Strateġija biex tiġbor id-data tiegħek

Hemm erba’ stadji fil-proċess tal-ġbir ta’ data li jridu jiġu segwiti qabel tiġi reġistrata sustanza. Għandek taqbel mal-koreġistranti tiegħek kif se taqsmu x-xogħol bejnietkom jew jekk intomx se testernalizzw parti minnu jew kollu kemm hu.

 

1. Iġbor l-informazzjoni disponibbli kollha

Iġbor ir-riżultati tal-istudju/tat-testijiet eżistenti dwar is-sustanza tiegħek u vvaluta l-kwalità tagħhom.

Għandek tirrieżamina wkoll il-letteratura xjentifika u l-manwali disponibbli. Ħafna drabi tista’ tuża l-informazzjoni mil-letteratura biex tiddeskrivi l-karatteristiċi fiżikokimiċi tas-sustanza jekk ikun hemm biżżejjed sorsi indipendenti.

 

2. Qis sew x’informazzjoni teħtieġ

Kun af x’informazzjoni teħtieġ għall-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek.

Il-parti konġunta tad-dossier ta’ reġistrazzjoni trid tkopri r-rekwiżiti ta’ informazzjoni mill-Anness VII sal-ogħla medda ta’ tunnellaġġ reġistrata mill-koreġistranti.

Kun ċert li tikkunsidra r-rekwiżiti l-aktar aġġornati ta’ ttestjar. Ikkonsulta t-test ta’ REACH u leġiżlazzjonijiet relatati.

 

3. Qabbel l-istadji 1 u 2 biex tidentifika hemmx xi informazzjoni nieqsa u biex tikkondividi mal-koreġistranti tiegħek

Billi tqabbel ir-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-informazzjoni eżistenti, għandek tkun kapaċi tikkonkludi:

  • jekk hemmx data ta’ kwalità tajba disponibbli fil-grupp tal-koreġistranti tiegħek u li trid tiġi kondiviża;
  • jekk hemmx informazzjoni nieqsa, jiġifieri lakuni fid-data fil-grupp ta’ koreġistranti tiegħek.

Ftakar li d-data trid tkun adegwata, affidabbli, rilevanti u tissodisfa r-rekwiżit ta’ informazzjoni.

 

4. Iġġenera l-informazzjoni

L-informazzjoni tista’ tiġi ġġenerata minn testijiet ġodda, li jistgħu jiġu esternalizzati lil kumpanija speċjalizzata (laboratorju / organizzazzjoni tar-riċerka b’kuntratt). Il-metodoloġija tat-test teħtieġ li tkun xierqa u t-test għandu jkun rilevanti għas-sustanza tiegħek.

Għal testijiet dwar il-karatteristiċi ambjentali jew dwar is-saħħa tal-bniedem, il-laboratorju tal-ittestjar għandu jkun ċertifikat bħala konformi mal-GLP, filwaqt li dan mhuwiex meħtieġ għall-karatteristiċi fiżikokimiċi.

Huwa importanti li żżomm f’moħħok li l-ittestjar fuq l-annimali għandu jsir biss bħala l-aħħar soluzzjoni; l-ewwel għandhom jiġu kkunsidrati mezzi oħra biex tiġġenera l-informazzjoni (ara l-Gwida prattika dwar “Kif tuża metodi alternattivi minflok l-ittestjar fuq l-annimali”).

Jekk ir-riżultati eżistenti tiegħek juru li s-sustanza tiegħek tista’ tippreżenta riskju, għandek tkompli tinvestiga u tidentifika l-mezzi li għandek biex tiġbor l-informazzjoni lil hinn mir-rekwiżiti tal-faxxa ta’ tunnellaġġ tiegħek. It-testijiet deskritti fl-Anness IX u X għal REACH jitolbu li r-reġistranti jissottomettu proposta ta’ ttestjar lill-ECHA. Huwa biss wara li l-ECHA tkun aċċettat il-proposta, li inti u l-koreġistranti tiegħek tistgħu tipproċedu bl-ittestjar.