Kif torganizza lilek innifsek għall-aġġornamenti tad-dossiers

Id-dossier ta’ reġistrazzjoni jrid jirrifletti l-għarfien attwali dwar il-mod kif is-sustanza tiegħek tista’ tintuża b’mod sigur fis-siti ta’ produzzjoni u minn utenti fil-katina kollha tal-provvista. Dan ifisser li wara li inti tkun issottomettejt reġistrazzjoni b’suċċess u rċevejt in-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħek, xorta jkun għad fadallek x’tagħmel.

Trid taġġorna r-reġistrazzjoni tiegħek – jew tikkontribwixxi għall-aġġornament tal-parti konġunta tar-reġistrazzjoni tiegħek meta:

  1. L-għarfien tiegħek dwar is-sustanza jew il-bidliet fl-użu tagħha eż. medda ta’ tunnellaġġ ogħla, użi ġodda, bidla fil-kompożizzjoni tas-sustanza, eċċ.
  2. Tirċievi deċiżjoni ta’ evalwazzjoni li titolbok iżżid informazzjoni mar-reġistrazzjoni tiegħek.

Bidliet li jħallu impatt fuq l-aġġornamenti tad-dossier tiegħek

Bidliet fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi skont ir-REACH, jista’ jkollhom impatt fuq l-aġġornamenti tad-dossier tiegħek. Għandek toqgħod attent ukoll għall-bidliet tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati ta’ sustanzi perikolużi li huma aġġornati permezz ta’ “Adattament għall-Progress Tekniku (ATP)” u maħruġa kull sena mill-Kummissjoni Ewropea.

L-ECHA tista’ twettaq kampanji ta’ skrinjar tal-IT dwar id-dossiers biex tenfasizza l-aspetti tar-reġistrazzjonijiet li jistgħu jittejbu. B’riżultat ta’ dan, l-ECHA tista’ tfakkar lil reġistrant biex iwettaq aġġornament tad-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħu sabiex jiġi indirizzat it-tħassib enfasizzat, kif ukoll tittejjeb il-kwalità tad-data f’sottomissjonijiet futuri. Madankollu, tibqa’ r-responsabbiltà tar-reġistrant li jżomm id-data tiegħu aġġornata. Bħala reġistrant, għandek tqis id-dossier tiegħek bħala “dokument ħaj” u taġġornah kull meta informazzjoni ġdida tkun disponibbli.

 

Pariri prattiċi għall-aġġornamenti tad-dossier

Hawn taħt issib sett ta’ punti prattiċi li għandhom jitqiesu meta taġġorna d-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Din il-lista fiha biss rakkomandazzjonijiet u ma għandhiex titqies bħala l-uniku sors ta’ gwida meta jiġi vverifikat jekk huwiex meħtieġ aġġornament tad-dossier jew le.

Iċċekkja jekk għadek timmanifattura/timporta s-sustanza

Jekk m’għadekx qed timmanifattura/timporta s-sustanza, waqqaf il-manifattura/l-importazzjoni tar-reġistrazzjoni fil-kont REACH-IT tiegħek.

Iċċekkja li l-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek għadha korretta

Iċċekkja jekk il-medda ta’ tunnellaġġ irreġistrata tiegħek għadhiex aġġornata. It-tunnellaġġ li għandu jitqies huwa l-kwantità manifatturata/importata għas-sena kalendarja preċedenti (jiġifieri, ma għadhiex il-medja ta’ tliet snin preċedenti).

Ikollok bżonn taġġorna d-dossier tiegħek jekk:

  • It-tunnellaġġ importat jew manifatturat tiegħek naqas
  • Il-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek qabżet jew x’aktarx taqbeż il-medda ta’ tunnellaġġ attwalment irreġistrata tiegħek.

F’medda ta’ tunnellaġġ ogħla, hija meħtieġa aktar informazzjoni fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Ivverifika mar-reġistrant prinċipali jekk għandekx aċċess għalihom.

