How to update your previously notified substance (NONS)

Kif taġġorna n-notifika ta’ sustanzi ġodda (NONS) tiegħek

Sustanzi notifikati skont l-iskema ta’ Notifika ta’ Sustanzi Ġodda (NONS) tad-Direttiva 67/548/KEE – li kienet fis-seħħ qabel ir-Regolament REACH – huma kkunsidrati bħala rreġistrati.

Fl-2008, kull notifika skont id-Direttiva 67/548/KEE ġiet assenjata numru ta’ reġistrazzjoni. Tista’ titlob in-numru tar-reġistrazzjoni assenjat għan-notifika NONS tiegħek sa Lulju 2022.

Jekk inti ma tlabtx għan-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħek, u trid terġa’ tibda l-manifattura jew l-importazzjoni, jeħtieġ li tirreġistra s-sustanza tiegħek skont ir-Regolament REACH bħala reġistrant ġdid.

Ir-reġistranti NONS iridu jaġġornaw ukoll ir-reġistrazzjonijiet tagħhom, u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tar-Regolament REACH huma differenti minn dawk skont id-Direttiva 67/548/KEE. Madankollu, l-aġġornament ma jfissirx neċessarjament li trid tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa skont ir-Regolament REACH. Tista’ ssib liema informazzjoni teħtieġ biex taġġorna tali reġistrazzjonijiet fl-Anness 4 tal-manwal tal-ECHA “Kif tħejji r-reġistrazzjoni u d-dossiers tal-PPORD”. Dan jiddependi fuq is-sitwazzjoni li tkun tinsab fiha.

Fi kwalunkwe każ, l-aġġornament tar-reġistrazzjoni tiegħek irid jinkludi l-klassifikazzjoni u t-tikkettar f’konformità mas-CLP, u se ssirlu verifika ta’ kompletezza f’konformità mas-sitwazzjoni li tinsab fiha kif deskritt fit-taqsimiet ta’ hawn taħt.

Biex l-aġġornamenti jżidu l-medda ta’ tunnellaġġ jew isiru r-reġistrant prinċipali ta’ preżentazzjoni konġunta, id-dossier irid jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ informazzjoni skont ir-Regolament REACH.

Il-passi li ġejjin jispjegaw kif tista’ taġġorna r-reġistrazzjoni tas-sustanza tiegħek li ġiet notifikata qabel.

 

1. Ingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta jew oħloq waħda

In-notifika tiegħek skont id-Direttiva 67/548/KKE kienet inkluża fil-bażi ta’ data tal-ECHA bħala “reġistrazzjoni individwali”. Madankollu, bħal kwalunkwe reġistrant, jeħtieġ li tippreżenta b’mod konġunt.

Għalhekk, qabel ma taġġorna, iċċekkja jekk hemmx preżentazzjoni konġunta għas-sustanza. Jekk ikun hemm preżentazzjoni konġunta, jeħtieġ li tingħaqad magħha.

Jekk ma jkun hemm l-ebda preżentazzjoni konġunta għas-sustanza, għandek tiddiskuti mar-reġistranti individwali l-oħrajn u mar-reġistranti potenzjali dwar il-ħolqien ta’ preżentazzjoni konġunta u l-ħatra ta’ reġistrant prinċipali. Jekk ma jkun hemm l-ebda reġistrant (potenzjali) ieħor, inti tista’ jew:

  • toħloq il-preżentazzjoni konġunta inti stess u ssir ir-reġistrant prinċipali bl-aġġornament tar-reġistrazzjoni tiegħek, jew
  • taġġorna r-reġistrazzjoni individwali tiegħek. F’dan il-każ, jekk reġistrant ieħor aktar tard joħloq preżentazzjoni konġunta għas-sustanza tiegħek, ikollok bżonn tingħaqad mal-preżentazzjoni konġunta qabel l-aġġornament li jmiss tar-reġistrazzjoni tiegħek.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-passi li teħtieġ tieħu biex tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta fil-fażi 2 tal-fażijiet ta’ Reġistrazzjoni “Kif issib il-koreġistranti tiegħek”, jew biex toħloq preżentazzjoni konġunta fil-fażi 3 “Organizza ruħek mal-koreġistranti tiegħek”.

 

2. Sib l-informazzjoni xjentifika tiegħek f’IUCLID 6

Niżżel id-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek minn REACH-IT. Imbagħad, importah fil-bażi ta’ data IUCLID tiegħek u islet l-informazzjoni mid-dossier tiegħek f’sett ta’ data biex tibda taħdem fuq l-aġġornament tad-dossier tiegħek.

Jekk id-data ppreżentata kollha tiegħek mhijiex disponibbli fis-sett ta’ data, ikkuntattja lill-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru tal-pajjiż fejn ġiet ippreżentata n-notifika biex titlobha.

 

3. Aġġornament bħala reġistrant prinċipali

L-informazzjoni ppreżentata b’mod konġunt dwar is-sustanza tiegħek jeħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tar-Regolament REACH. L-informazzjoni ppreżentata b’mod konġunt għal reġistrazzjoni (sħiħa) standard jeħtieġ li tkopri bħala minimu r-rekwiżiti għal reġistrazzjoni fil-medda ta’ 1-10 tunnellati fis-sena.

