Stabbilixxi s-similarità ta' sustanzi

Kumpaniji li jimmanifatturaw u jimportaw l-istess sustanza għandhom jirreġistraw b'mod konġunt. Jekk is-sustanzi mhumiex l-istess m'għandhomx jirreġistraw b'mod konġunt. Kif tista' tiddeċiedi meta żewġ sustanzi huma l-istess?

Għal sustanza definita tajjeb, applika l-prinċipji ġenerali mill-gwida.

Uża l-prinċipji ġenerali deskritti fit-taqsima 5 tal- Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta' ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP:

  1. Sustanzi definiti tajjeb huma kkunsidrati l-istess jekk ikunu jikkonsistu mill-istess kostitwenti prinċipali: il-kompożizzjoni tagħhom tiddetermina s-similarità.
  2.  Sustanza monokostitwenti hija sustanza fejn il-kostitwent prinċipali jkun preżenti fi jew f'aktar minn 80%.
  3. Sustanza multikostitwenti hija sustanza fejn mill-inqas żewġ kostitwenti huma preżenti f'ammonti bejn 10% u 80%, u ebda wieħed minnhom f'aktar minn 80%.
  4. Il-grad ta' purità ta' sustanza ma jeffettwax is-similarità.
  5. Impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta' produzzjoni jistgħu jvarjaw għall-istess sustanzi.
  6. Gradi tekniċi, gradi analitiċi jew sustanzi puri huma l-istess sakemm ikunu jikkonsistu mill-istess kostitwent(i) prinċipali.
  7. Xi sustanzi jista' jkollhom profil ta' purità/impurità differenti skont il-grad tagħhom.

Meta tkun qiegħed tivvaluta jekk tistax tirreġistra b'mod konġunt ma' kumpaniji oħra, tista' tasal għal tliet konklużjonijiet differenti:

  1. Tista' definittivament tirreġistra b'mod konġunt minħabba li s-sustanzi tiegħek jikkonsistu mill-istess kostitwent(i) prinċipali;
  2. Ma tistax tirreġistra b'mod konġunt, b'ebda mod, minħabba li s-sustanzi tiegħek ma jikkonsistux mill-istess kostitwent(i) prinċipali;
  3. Reġistrazzjoni konġunta tas-sustanzi hija possibbli, jekk ġustifikata. Pereżempju, meta s-sustanzi jkunu mal-konfini ta' sustanzi mono- u multikostitwenti.

Għal sustanza UVCB, fittex eżempji u gwida speċifika għas-settur.

Jekk għandek sustanza ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti ta' reazzjoni kumplessa jew materjali bijoloġiċi (UVCB), ma hemm ebda linja bażi komuni li tintitola r-reġistrazzjoni konġunta tas-sustanzi.

Ivverifika mal-Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta' ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP għal informazzjoni iktar dettaljata dwar meta żewġ sustanzi UVCB jistgħu jew ma jistgħux ikunu rreġistrati flimkien. Il-kompożizzjoni, is-sors u l-proċess ta' manifattura huma fatturi kritiċi biex jiddeterminaw dan.

Tista' tikkonsulta wkoll paġni ta' sostenn speċifiċi għas-settur fuq is-sit web tal-ECHA. Din il-gwida speċifika għas-settur, flimkien mal-gwida uffiċjali tal-ECHA, tista' tgħinek tidentifika s-sustanza tiegħek b'mod korrett u tikseb il-konformità ma' REACH fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sustanza. Tgħinek ukoll tieħu deċiżjonijiet dwar is-similarità tas-sustanzi.