Xi trid tikkunsidra għan-negozju tiegħek

Biex turi l-użu sikur tas-sustanza tiegħek f’dossier ta’ reġistrazzjoni hemm bżonn ta’ investiment serju ta’ żmien, flus u kompetenza.

Se tkun teħtieġ djalogu u, normalment, ftehimiet kuntrattwali ma’ kumpaniji koreġistranti sabiex taqblu dwar kif tikkondividu l-ispejjeż tad-data neċessarja dwar il-periklu u x-xogħol relatat mal-valutazzjoni tar-riskji. Ser ikollkom bżonn ukoll taqblu dwar kif tippreżentaw din l-informazzjoni fid-dossier ta’ reġistrazzjoni.

Ftakar li permezz tar-reġistrazzjoni tista’ turi lill-klijenti tiegħek li inti fornitur responsabbli li kkontribwixxa għall-użu sikur tas-sustanzi kimiċi. 

 

1. X’inhu s-suq għas-sustanza tiegħek?

Kun af x’inhuma l-ħtiġijiet tal-klijenti tiegħek
Informa lill-klijenti tiegħek dwar l-intenzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tiegħek minn kmieni, sabiex tkun tista’ tifhem x’inhi d-domanda għas-sustanza.

Qis il-previżjoni regolatorja għas-sustanza tiegħek
Il-karatteristiċi intrinsiċi tas-sustanza tiegħek ifissru li jistgħu jqajmu tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent? Jekk iva, jaf tkun fi triqitha li tiġi eliminata b’mod gradwali skont proċessi oħrajn ta’ REACH, bħall-awtorizzazzjoni, fil-futur qarib.

2. Ir-reġistrazzjoni skont REACH kif taffettwa l-kumpanija tiegħek?

Iddeċiedi dwar it-tip ta’ reġistrazzjoni
F’liema medda ta’ tunnellaġġ qed tippjana li tirreġistra s-sustanza tiegħek?  Ir-reġistrazzjoni tiegħek hija biss għal użi intermedji taħt kundizzjonijiet strettament ikkontrollati? Id-data meħtieġa u l-ispejjeż relatati mar-reġistrazzjoni tiegħek jvarjaw ferm skont it-tunnellaġġ u t-tip ta’ reġistrazzjoni.

Iġbor u vvaluta l-informazzjoni disponibbli dwar is-sustanza tiegħek
Fuq il-bażi tat-tip ta’ reġistrazzjoni tiegħek, trid tiġbor l-informazzjoni dwar is-sustanza tiegħek u l-effetti tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Dan huwa xogħol l-espert. L-impjegati tiegħek għandhom il-kompetenzi meħtieġa jew trid testernalizza dan ix-xogħol?

Ikkumpila d-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek stess
Għalkemm huwa mistenni li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni tiġi sottomessa konġuntament ma’ kumpaniji oħrajn, hemm bżonn ta’ ċerta informazzjoni mingħand kull reġistrant individwalment. Trid tiddeċiedi jekk testernalizzax dan ix-xogħol jew tqabbadx lill-ħaddiema tiegħek jagħmluh.

Ikkalkula t-tariffa tar-reġistrazzjoni skont REACH
Ir-reġistrazzjoni skont REACH teħtieġ il-ħlas ta’ tariffa lill-ECHA skont il-limitu ta’ tunnellaġġ, it-tip ta’ reġistrazzjoni u d-daqs tal-kumpanija tiegħek.

Kumpaniji żgħar u medji jibbenefikaw minn tariffi inqas tar-reġistrazzjoni. Trid tiċċekkja sew jekk taqax f’din il-kategorija, peress li l-ECHA tista’ titlob dokumentazzjoni adegwata fi stadju aktar tard.

Identifika l-użi u l-kundizzjonijiet tal-użu għas-sustanza tiegħek għall-użi proprji u għall-użi fil-katina tal-provvista tiegħek
Għandek użi li tixtieq iżżomm kunfidenzjali? Jekk tikkonċerna sustanza li se tirreġistra fil-medda ta’ tunnellaġġ ta’ 10 tunnellati fis-sena jew iktar, se jkollok bżonn tagħmel valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika għal dik is-sustanza inti stess.

Taf x’inhuma l-użi ewlenin tas-sustanza tiegħek għall-klijenti tiegħek? X’użi trid issostni fir-reġistrazzjoni tiegħek?

Taf lill-klijenti u l-fornituri tiegħek sew? Jekk iva, aktarx li tista’ toqgħod fuqhom biex jgħinuk tiġbor informazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħek. Jekk le, trid talloka biżżejjed żmien u riżorsi biex tiġbor id-data meħtieġa.

Tagħmel parti minn organizzazzjoni settorjali? Jekk iva, dawn organizzaw ix-xogħol għall-ġbir tal-informazzjoni dwar l-użi? Inkella, jaf ikollok tiġbor din l-informazzjoni inti stess.

Żomm ir-reġistrazzjoni aġġornata
Wara r-reġistrazzjoni, trid iżżomm ir-reġistrazzjonijiet tiegħek aġġornati. Pereżempju, użi ġodda jridu jiġu vvalutati sabiex jintwera bil-provi li huma sikuri u inklużi fir-reġistrazzjoni. L-awtoritajiet jistgħu jitolbu aġġornamenti wkoll. Alloka biżżejjed riżorsi biex tħejji l-aġġornamenti.

