Kif tfittex il-koreġistranti tiegħek

Tkun teħtieġ li tikkondividi data u tirreġistra s-sustanza tiegħek b’mod konġunt ma’ kumpaniji oħra. Fil-prattika, dan ifisser li teħtieġ li:

  1. Tissottometti domanda permezz ta’ REACH-IT biex tistaqsi lill-ECHA jekk għandekx koreġistranti. Dan se jwissi wkoll lill-koreġistranti tiegħek bl-interess li għandek li tirreġistra;
  2. Jekk għandek koreġistranti, aqbel magħhom li għandek l-istess sustanza.

Li jmiss se jiddependi l-aktar minn jekk is-sustanza tiegħek hijiex diġà rreġistrata jew le.

  • Jekk kumpaniji oħra jkunu diġà rreġistraw is-sustanza tiegħek, normalment se jkun hemm preżentazzjoni konġunta u se tkun teħtieġ tingħaqad magħha.
  • Jekk is-sustanza tiegħek mhijiex irreġistrata, iżda kumpaniji oħra staqsew ukoll, inti u l-koreġistranti tiegħek se jkun jeħtieġ li taqblu dwar kif taħdmu flimkien biex tirreġistraw b’mod konġunt. Jekk ma jkunx hemm koreġistranti, tista’ tibda preżentazzjoni konġunta waħdek.

Il-proċess biex issib il-koreġistranti tiegħek jibda bis-sottomissjoni ta’ domanda, iżda tista’ tara liema sustanzi huma rreġistrati fil-bażi tad-data tas-sustanzi rreġistrati tal-ECHA.

Domanda

Jekk qed tippjana li tirreġistra, trid tistaqsi lill-ECHA jekk diġà hemmx reġistrazzjoni għal din is-sustanza.

Domanda tiġi ppreparata fl-IUCLID u sottomessa lill-ECHA permezz ta’ REACH-IT. 

L-identifikazzjoni preċiża tas-sustanza tiegħek fid-domanda hija importanti biex jiġi żgurat li d-data tiġi kondiviża b’mod xieraq.

Jekk l-ECHA ssib li l-informazzjoni fid-domanda mhijiex ċara biżżejjed biex tistabbilixxi l-identità tas-sustanza, se tintalab ittejjeb l-informazzjoni tiegħek.

Jekk id-domanda tiegħek tkun ta’ suċċess, se jkollok numru tad-domanda, u aċċess għall-paġna tal-koreġistranti għas-sustanza f’REACH-IT. Fil-paġna tal-koreġistranti, se ssib l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-kumpaniji l-oħrajn li għamlu domanda jew irreġistraw bl-istess identifikatur tas-sustanza (eż. numru EC).

Fl-istess ħin, il-koreġistranti tiegħek se jingħataw twissija f’REACH-IT li żdied xi ħadd ġdid fil-paġna tal-koreġistranti.

L-aċċess tiegħek għall-paġna tal-koreġistranti se jiskadi jekk ma tirreġistrax fi żmien sena. Meta tirreġistra, trid tinkludi n-numru tad-domanda tiegħek fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek.

Kif tipprepara biex toħloq jew tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta

Il-passi ta’ hawn taħt jispjegaw kif wieħed jista’ jasal minn domanda b’suċċess għat-tħejjija biex joħloq preżentazzjoni konġunta ġdida jew biex jingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta eżistenti. Il-ħolqien jew is-sħubija attwali huma spjegati fil-fażi 6: issottometti d-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek.

Jekk ma jkun hemm l-ebda koreġistrant, tista’ tipprepara preżentazzjoni konġunta waħdek. Ħafna mill-passi ta’ hawn taħt xorta waħda japplikaw.

 

1. Illoggja f’REACH-IT

REACH-IT huwa l-għodda tal-IT li għandek tuża biex tissottometti informazzjoni lill-ECHA, inklużi domandi u reġistrazzjonijiet.

Tista’ taċċessa REACH-IT mill-paġna ewlenija tal-ECHA. Tilloggja bl-ID tal-utent u bil-password tiegħek. F’każ li għadek m’intix utent, tista’ tirreġistra.

 

2. Aċċessa l-paġna tal-koreġistranti

F’REACH-IT, mill-menù tat-Tiftix, ikklikkja “Koreġistranti” biex issib il-paġna tal-koreġistranti billi tuża l-identifikaturi tas-sustanza tiegħek (eż. numru EC).

It-taqsima “Reġistranti” se turi l-kumpaniji li rreġistraw is-sustanza, jekk ikun hemm, bid-dettalji ta’ kuntatt u r-rwol tagħhom fil-preżentazzjoni konġunta.

It-taqsima “Reġistranti potenzjali” turi l-kumpaniji li għamlu domanda dwar is-sustanza iżda li għadhom ma rreġistrawx, bid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Inti se titniżżel hawnhekk.

