Is-sustanza tiegħi trid tiġi rreġistrata?

Ladarba tkun taf l-identità tas-sustanza tiegħek, trid tara jekk is-sustanza tiegħek tridx tiġi reġistrata jew jekk hijiex eżentata mir-reġistrazzjoni.

Fuq is-sit web tal-ECHA tista’ tiċċekkja jekk is-sustanza tiegħek diġà ġietx reġistrata. Din hija l-ewwel indikazzjoni dwar jekk is-sustanza tiegħek tridx tiġi reġistrata jew le.

 

Stadju 1. Iċċekkja jekk is-sustanza tiegħek bħala tali hijiex eżentata mir-reġistrazzjoni

Is-sustanzi li ġejjin m’għandhomx bżonn jiġu reġistrati, irrispettivament minn kif tużahom:

  • Polimeri: sustanzi li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ polimeru skont REACH m’għandhomx bżonn jiġu reġistrati, iżda l-monomeri u sustanzi oħrajn li jintużaw għall-manifattura tal-polimeru jista’ jkollhom bżonn jiġu reġistrati.
  • Sustanzi koperti mill-Anness V għal REACH: din il-lista tiddeskrivi 13-il kategorija ġenerali ta’ sustanzi.
  • Sustanzi inklużi fl-Anness IV għal REACH: din il-lista fiha 68 sustanza b’riskju baxx, tipikament ta’ oriġini naturali, inkluż l-ilma.
  • Sustanzi radjuattivi: sustanzi li jarmu tali livell ta’ radjazzjoni li jeħtieġ li n-nies u l-ambjent jiġu mħarsa minnha huma regolati mid-Direttiva Euratom.
  • Sustanzi koperti minn eżenzjoni nazzjonali fl-interess tad-difiża.
Stadju 2. Iċċekkja jekk l-użu tas-sustanza tiegħek huwiex eżentat mir-reġistrazzjoni
Is-sustanzi li ġejjin m’għandhomx bżonn jiġu reġistrati meta jintużaw biss
 
  • bħala sustanzi intermedji mhux iżolati: sustanzi intermedji mhux iżolati li matul is-sinteżi ma jitneħħewx intenzjonalment mit-tagħmir li fih issir is-sinteżi (ħlief għat-teħid ta’ kampjuni).
  • għal riċerka u żvilupp orjentati lejn prodotti u proċessi (PPORD): eżentati mir-reġistrazzjoni għal ħames snin (estensjonijiet possibbli), jekk tinnotifika lill-ECHA bl-attivitajiet ta’ PPORD tiegħek.
  • fl-ikel jew fl-għalf (inklużi użi bħala addittivi jew ħwawar).
  • fi prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju bħala sustanzi attivi jew eċċipjenti.
  • fi prodotti bijoċidali jew fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bħala sustanzi attivi. Dawn jitqiesu li diġà ġew reġistrati.

Jekk is-sustanza tiegħek tintuża wkoll għal skopijiet oħra li mhumiex eżentati, trid tiġi reġistrata għal dawk l-użi.

 

Stadju 3. Iċċekkja jekk is-sustanza tiegħek hijiex eżentata mir-reġistrazzjoni minħabba l-oriġini jew l-istorja tagħha
Is-sustanzi li ġejjin m’għandhomx bżonn jiġu reġistrati:
 
  • sustanzi diġà rreġistrati, esportati u importati mill-ġdid fiż-ŻEE. 
  • sustanzi taħt superviżjoni doganali, bil-għan li jerġgħu jiġu esportati. 
  • skart: sustanzi li jintremew bħala skart (domestiku, minn negozji professjonali jew industrijali) kif definit fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart m’għandhomx bżonn jiġu reġistrati iżda, normalment, sustanzi prodotti mill-irkupru ta’ skart iridu jiġu reġistrati, ħlief fil-każ ta’
  • sustanzi rkuprati diġà reġistrati.
Is-sustanzi li ġejjin għandhom xi dispożizzjonijiet speċifiċi f’REACH iżda mhumiex eżentati mir-reġistrazzjoni: 
 
  • Nanopartikuli 
  • Sustanzi mhux perikolużi u sustanzi mhux klassifikati 
  • Sustanzi fi prodotti kożmetiċi
  • Materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel
  • Fjuwil 
  • Sustanzi preżenti f’taħlitiet taħt ċerti limiti ta’ konċentrazzjoni
  • Sustanzi intermedji iżolati fuq il-post jew trasportati 
  • Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna 
  • Sustanzi soġġetti għal awtorizzazzjoni jew restrizzjoni 
  • Sustanzi notifikati skont id-Direttiva 67/548/KEE minn xi ħadd ieħor 
Jekk innotifikajt fl-imgħoddi, in-notifika tiegħek issa titqies bħala reġistrazzjoni skont REACH u inti obbligat iżżomm din ir-reġistrazzjoni aġġornata. 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)