Rekwiżiti tal-informazzjoni 10 tonni sa 100 tonna fis-sena

Biex tiġi rreġistrata sustanza fil-medda ta’ tunnellaġġ ta’ 10 sa 100, jeħtieġ li tipprovdi informazzjoni speċifikata fil-Kolonna 1 tal-Annessi VII u VIII ta’ REACH, li tinkludi ċerta informazzjoni fiżikokimika, informazzjoni tossikoloġika u ekotossikoloġika. Il-Kolonna 2 tispeċifika l-possibbiltajiet ta’ adattament għall-karatteristiċi speċifiċi. Is-sett ta’ informazzjoni standard meħtieġ jista’ jiġi adattat skont ir-regoli ġenerali li hemm fl-Anness XI.

Barra minn hekk, jeħtieġ li tiddokumenta r-riżultati tal-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika (CSA) tiegħek f’rapport dwar is-sigurtà kimika (CSR) kif mitlub fl-Anness I għal REACH. Jeħtieġ li jkun hemm qbil bejn il-koreġistranti jekk ir-reġistrant prinċipali se jippreżenta s-CSR b’mod konġunt jew jekk ir-reġistranti individwali se jissottomettu s-CSRs tagħhom separatament. Barra minn hekk, preferibbilment taqbel ukoll mal-koreġistranti tiegħek dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar xierqa.

Il-konklużjonijiet affidabbli dwar il-klassifikazzjoni u l-valutazzjoni PBT/vPvB huma s-sisien ta’ CSA tajjeb, peress li l-valutazzjoni ta’ esponiment u l-karatterizzazzjoni tar-riskji jiġu skattati mill-klassifikazzjoni u t-twettiq ta’ kriterji PBT/vPvB.

L-obbligu li tiġi ppreparata proposta ta’ ttestjar japplika wkoll meta r-reġistrant potenzjali, bħala riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli fil-kolonna 2 tal-annessi, jipproponi testijiet (ta’ livell ogħla) tal-Annessi IX jew X bħala alternattiva għar-rekwiżiti standard tal-Annessi VII u VIII.