 

3. Ivverifika l-informazzjoni ta’ kuntatt tiegħek fil-paġna tal-koreġistranti

Peress li jeħtieġ li tirreġistra b’mod konġunt, huwa importanti li l-informazzjoni ta’ kuntatt tiegħek tkun aġġornata sabiex il-koreġistranti tiegħek ikunu jistgħu jikkuntattjawk.

L-informazzjoni ta’ kuntatt li tidher għalik fil-paġna tal-koreġistranti hija l-informazzjoni ta’ kuntatt speċifikata fid-domanda tiegħek, normalment ta’ persuna fil-kumpanija tiegħek jew rappreżentant ta’ parti terza (TPR).

Iddeċiedi jekk tridx iżżomm il-kuntatt attwali fid-domanda tiegħek jew taġġornah

 

4. Ivverifika jekk teżistix preżentazzjoni konġunta

Mill-paġna tal-koreġistranti, ikklikkja fuq il-buttuna “Preżentazzjonijiet konġunti”. Fil-paġna “Tiftixa għal preżentazzjoni konġunta” li tittieħed fiha, immarka l-kaxxa “Uri preżentazzjonijiet konġunti oħra?”. Inkella, ir-riżultati tat-tiftixa se jkunu limitati għal dawk il-preżentazzjonijiet konġunti fejn inti diġà membru.

Ir-riżultati tat-tiftixa se juruk il-preżentazzjonijiet konġunti eżistenti għas-sustanza. Jekk ma għamiltx domanda, it-tiftixa mhu se ttella’ l-ebda riżultat.

Jekk ma jkun hemm l-ebda preżentazzjoni konġunta, għandek tħejji ruħek biex toħloq waħda mal-koreġistranti tiegħek.

Jekk teżisti preżentazzjoni konġunta, ivverifika jekk it-tip huwiex adattat għar-reġistrazzjoni tiegħek:

  • jekk se tirreġistra sustanza użata bħala sustanza intermedja li hija (immanifatturata jew) użata f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati, tista’ tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta “sħiħa” (standard) jew preżentazzjoni konġunta “intermedja” għas-sustanza tiegħek;
  • jekk qed tippjana reġistrazzjoni sħiħa, tista’ tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta “sħiħa” biss. Jekk teżisti biss preżentazzjoni konġunta “intermedja”, tista’ taqbel mal-preżentazzjoni konġunta eżistenti li se ssir preżentazzjoni konġunta “sħiħa”, jew tipprepara biex toħloq preżentazzjoni konġunta “sħiħa” inti stess.

Anke jekk is-sustanza għadha ma ġietx irreġistrata, huwa possibbli li diġà nħolqot preżentazzjoni konġunta minn persuni oħra li għamlu domanda (qabel).

 

5. Ikkuntattja lill-koreġistranti tiegħek u wieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom

Jekk ikun hemm bżonn li tinħoloq preżentazzjoni konġunta, ikkuntattja lill-koreġistranti tiegħek bl-informazzjoni ta’ kuntatt mill-paġna tal-koreġistranti, biex tiddiskuti l-passi li jmiss.

Jekk se tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta, ikkuntattja lir-reġistrant prinċipali bl-informazzjoni ta’ kuntatt mill-paġna “Tfittixa għal preżentazzjoni konġunta”.

L-indirizz elettroniku ġeneralment huwa l-aktar mezz faċli biex tikkuntattja lill-koreġistranti jew lir-reġistrant prinċipali. Ma tistax tikkuntattjahom permezz ta’ REACH-IT.

Wieġeb lill-koreġistranti tiegħek meta jikkuntattjawk dwar l-intenzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tiegħek.

 

6. Stabbilixxi s-similarità tas-sustanzi mal-koreġistranti tiegħek

Ladarba tkun f’kuntatt mal-koreġistranti, jeħtieġ li tistabbilixxi s-similarità tas-sustanzi.

Biex tistabbilixxi s-similarità tas-sustanzi, il-koreġistranti kollha – inkluż inti stess – jeħtieġ li jiddeterminaw l-isem tas-sustanza tagħhom skont il-Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta’ ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP (ara wkoll il-fażi 1: Kun af il-portafoll tiegħek).

Jekk l-isem ikun l-istess, is-sustanzi jkunu kkunsidrati l-istess.

Jekk ikollok tħassib dwar informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (CBI) meta tiddiskuti s-similarità tas-sustanzi, ipprepara għal dan kuntrattwalment qabel tibda x-xogħol.

 

7. Ilħaq ftehim dwar il-profil tal-identifikazzjoni tas-sustanza tal-preżentazzjoni konġunta

Il-koreġistranti li jippreparaw reġistrazzjoni konġunta għandhom ukoll kollettivament japplikaw il-prinċipji tal-Anness III tal-Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta’ ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP biex jiddefinixxu l-konfini tas-sustanza li tikkorrispondi mad-data li huma se jippreżentaw b’mod konġunt.