3. Trid taħdem flimkien ma’ kumpaniji oħrajn

Sib il-koreġistranti tiegħek
Jekk għandek koreġistranti għas-sustanza tiegħek, inti mistenni tikkondividi l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni magħhom. Dan inaqqaslek l-ispejjeż individwali tiegħek. Reġistrazzjoni konġunta tgħin ukoll sabiex jiġi evitat xogħol doppju u ttestjar bla bżonn fuq l-annimali.

Jista’ jkun ukoll li tkun l-uniku wieħed li tirreġistra s-sustanza. Filwaqt li dan ifisser li ma jkollok talloka l-ebda riżorsa biex tikkoopera ma’ oħrajn, ix-xogħol kollu tar-reġistrazzjoni trid tagħmlu kollu int.

Ibda l-kooperazzjoni mal-koreġistranti tiegħek
Il-koreġistranti jridu jaqblu dwar kif se jaħdmu flimkien.

Jekk tkun qed torganizza l-kooperazzjoni mill-bidu nett, trid tinvesti ż-żmien u r-riżorsi fil-fażi tal-bidu.

Jekk is-sustanza tiegħek hija diġà reġistrata, il-proċess ta’ reġistrazzjoni tiegħek normalment ikun aktar veloċi u jikkonsisti l-aktar fi qbil dwar il-kondiviżjoni tad-data u tal-kost mar-reġistranti eżistenti.

Interaġixxi mal-koreġistranti tiegħek
Trid taqbel dwar il-kontenut tar-reġistrazzjoni konġunta mal-koreġistranti tiegħek. Dan ifisser li trid tinvesti f’attivitajiet kollaborattivi bħal laqgħat jew konferenzi online.

Analizza l-informazzjoni li għandkom bħala grupp ta’ koreġistranti
Fuq il-bażi tat-tip ta’ reġistrazzjoni tiegħek u l-informazzjoni identifikata mill-koreġistranti tiegħek, trid tqis l-affidabbiltà kif ukoll ir-rilevanza tal-informazzjoni. Dan huwa xogħol l-espert. Trid tiddeċiedi flimkien mal-koreġistranti tiegħek jekk testernalizzawx dan il-kompitu jew le.

Innegozja dwar il-kondiviżjoni tad-data
Il-proprjetarji tad-data huma intitolati jiġu kkumpensati għaliha. Trid talloka biżżejjed riżorsi għal dawn in-negozjati.

Ikseb l-informazzjoni li għandek nieqsa għar-reġistrazzjoni tiegħek
Jekk inti jew il-koreġistranti tiegħek m’għandkomx id-data kollha meħtieġa għar-reġistrazzjoni, tridu tiddeċiedu x’inhu l-aħjar mod kif timlew il-lakuni fid-data. Dan huwa xogħol l-espert. Trid tiddeċiedi flimkien mal-koreġistranti tiegħek jekk testernalizzawx dan il-kompitu jew le.

Ftakar li t-testijiet fuq annimali vertebrati għandhom isiru biss bħala l-aħħar soluzzjoni.

Ikkumpila d-dossier ta’ reġistrazzjoni konġunta
L-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni trid tiddaħħal entrata, entrata f’dossier ta’ reġistrazzjoni. Trid tiddeċiedi flimkien mal-koreġistranti tiegħek jekk għandkomx testernalizzaw dan ix-xogħol jew le.

Żomm ir-reġistrazzjoni tiegħek aġġornata
Wara li tirreġistra, trid iżżomm il-parti konġunta tar-reġistrazzjonijiet tiegħek aġġornata wkoll. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jistgħu jitolbu aġġornamenti. Alloka r-riżorsi għat-tħejjija tal-aġġornamenti, u ftiehem mal-koreġistranti tiegħek dwar il-proċess ta’ aġġornament.

 

4. Kif torganizza x-xogħol internament

Issimplifika l-proċessi interni tiegħek għar-reġistrazzjoni skont REACH
It-tħejjija ta’ reġistrazzjoni tista’ tieħu sena. Tista’ ddum anki iktar jekk ma jkun hemm l-ebda informazzjoni eżistenti dwar il-perikli. Jekk ikollok diversi sustanzi x’tirreġistra, agħmel pjan ċar tal-proġett sabiex tkun tista’ tiġġestixxi l-volum ta’ xogħol.

Il-kollegi tiegħek jafu dwar REACH u xi jfisser għall-kumpanija tiegħek? Fl-aħħar mill-aħħar, jaqbillek li jkollok sistema ta’ traċċar interna għal kwistjonijiet relatati ma’ REACH. Pereżempju, trid tinvolvi t-taqsima tal-fatturar, tal-bejgħ u l-kollegi li jabbozzaw l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà.

Ippjana kif tista’ tittraċċa l-volumi tas-sustanza fil-kumpanija tiegħek. Għal sustanza waħda jista’, pereżempju, ikollok importazzjonijiet minn pajjiżi differenti, użi intermedji u mhux intermedji, jew importazzjonijiet ta’ sustanza kif inhi u f’taħlitiet - dawn kollha jaffettwawlek id-dmirijiet tiegħek.

Antiċipa l-bżonn li tirrevedi l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà tiegħek
Informazzjoni ġdida miġbura matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni tista’ twassal għal tibdil, pereżempju, fil-klassifikazzjoni tas-sustanza, u l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà jista’ jkollhom bżonn jiġu aġġornati. Meta l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tiġi aġġornata, trid tehmeż ix-xenarji ta’ esponiment għal sustanzi perikolużi reġistrati għal 10 tunnellati metriċi fis-sena jew iktar.