekk, il-koreġistranti jistgħu japplikaw żidiet u tnaqqis għall-prezz ġenerali. Dawn għandu jkun hemm qbil reċiproku dwarhom. 

Għal aktar informazzjoni, iċċekkja l-Iskeda informattiva dwar elementi tipiċi tal-ispejjeż fil-kondiviżjoni tad-data.

Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li inti tifhem il-metodu użat. Jekk ikollok xi dubji, għandek id-dritt li titlob għal aktar dettalji u ġustifikazzjonijiet.

 

9. Sib qbil dwar spejjeż fil-ġejjieni

Inti ma tistax tiġi sfurzat tħallas bil-quddiem għal spejjeż potenzjali li jistgħu jseħħu aktar tard.

Madankollu, inti trid taqbel mal-koreġistranti tiegħek biex tistabbilixxi sistema li tkopri spejjeż futuri potenzjali, pereżempju, għal aġġornamenti spontanji tad-dossier jew għall-ġenerazzjoni ta' studji mitluba taħt l-evalwazzjoni tad-dossier. F'dan il-qbil, kun żgur li inti tħallas biss għal dak li teħtieġ sabiex tkun konformi ma' REACH. Ara aktar fil-Kapitlu 5.5.5 "Studji ġodda" tal-Gwida dwar il-kondiviżjoni tad-data għal aktar informazzjoni. 

 

10. Iddiskuti dwar il-metodi kollha tal-ħlas.

Ir-reġistranti huma liberi li jaqblu dwar kwalunkwe metodu ta’ ħlas li jixtiequ. Ma hemm ebda obbligu legali li jeħtieġ trattament speċjali għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), iżda huwa importanti li taġġusta n-negozjati għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Dan jista’ jkun eżempju ta’ kull sforz meħtieġ kif mitlub minn REACH. Tista’ pereżempju taqbel biex isiru pagamenti parzjali.

U jekk......?

F’ħafna każijiet, inti u l-koreġistranti tiegħek taslu għal qbil li jissodisfa liż-żewġ partijiet għan-negozjati. Madankollu, tista’ wkoll tiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli fin-negozjati tiegħek.

 

X’jiġri jekk ma nirċevix tweġiba?

Ipprova mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni u żomm rekords - ittri reġistrati, telefown, identifikazzjoni ta' persuni oħra fil-kumpanija, eċċ. Jekk il-messaġġ jasal għand id-destinatarju u inti tibqa' ma tirċevix tweġiba, ibgħat nota ta' tfakkira bi skadenza realistika biex iweġbuk lura, u infurmahom li inti se tippreżenta lment lill-ECHA jekk  it-talba tiegħek tiġi injorata.

 

X’jiġri jekk it-tweġiba ma twieġibx il-mistoqsijiet tiegħi?

Irrepeti l-mistoqsijiet tiegħek u enfasizza li jekk ma tirċevix tweġiba sa ċertu data, dan jiġi kkunsidrat bħala mhux trasparenti jew li mhuwiex qed isir kull sforz. Barra minn hekk, infurmahom li inti se tippreżenta tilwima lill-ECHA jekk it-talba tiegħek tiġi injorata.

 

X’jiġri jekk ma naqbilx mal-prezz issuġġerit?

Jeħtieġ li inti tikkontesta b'mod oġġettiv il-prezz propost. Inti tista', pereżempju, tipprovdi kwotazzjoni ta’ prezz alternattiv minn laboratorju differenti; tikkontesta l-prezz tal-punti, żidiet u tnaqqis; jew tissuġġerixxi prezz alternattiv u tispjega għaliex tikkunsidra li dak il-prezz huwa aktar xieraq. 

Kun af li waqt li l-prezz propost jista' jidher bħala għoli wisq għalik, dan jista' jiġi ġġustifikat b'mod oġġettiv permezz ta' evidenza. Filwaqt li l-kondiviżjoni tad-data u l-preżentazzjoni konġunta taħt REACH "mhumiex għal skop ta' qligħ", il-kondiviżjoni ġusta tal-ispejjeż xorta tirrikjedi li kull reġistrant ikopri s-sehem tiegħu tal-ispejjeż għar-reġistrazzjoni.

Għal aktar informazzjoni, ara Skeda Informattiva dwar elementi tipiċi tal-ispejjeż f’negozjati dwar il-kondiviżjoni tad-data

 

 

X’jiġri jekk kollox huwa ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju iżda jiena xorta ma jkunx niflaħ għall-prezz?

Jekk inti tikkunsidra li l-ispejjeż huma ġġustifikati iżda xorta ma tiflaħx għall-ispiża tagħhom, tista’ tfittex parir dwar sorsi alternattivi biex tikseb fondi mill-organizzazzjonijiet tas-settur tiegħek jew mill-awtoritajiet lokali

 

X’jiġri jekk staqsejt il-mistoqsijiet kollha tiegħi iżda għadni konvint li l-prezz mhuwiex ġust, trasparenti jew mhux diskriminatorju?

Kun ċert li tikkomunika b’mod ċar lill-koreġistranti tiegħek għaliex tikkunsidra li dan il-prezz mhuwiex ġust, mhuwiex trasparenti jew huwa diskriminatorju.  Jekk inti xorta waħda ma tistax taqbel dwar id-data u l-kondiviżjoni tal-ispejjeż, u l-aċċess għall-preżentazzjoni konġunta (token) mal-koreġistranti tiegħek, bħala l-aħħar alternattiva, l-ECHA tista' tivvaluta l-każ tiegħek. Il-preżentazzjoni ta' lment lill-ECHA hija mingħajr ħlas u inti ma teħtieġx appoġġ legali biex tagħmel dan. Inti se tkun mitlub biss tippreżenta r-rekords kollha tan-negozjati tiegħek.

Qabel ma tippreżenta lment lill-ECHA, jeħtieġ li tkun żgur li tista’ turi li inti għamilt kull sforz biex tasal għal qbil, u li inti indirizzajt it-tħassib kollu tiegħek direttament lill-parti l-oħra. 

Hekk kif jiġi ppreżentat ilment, l-ECHA tivvaluta l-isforzi magħmula biex isir qbil dwar il-kondiviżjoni tad-data u l-ispiża tagħha u l-aċċess għall-preżentazzjoni konġunta (token) b’mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju. 

L-ECHA ma tivvalutax il-prezz bħala tali jew jekk dan huwiex xieraq. Jekk l-ECHA ssib li inti għamilt kull sforz biex tasal għal qbil, filwaqt li l-koreġistranti tiegħek naqsu li jagħmlu dan, l-ECHA tista’ tagħtik il-permess li tirreferi għad-data kkontestata u aċċess għall-preżentazzjoni konġunta (token).

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)


Route: .live1