Kun ċert li d-dettalji ta’ kuntatt tiegħek huma aġġornati fir-REACH-IT

Huwa importanti li jiġi żgurat li d-dettalji ta’ kuntatt marbuta mar-reġistrazzjonijiet u s-sottomissjonijiet konġunti tiegħek fi ħdan REACH-IT ikunu aġġornati. Meta jkun meħtieġ, l-ECHA tuża dik l-informazzjoni biex tikkuntattjak. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ta’ kuntatt (f’każ ta’ dettalji ta’ kuntatt għal reġistrant prinċipali) tintuża wkoll minn reġistranti potenzjali biex jikkuntattjawk.

Kien hemm xi bidla fil-kompożizzjoni tas-sustanza tiegħek li għandha impatt fuq id-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek?

Kun żgur li l-kompożizzjoni tas-sustanza tiegħek taqa’ taħt il-kompożizzjoni tal-limiti tad-data sottomessa b’mod konġunt. Jekk le, trid jew taqbel mar-reġistrant prinċipali biex twessa’ l-kompożizzjoni tal-limiti jew inkella trid tagħżel li ma tipparteċipax fid-data sottomessa b’mod konġunt u tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa waħdek.

L-użi tiegħek tas-sustanza huma kollha koperti fid-dossier(s) ta’ reġistrazzjoni?

Jekk ir-Rapport ta' Sigurtà Kimika (Chemical Safety Report, CSR) jiġi pprovdut b’mod konġunt mir-reġistrant prinċipali, kun żgur li l-użi kollha tiegħek jiġu rrappurtati fid-dossier prinċipali, kif ukoll fid-dossier tiegħek stess. Trid tirrapporta l-użi miċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-sustanza (eż. l-użi tal-utenti downstream tiegħek).

Jekk is-CSR ma jiġix provdut b’mod konġunt, fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek għandek tirrapporta biss l-użi fil-katina tal-provvista tiegħek (jiġifieri, tiegħek u tal-utenti downstream tiegħek).

Komunikazzjoni tal-bidliet rilevanti fil-katina tal-provvista

Ċerti bidliet fir-reġistrazzjoni tiegħek għandhom jiġu kkomunikati fil-katina tal-provvista tiegħek, inkluż, iżda mhux limitat għal bidliet f’(e)SDS (Skeda ta’ Data ta’ Sigurtà estiża), klassifikazzjonijiet ta’ periklu jew Gwida dwar Użu Sigur.

Xi dmirijiet ikollok wara reġistrazzjoni b’suċċess?

Id-dossiers ta’ reġistrazzjoni għandhom jinżammu aġġornati. Il-koreġistranti għandhom id-dmir li jikkontribwixxu għall-proċess ta’ aġġornament tad-dossier ta’ reġistrazzjoni. Dan jinkludi obbligi ta’ kondiviżjoni tad-data u tal-kostijiet. Kun ċert li tikkuntattja lir-reġistrant prinċipali tiegħek biex tivverifika li tikkonforma mal-obbligi applikabbli kollha tal-kondiviżjoni tad-data u tal-kostijiet skont ir-REACH.

X’inhi l-iskadenza għall-aġġornament tad-dossier tiegħek?

Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni dwar l-aġġornament tad-dossier ikkjarifika l-iskadenzi għas-sottomissjoni ta’ aġġornament tad-dossier. Informazzjoni dettaljata dwar dan tista’ tinstab fit-taqsima intitolata “Irrispetta l-iskadenzi għall-aġġornament” (Respect the deadlines for updating) tal-paġni dwar il-Fażi 7.

 

Immaġni
Ftakar li għandek iżżomm l-informazzjoni amministrattiva kollha tiegħek – bħall-informazzjoni dwar l-entità legali, l-indirizz u l-persuna ta’ kuntatt tiegħek – fuq REACH-IT aġġornati. B’dan il-mod, l-awtoritajiet u l-koreġistranti tiegħek ikunu dejjem jistgħu jikkuntattjawk dwar ir-reġistrazzjoni tiegħek.