How to make changes to joint submissions

Meta tkun inħolqot preżentazzjoni konġunta f’REACH-IT, xi drabi jkun meħtieġ li jsir xi tibdil, sabiex jitranġaw l-iżbalji jew sabiex isir adattament għal sitwazzjoni ġdida.

Ir-reġistrant prinċipali tal-preżentazzjoni konġunta jista’ jagħmel xi tibdil fil-preżentazzjoni konġunta, iżda t-tibdil fl-informazzjoni li ġejja għandu jsir mill-ECHA. Sabiex titlob il-bidla, jeħtieġ li tikkuntattja lill-ECHA permezz tal-formola ta’ kuntatt.

 

Bidla tar-reġistrant prinċipali

Il-koreġistranti jistgħu jittrasferixxu r-rwol tar-reġistrant prinċipali f’REACH-IT jekk jaqbel kemm ir-reġistrant prinċipali preċedenti kif ukoll ir-reġistrant prinċipali ġdid. Ir-reġistrant prinċipali ġdid ser ikun jeħtieġ jippreżenta mill-ġdid id-dossier ta' reġistrazzjoni prinċipali sabiex jiffinalizza t-trasferiment tar-rwol prinċipali.

Jekk ir-reġistrant prinċipali m'għadux jirrispondi l-komunikazzjonijiet tiegħek, pereżempju, minħabba falliment, mewt jew xi raġuni oħra, il-koreġistranti jistgħu jinnominaw reġistrant prinċipali ġdid. Int tista’ titlob lill-ECHA biex tassenja mill-ġdid ir-rwol prinċipali f’REACH-IT. Int ser tkun meħtieġ tippreżenta evidenza dwar in-nomina tar-reġistrant prinċipali ġdid. Qabel tassenja mill-ġdid ir-rwol prinċipali, l-ECHA ser tikkuntattja lir-reġistrant prinċipali li ma jkunx qed iwieġeb.

 

Dokumenti ppreżentati b’mod konġunt

Il-gwida dwar l-użu sigur u r-rapport dwar is-sigurtà kimika jistgħu jiġu ppreżentati mir-reġistrant prinċipali f’isem il-membri kollha jew, inkella, b’mod separat minn kull reġistrant.

Jekk int, bħala r-reġistrant prinċipali, indikajt li dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati b’mod konġunt fid-dossier tar-reġistrant prinċipali, ma tistax tibdel dan aktar tard. Madankollu, jekk il-membri kollha tal-preżentazzjoni konġunta indikaw fid-dossiers tagħhom li jipprovdu dawn id-dokumenti b’mod separat, int tista’ titlob lill-ECHA biex tibdel l-istatus ta’ dawn id-dokumenti. Qabel tkun tista’ tagħmel it-talba ta’ bidla tiegħek, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-membri jista' jkollhom bżonn jaġġornaw id-dossiers tagħhom.

 

Tip ta’ preżentazzjoni konġunta

Mis-sajf 2016, hemm żewġ tipi ta’ preżentazzjonijiet konġunti – “sħiħa” u “intermedja”. Preżentazzjoni konġunta “sħiħa” jista’ jkun fiha kombinazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet (standard) sħaħ u reġistrazzjonijiet intermedji. Preżentazzjoni konġunta “intermedja” għandu jkun fiha biss reġistrazzjonijiet għal sustanza li tintuża bħala intermedja li (tiġi manifatturata jew) tintuża taħt kondizzjonijiet ikkontrollati b’mod strett. Il-fatt li wieħed ikollu preżentazzjoni konġunta waħda “sħiħa” u preżentazzjoni konġunta waħda “intermedja” għall-istess sustanza ma jiksirx l-obbligu tal-preżentazzjoni konġunta.

Bħala reġistrant prinċipali, int tindika t-tip ta’ preżentazzjoni konġunta f’REACH-IT meta toħloqha – u ma tistax tibdlu wara. Madankollu, int tista’ titlob lill-ECHA biex tibdel it-tip tal-preżentazzjoni konġunta jekk ir-reġistrazzjonijiet kollha huma adatti għat-tip ġdid u jekk ma jkunx diġà jeżisti xi tip ta’ preżentazzjoni konġunta ta’ dan it-tip.

 

Medda ta’ tunnellaġġ tal-preżentazzjoni konġunta

Ir-reġistrant prinċipali jindika l-medda ta’ tunnellaġġ tal-preżentazzjoni konġunta fid-dossier tar-reġistrant prinċipali tiegħu. Dan jiddetermina r-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jeħtieġ li jiġu ssodisfati mill-informazzjoni ppreżentata b’mod konġunt fid-dossier tar-reġistrant prinċipali. Il-membri tal-preżentazzjoni konġunta ma jistgħux jirreġistraw għal medda ta’ tunnellaġġ ogħla, sakemm ma jippreżentawx l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa bħala nonparteċipazzjoni.

Bħala reġistrant prinċipali, int tista’ żżid il-medda ta’ tunnellaġġ tal-preżentazzjoni konġunta inti stess meta taġġorna d-dossier ta' reġistrazzjoni prinċipali, iżda ma tistax tnaqqasha. Madankollu, jekk il-membri kollha tal-preżentazzjoni konġunta (minbarra r-reġistrant prinċipali) ikollhom reġistrazzjonijiet f’medda ta’ tunnellaġġ aktar baxxa, int tista’ titlob lill-ECHA biex tnaqqas il-medda ta’ tunnellaġġ tal-preżentazzjoni konġunta. Il-membri jista' jkollhom bżonn jaġġornaw id-dossier tagħhom qabel tkun tista' tagħmel din it-talba ta’ bidla.

Ladarba l-ECHA tkun naqqset il-medda ta' tunnellaġġ, int trid taġġorna d-dossier tar-reġistrant prinċipali, billi tindika l-medda ta’ tunnellaġġ ġdida għall-preżentazzjoni konġunta. M’għandek tneħħi ebda data li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-medda ta’ tunnellaġġ ogħla, peress li għandek l-obbligu li tipprovdi d-data kollha li għandek dwar is-sustanza u din id-data diġà kienet disponibbli.

 

 

Isem tal-preżentazzjoni konġunta

Bħala reġistrant prinċipali, int tagħżel l-isem tal-preżentazzjoni konġunta meta toħloqha f’REACH-IT u ma tistax tibdlu wara. F’każijiet li jkunu ġġustifikati, tista’ titlob lill-ECHA biex tibdel l-isem.

 

Tneħħija ta’ preżentazzjoni konġunta vojta

Ir-reġistrant prinċipali jista’ jneħħi preżentazzjoni konġunta jekk ikun ħoloqha (bi żball) f’REACH-IT sakemm l-ebda wieħed mill-koreġistranti ma jkun ippreżenta d-dossiers tiegħu (b’suċċess jew le). Jekk reġistrant prinċipali ma jneħħix il-preżentazzjoni konġunta vojta li tkun inħolqot bi żball, ir-reġistranti attwali ta’ dik is-sustanza, wara, mhumiex ser ikunu jistgħu joħolqu l-preżentazzjoni konġunta u jirreġistraw. Jekk iseħħ dan, tista’ titlob lill-ECHA biex tneħħi l-preżentazzjoni konġunta abbandunata.