Nilħaq il-limitu ta' tunnellata fis-sena?

Jekk timmanifattura jew timporta sustanza f’ammonti ta’ inqas minn tunnellata fis-sena, m’għandekx bżonn tirreġistra s-sustanza. Jekk tilħaq jew taqbeż dan il-limitu, il-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek tiddetermina x’informazzjoni teħtieġ għar-reġistrazzjoni.

 

X’inhu l-volum tal-manifattura jew tal-importazzjoni tiegħek?

Il-volum tas-sustanza li timmanifattura jew timporta jrid jiġi stabbilit f’tunnellati kull sena kalendarja. Is-sena kalendarja tibda fl-1 ta’ Jannar u tintemm fil-31 ta’ Diċembru.

Barra minn hekk trid tgħodd ukoll il-volum totali tas-sustanza tiegħek bħala sustanza waħedha, f’taħlita, u f’oġġett bil-għan li tiġi rilaxxata.

Il-volumi manifatturati jew importati bħala sustanzi intermedji iżolati f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati jridu jingħaddu separatament.

Tista’ teskludi l-volumi li ġejjin:

  • Meta r-rwol tiegħek fil-katina tal-provvista ma jkunx jirrikjedi li tirreġistra.
    Ara l-punt 3 ta’ Għandi bżonn nirreġistra?
     
  • Meta l-użu tas-sustanza tiegħek ikun eżentat mir-reġistrazzjoni.
    Ara l-pass 2 ta’ Is-sustanza tiegħi trid tiġi reġistrata?

     
X’inhi l-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek?

Il-volum tiegħek jiddetermina l-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek, u l-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek tiddetermina l-ammont tat-tariffa ta’ reġistrazzjoni tiegħek u x’informazzjoni se jkollok bżonn tipprovdi għar-reġistrazzjoni tiegħek.

Hemm erba’ meded ta’ tunnellaġġ għal reġistrazzjonijiet standard:

  • 1-10 tunnellati fis-sena,
  • 10-100 tunnellata fis-sena,
  • 100-1 000 tunnellata fis-sena, u
  • iktar minn 1 000 tunnellata fis-sena. 

Jekk il-volum tiegħek jilħaq il-limitu inferjuri ta’ medda ta’ tunnellaġġ, dan ikun il-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek għar-reġistrazzjoni.

Jekk tirreġistra sustanzi intermedji iżolati f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati, trid tipprovdi inqas informazzjoni. Għalhekk, m’għandekx bżonn tgħodd il-volumi tagħhom flimkien għar-reġistrazzjoni standard tiegħek, iżda tgħoddhom separatament.