Kif toħloq id-dossier tar-reġistrazzjoni tiegħek b'IUCLID

Dawn huma l-passi ewlenin li għandek issegwi meta toħloq id-dossier ta' reġistrazzjoni tiegħek b'IUCLID.

 

1. Niżżel u installa IUCLID

Tista' tniżżel IUCLID b'xejn mis-sit web ta' IUCLID. Jekk inti l-unika persuna fil-kumpanija tiegħek li qed taħdem fuq id-dossier, probabbilment huwa l-aktar konvenjenti li taħdem bil-verżjoni tad-desktop fuq il-kompjuter tiegħek stess. Inkella tista' tuża l-verżjoni tas-server, li jfisser li diversi persuni fil-kumpanija tiegħek jista' jkollhom aċċess u jaħdmu fuq l-istess dejta tal-IUCLID fl-istess ħin.

 

2. Oħloq sett tad-dejta tas-sustanza tiegħek

L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel f'IUCLID huwa li toħloq sett ta' dejta tas-sustanza tiegħek, li jinkludi d-dejta amministrattiva u xjentifika għas-sustanza li qed tirreġistra. Din hija l-bażi għar-reġistrazzjoni tiegħek u teħtieġ li tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-karatteristiċi, l-użu u l-espożizzjoni tas-sustanza. Inti tista' teditja s-sett tad-dejta fi kwalunkwe ħin fil-futur, pereżempju, jekk issib informazzjoni ġdida dwar is-sustanza tiegħek.

Jekk għandek inkluża kwalunkwe informazzjoni fis-sett tad-dejta tas-sustanza tiegħek li m'għandhiex tiġi ppubblikata fis-sit web tal-ECHA, int teħtieġ li tindika dan billi tuża markaturi ta' kunfidenzjalità (confidentiality flags). Kull pretensjoni ta' kunfidenzjalità teħtieġ li tiġi ġġustifikata b'mod qawwi.

Qabel ma tkompli, ivverifika l-kompletezza tas-sett tad-dejta tas-sustanza tiegħek billi tħaddem il-plug-in tal-Validation Assistant (Assistent ta' Validazzjoni) ta' IUCLID. Dan se juri jekk is-sett tad-dejta tiegħek huwiex komplet jew jekk ikollokx bżonn li taġġustah.

Il-Validation Assistant (Assistent ta' Validazzjoni) jimmarka l-oqsma li teħtieġ tagħtihom ħarsa aktar dettaljata. Biex tippreżenta b'suċċess id-dossier tiegħek lill-ECHA, int se jkollok bżonn tikkoreġi l-kontrolli tal-preżentazzjoni kollha. Il-kontrolli tal-kwalità qegħdin hemm biex jgħinuk ittejjeb il-kwalità tad-dejta tiegħek. L-aġġornamenti futuri tal-IUCLID 6 sejrin jintroduċu aktar kontrolli ta' kwalità biex jgħinuk toħloq dossier ta' kwalità għolja.

 

3. Oħloq id-dossier tiegħek

Il-fajl li inti tippreżenta lill-ECHA biex tirreġistra s-sustanza tiegħek jissejjaħ dossier. Dossier huwa kopja li tinqara biss tas-sett tad-dejta tas-sustanza tiegħek, ikkumplimentat b'informazzjoni amministrattiva dwar it-tip ta' reġistrazzjoni.

Billi tikklikkja l-buttuna tal-lemin fuq is-sett tad-dejta tas-sustanza tiegħek u tagħżel "Create Dossier" (Oħloq Dossier), inti tkun qed tniedi l-wizard tal-ħolqien tad-dossier li se jiggwidak tul il-proċess.

Waqt li toħloq id-dossier ta' reġistrazzjoni f'IUCLID, oqgħod attent/a għal dan li ġej:

  • Submission type (Tip ta' sottomissjoni): Agħżel it-tip ta' sottomissjoni korretta fil-wizard tal-ħolqien tad-dossier: qed tirreġistra sustanza għal użi standard (sustanza tintuża bħala tali jew f'taħlitiet) u b'rekwiżiti tal-informazzjoni standard? Ir-reġistrazzjoni tiegħek tkopri sustanza għal użi intermedji (sustanza tintuża biex tagħmel sustanza oħra) biss? Int reġistant ewlieni jew membru?
  • Administrative information (Informazzjoni amministrattiva): inti tikklejmja informazzjoni, bħal-limiti ta' tunnellaġġ u n-numru ta' reġistrazzjoni tiegħek, bħala kunfidenzjali.
  • Jekk int eliġibbli għal rinunzja tat-tariffi għal dossiers ta' 1-10 tunnellati kull sena, int teħtieġ li tindika dan hawnhekk. Dan huwa l-każ jekk inti b'mod volontarju tipprovdi l-pakkett ta' informazzjoni standard għas-sustanza tiegħek għalkemm inti tkun kapaċi tirreġistra b'sett imnaqqas ta' informazzjoni.
  • Name your dossier (Agħti isem lid-dossier tiegħek): inti għandek tagħti isem lid-dossier tiegħek taħt informazzjoni amministrattiva addizzjonali. L-isem għandu jgħinek tidentifika b'mod faċli d-dossier fis-sistema tiegħek stess. Tużax informazzjoni kunfidenzjali fl-isem, peress li se jarah kull min taqsam id-dossier miegħu.

 

4. Irrevedi d-dossier tiegħek

Wara li tkun daħħalt l-informazzjoni kollha fid-dossier tiegħek, inti tkun tista' tirrivediha. Wara erġa' iftaħ il-Validation Assistant (Assistent ta' Validazzjoni) u issa ħaddmu fid-dossier tiegħek. Anki jekk il-Validation Assistant (Assistent ta' Validazzjoni) ma jkun wera l-ebda falliment meta ħaddimtu fuq is-sett tad-dejta tas-sustanza tiegħek, huwa importanti li tħaddmu wkoll fuq id-dossier finali - jaf tkun żidt xi informazzjoni waqt il-ħolqien tad-dossier u dan jista' jirriżulta f'eżitu ta' kompletezza differenti.

 

5. Ħaddem il-ħarsa bil-quddiem tad-disseminazzjoni biex tara x'se jkun ippubblikat onlajn

Partijiet kbar minn dossier ta' reġistrazzjoni huma disponibbli pubblikament bil-liġi, iżda inti tista' tikklejmja ċerta informazzjoni bħala kunfidenzjali. Bil-plug-in ta' ħarsa bil-quddiem tad-disseminazzjoni inti tista' tara minn qabel x'se jkun ippubblikat abbażi tal-pretensjonijiet li tkun daħħalt fid-dossier.

L-ECHA se tiċċekja l-pretensjonijiet ta' kunfidenzjalità li tkun daħħalt fid-dossier. Jekk il-pretensjoni tiegħek tiġi miċħuda, inti se tingħata l-opportunità biex ittejjeb ir-raġunament tiegħek. Jekk pretensjoni ma tkunx iġġustifikata b'mod adegwat, l-informazzjoni tiġi ppubblikata.

 

6. Esporta u ppreżenta d-dossier tiegħek

Ladarba tkun sodisfatt bid-dejta fid-dossier tal-IUCLID tiegħek, qabel ma tippreżentaha lill-ECHA bl-użu ta' REACH, l-ewwel esportaha għall-kompjuter tiegħek.