Dan huwa magħruf bħala l-profil tal-identità tas-sustanza (SIP) u jeħtieġ li jiġi rrappurtat fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tar-reġistrant prinċipali.

F’każ li tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta, jeħtieġ li tiżgura li s-sustanza tiegħek taqa’ fil-konfini tal-profil tal-identità tas-sustanza (SIP) maqbul mill-koreġistranti. Jekk is-sustanza tiegħek ma taqax fil-konfini tal-SIP, inti u l-koreġistranti l-oħra tiegħek jeħtieġ li taqblu li tespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-SIP jew taqblu li s-sustanza tiegħek ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-preżentazzjoni konġunta.

Ladarba taqbel li s-sustanzi tiegħek huma l-istess, u li l-koreġistranti kollha – inkluż inti stess – adattati għall-SIP tal-preżentazzjoni konġunta, tistgħu tibdew taħdmu flimkien biex tikkondividu d-data u l-ispejjeż biex tirreġistraw b’mod konġunt (ara l-fażi 3: Organizza ruħek mal-koreġistranti tiegħek).

 

8. Sir familjari mar-rwoli u l-attivitajiet fi preżentazzjoni konġunta

Jeżistu żewġ rwoli formalment separati fil-preżentazzjoni konġunta: ir-reġistrant prinċipali u – jekk ikunu jeżistu – ir-reġistranti membri. Madankollu, il-koreġistranti kollha huma responsabbli mill-iskeda u l-progress tax-xogħol, il-kontenut tal-partijiet konġunti tar-reġistrazzjoni u l-kontenut tal-partijiet tagħhom stess tar-reġistrazzjoni.

Meta toħloq preżentazzjoni konġunta, il-koreġistranti se jeleġġu reġistrant prinċipali (ara l-fażi 3: Organizza ruħek mal-koreġistranti tiegħek). Ir-reġistrant prinċipali jeħtieġ li jkollu l-qbil tar-reġistranti, u jeħtieġ li l-ewwel jissottometti l-parti konġunta tar-reġistrazzjoni permezz ta’ REACH-IT, qabel ma l-membri jkunu jistgħu jissottomettu r-reġistrazzjonijiet tagħhom. Ir-reġistrant prinċipali għandu wkoll iqassam in-numri tat-token ta’ sigurtà lill-membri, sabiex ikunu jistgħu jingħaqdu mal-preżentazzjoni konġunta (ara l-fażi 6: Issottometti d-dossier ta’ reġistrazzjoni tiegħek).

Għall-kompiti l-oħrajn kollha, jeħtieġ li tiddeċiedi mal-koreġistranti tiegħek dwar kif se taħdmu flimkien. Fil-prattika dan ifisser li tiddeċiedi dwar min jagħmel xiex u jekk testernalizzax ċerti kompiti jew le. Normalment il-ftehim jiġi ddokumentat.

Il-ftehim għandu jkopri l-attivitajiet differenti li l-koreġistranti għandhom iwettqu biex jirreġistraw (ara l-fażijiet 3, 4, 5 u 6) u jżomm ir-reġistrazzjoni aġġornata (ara l-fażi 7). Dawn jinkludu:

  • Kompiti amministrattivi: l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt għal komunikazzjoni, l-organizzazzjoni tal-mod li bih jiġu ttrattati l-fatturi u l-pagamenti, l-iżvilupp ta’ skemi ta’ rimborż u ż-żamma tar-rekords.
  • Il-preparazzjoni tal-kontenut tad-dossier: il-ġbir ta’ data eżistenti, il-ġenerazzjoni ta’ data ġdida, id-diskussjoni dwar il-kwalità tad-data, il-qbil dwar liema data tiġi ppreżentata b’mod konġunt, in-negozjati dwar l-ispejjeż tal-kondiviżjoni tad-data, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet dwar is-sigurtà kimika, id-derivazzjoni tal-klassifikazzjoni, u l-preparazzjoni tar-rapport dwar is-sigurtà kimika.
  • Il-preparazzjoni tad-dossier IUCLID u s-sottomissjoni tiegħu: il-ħolqien tal-parti konġunta tar-reġistrazzjoni f’IUCLID, is-sottomissjoni tad-dossier lill-ECHA u s-segwitu għall-fattura u l-messaġġi f’REACH-IT.

Jekk se tingħaqad ma’ preżentazzjoni konġunta, normalment se tkun reġistrant membru. Il-koreġistranti ta’ qabel ikunu diġà eleġġew ir-reġistrant prinċipali u ddeċidew dwar kif jaħdmu flimkien. Normalment dan se jiġi ddokumentat fi ftehim. Għal aktar informazzjoni dwar kif għandu jsir qbil dwar il-kondiviżjoni tad-data u kif tiġi ppreżentata b’mod konġunt, ara l-fażi 3. Ir-reġistrant prinċipali normalment se jagħtik in-numru tat-token ta’ sigurtà tiegħek, sabiex inti tkun tista’ tingħaqad mal-preżentazzjoni konġunta f’REACH-IT.