Jekk il-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek hija ogħla, tista’ tippreżenta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa b’mod separat (bħala nonparteċipazzjoni). Bħala notifikatur preċedenti tan-NONS, l-informazzjoni li tippreżenta b’mod separat jista’ jkun fiha derogi minħabba li s-sustanza tkun ġiet innotifikata qabel skont id-Direttiva 67/548/KEE.

 

4. Aġġornament bħala reġistrant membru

Jekk teżisti preżentazzjoni konġunta għas-sustanza tiegħek, jeħtieġ li tingħaqad bħala reġistrant membru. Wara dan, tista’ tippreżenta aġġornament bħala reġistrant membru.

Jekk se tibbaża fuq l-informazzjoni ppreżentata b’mod konġunt mir-reġistrant prinċipali, teħtieġ biss li taġġorna l-informazzjoni tiegħek stess, bħall-kompożizzjoni tas-sustanza tiegħek, il-kwantitajiet manifatturati jew importati u l-użi tas-sustanza fil-katina ta’ provvista tiegħek.

Jekk m’intix se toqgħod fuq l-informazzjoni kollha jew parti minnha ppreżentata b’mod konġunt mir-reġistrant prinċipali, se jkollok bżonn tippreżenta dik l-informazzjoni inti stess (bħala nonparteċipazzjoni). Jekk il-kwantitajiet manifatturati jew importati attwali tiegħek ma jilħqux il-limitu ta’ medda ta’ tunnellaġġ li jmiss, tista’ tagħmel derogi għal xi wħud mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni minħabba li s-sustanza tkun ġiet innotifikata qabel skont id-Direttiva 67/548/KEE.

 

5. Aġġornament għal medda ta’ tunnellaġġ ogħla

Jeħtieġ li taġġorna r-reġistrazzjoni tiegħek jekk il-kwantità li timmanifattura jew timporta tas-sustanza tilħaq il-limitu tal-medda ta’ tunnellaġġ li jmiss. Tista’ ssib l-iskeda ta’ żmien għall-aġġornament minn Respect the deadlines for updating (Irrispetta l-iskadenzi għall-aġġornament).

L-aġġornament irid jissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont ir-Regolament REACH u jrid jgħaddi mill-kontroll standard tal-kompletezza għall-medda l-ġdida ta’ tunnellaġġ. Ma tistax tibqa’ tagħmel użu minn derogi minħabba li s-sustanza tkun ġiet notifikata qabel skont id-Direttiva 67/548/KEE.

Ibda billi tippreżenta mistoqsija lill-ECHA u tiddiskuti mal-koreġistranti tiegħek.

 

6. Kif taġġorna t-talbiet tiegħek għall-kunfidenzjalità

Agħmel eżami mill-ġdid ta’ jekk l-informazzjoni fin-notifika tiegħek li għaliha ġiet aċċettata kunfidenzjalità mill-Istati Membri skont id-Direttiva 67/548/KEE għadhiex teħtieġ trattament kunfidenzjali. Jekk iva, jeħtieġ li tindika dan fl-aġġornament tiegħek.

Jekk qed titlob kunfidenzjalità dwar informazzjoni ġdida fl-aġġornament tiegħek, se teħtieġ li tiġġustifika dan u tħallas it-tariffa bħal kwalunkwe reġistrant ieħor.

Aktar informazzjoni dwar talbiet ta’ kunfidenzjalità skont ir-Regolament REACH hija disponibbli fil-manwal “Disseminazzjoni u kunfidenzjalità skont ir-Regolament REACH”.

L-għodod tal-IUCLID li ġejjin huma ta’ għajnuna fil-preparazzjoni tal-aġġornament tiegħek:

  • L-għodda tal-Previżjoni tad-Disseminazzjoni tissimula liema informazzjoni mid-dossier tiegħek se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-ECHA;
  • L-għodda tal-Kalkolu tal-Ħlas tikkalkula l-ispejjeż tat-talbiet tiegħek għal kunfidenzjalità u kwalunkwe tariffa oħra assoċjata mar-reġistrazzjoni tiegħek.

 

7. Aġġornament biex jiġi nnotifikat waqfien tal-manifattura jew tal-importazzjoni

Jekk ma tibqax timmanifattura jew timporta sustanza, jeħtieġ li tinnotifika dwar il-waqfien tal-manifattura jew l-importazzjoni lill-ECHA bl-użu tal-funzjonalità “waqqaf il-manifattura jew l-importazzjoni” disponibbli fil-“paġna tan-numru ta’ referenza” tas-sustanza f’REACH-IT.

Il-waqfien tal-manifattura jew l-importazzjoni huwa riversibbli – jiġifieri tista’ terġa’ tibda l-manifattura jew l-importazzjoni bi klikk ta’ buttuna, mingħajr ma jkollok bżonn terġa’ tirreġistra – sakemm ma tkunx waqqaft il-manifattura jew l-importazzjoni wara li tkun irċevejt abbozz ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni. Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-gwidi prattiċi “Kif taġixxi f’evalwazzjoni ta’ sustanza” u “Kif taġixxi f’evalwazzjoni ta’ dossier”.

How to update your previously notified substance related