Kif tivvaluta l-periklu u r-riskju

Kif tivvaluta l-periklu u r-riskju

Parti importanti tal-ħidma mal-koreġistranti tiegħek hija li tiġbor informazzjoni dwar l-użi, il-perikli u r-riskji sabiex turi l-użu sikur tas-sustanza.

Se jkollok bżonn tikkunsidra r-rekwiżiti regolatorji, xjentifiċi u tekniċi li ġejjin:

  • Iġbor informazzjoni dwar l-użi u l-kundizzjonijiet attwali tal-użu mill-katina tal-provvista. Ikkuntattja l-assoċjazzjoni tal-industrija tiegħek għall-aħjar prattika fis-settur tiegħek;
  • Iġbor data dwar il-periklu kif mitlub mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tar-REACH skattati mit-tunnellaġġ u l-użi tas-sustanza;
  • Ivvaluta l-kopertura u l-kwalità tat-tagħrif dwar il-periklu dwar is-sustanza disponibbli fost il-koreġistranti;
  • Iddefinixxi l-istrateġija biex timla kwalunkwe lakuna fid-data li tirriżulta (eż. it-twettiq ta’ studji ġodda, il-ġustifikazzjoni ta’ informazzjoni nieqsa bl-użu ta’ qari solidu xjentifikament, eżenzjonijiet tad-data, eċċ.);
  • Aqbel dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar fost il-koreġistranti (abbażi tad-data dwar il-periklu);
  • Irreġistra d-data kollha dwar il-periklu u l-klassifikazzjoni fid-dossier tar-reġistrazzjoni; u
  • Jekk timmanifattura jew timporta aktar minn 10 tunnellati fis-sena, trid twettaq il-valutazzjoni tas-sikurezza kimika (CSA) u tirreġistraha f’rapport dwar is-sikurezza kimika (CSR). Barra minn hekk, matul id-diskussjonijiet il-koreġistranti jiddeċiedu jekk ir-reġistrant ewlieni jippreżentax ir-rapport dwar is-sikurezza kimika b’mod konġunt f’isem il-koreġistranti jew jekk ir-reġistranti individwali jippreżentawx is-CSR tagħhom separatament.

Ir-rekwiżiti minimi ta’ data għar-reġistrazzjoni tas-sustanza tiegħek huma speċifikati fl-Annessi VI - X għal REACH. Ir-rekwiżiti legali (rekwiżiti ta’ informazzjoni standard) huma kumulattivi u jiddependu mill-medda ta’ tunnellaġġ tas-sustanza li timmanifattura jew timporta. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni preċiżi għal kull sustanza individwali jvarjaw, skont it-tunnellaġġ, l-użu u l-esponiment, kif ukoll skont il-karatteristiċi tas-sustanza.

Għandek tirrapporta din l-informazzjoni fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek, li għandu jitħejja b’mod konġunt mill-kumpaniji kollha li jirreġistraw l-istess sustanza. Id-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek għandu jkun ibbażat fuq riżultati ta’ testijiet affidabbli jew fuq informazzjoni miksuba b’mezzi alternattivi, jekk dan ikun jista’ jiġi xjentifikament ippruvat.  Minħabba n-natura tas-sustanza tiegħek xi rekwiżiti ta’ informazzjoni jistgħu jiġu adattati.

Gwida speċifika dettaljata dwar kif tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tinsab fis-sottokapitoli rilevanti tal-Gwida dwar ir-Rekwiżiti tal-Informazzjoni u l-Valutazzjoni tas-Sigurtà Kimika, il-Kapitolu R.7.

Kwalunkwe studju meħtieġ biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-informazzjoni definiti fl-Anness IX u X m’għandux isir fl-istadju tar-reġistrazzjoni. Minflok, għandek tiżviluppa proposta ta’ ttestjar, tinkludiha fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek u tissottomettiha lill-ECHA.

Fil-parti konġunta tad-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek trid tinkludi tliet tipi prinċipali ta’ informazzjoni:

  1. Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tas-sustanza.
  2. Il-karatteristiċi ambjentali tas-sustanza.
  3. Il-karatteristiċi tas-sustanza mil-lat ta’ saħħa tal-bniedem.

Iċċekkja mal-koreġistranti tiegħek liema informazzjoni diġà hija disponibbli u liema informazzjoni trid tikseb jew tiġġenera. Għandek tivvaluta l-kwalità tal-informazzjoni dwar il-periklu. Minkejja l-obbligu ta’ sottomissjoni konġunta, kull reġistrant huwa individwalment responsabbli mid-data li jinvoka għar-reġistrazzjoni tiegħu.

L-ammont ta’ informazzjoni meħtieġa jiddependi mill-ogħla tunnellaġġ meħtieġ li jiġi kopert fis-sottomissjoni konġunta. Il-kondiviżjoni tad-data u s-sottomissjoni konġunta huma mfassla biex jiġu kondiviżi l-kostijiet attwali bejn il-koreġistranti kollha li jeħtieġu d-data.

Skont il-karatteristiċi tas-sustanza u l-informazzjoni disponibbli, ċerti testijiet ma jistgħux jew ma jeħtiġux isiru. Dawn is-sitwazzjonijiet jissejħu “adattamenti” (l-Anness XI għal REACH).  

Barra minn hekk, fil-parti individwali tiegħek tad-dossier, trid tinkludi informazzjoni speċifika għall-kumpanija dwar:

  • L-identifikazzjoni tas-sustanza (kostitwenti, impuritajiet, addittivi).
  • L-użu u l-kundizzjonijiet tal-użu tas-sustanza tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-sustanza (mill-manifattura sal-iskart).