Nifhmu lil REACH

 

REACH huwa regolament tal-Unjoni Ewropea, addottat biex itejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-riskji li jistgħu jirriżultaw mis-sustanzi kimiċi, filwaqt li jżid il-kompetittività tal-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE. Jippromwovi wkoll metodi alternattivi għall-istima tal-periklu ta' sustanzi sabiex jitnaqqas l-għadd ta' testijiet fuq l-annimali.   

Fil-prinċipju, REACH japplika għas-sustanzi kimiċi kollha; mhux biss dawk użati fi proċessi industrijali iżda wkoll fil-ħajjiet tagħna minn jum għall-ieħor, per eżempju fi prodotti ta' tindif, żebgħat kif ukoll f'oġġetti bħal ħwejjeġ, għamara u apparat elettriku. Għaldaqstant, ir-regolament għandu impatt fuq ħafna mill-kumpaniji tul l-UE.

REACH iqiegħed il-piż tal-provi fuq il-kumpaniji. Sabiex jikkonformaw mar-regolament, il-kumpaniji għandhom jidentifikaw u jimmaniġġjaw ir-riskji marbuta mas-sustanzi li jimmanifatturaw u li jqiegħdu fis-suq fl-UE. Għandhom juru lill-ECHA kif is-sustanza tista' tintuża b'mod sigur, u għandhom jikkomunikaw il-miżuri għall-immaniġġjar tar-riskji lill-utenti.

Jekk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu mmaniġġjati, l-awtoritajiet jistgħu jirrestrinġu l-użu ta' sustanzi b'mezzi differenti. Fil-parti l-kbira, is-sustanzi l-aktar perikolużi għandhom ikunu sostitwiti b'dawk inqas perikolużi.

REACH jirrappreżenta r-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi. Daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007.

Kif jaħdem REACH?

REACH jistabbilixxi proċeduri għall-ġbir u l-valutazzjoni ta' informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-perikli ta' sustanzi.

Kumpaniji jeħtieġu li jirreġistraw is-sustanzi tagħhom u biex jagħmlu dan jeħtieġ li jaħdmu flimkien ma' kumpaniji oħrajn li jkunu qegħdin jirreġistraw l-istess sustanza.

L-ECHA tirċievi u tivvaluta reġistrazzjonijiet individwali għall-konformità tagħhom, u l-Istati Membri tal-UE jivvalutaw sustanzi magħżula biex jikkjarifikaw tħassib inizjali għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. L-awtoritajiet u l-kumitati xjentifiċi tal-ECHA jivvalutaw jekk ir-riskji tas-sustanzi jistgħux ikunu mmaniġġjati.  

L-awtoritajiet jistgħu iqiegħdu projbizzjoni fuq sustanzi perikolużi jekk ir-riskji tagħhom ma jkunux maniġġabbli. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jirrestrinġu l-użu jew jagħmluh soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel.  

L-effett ta' REACH fuq kumpaniji

REACH għandu impatt fuq firxa wiesgħa ta' kumpaniji tul diversi setturi, anke dawk li jistgħu jaħsbu li mhumiex involuti b'sustanzi kimiċi.  

In ġenerali, taħt REACH jista' jkollok wieħed minn dawn ir-rwoli:

Manifattur: Jekk tagħmel sustanzi kimiċi, jew biex tużahom waħdek jew biex tforni lil nies oħra (anke jekk ikunu għall-esportazzjoni), hemmhekk huwa probabbli li jkollok xi responsabbiltajiet importanti taħt REACH.

Importatur: Jekk tixtri xi ħaga minn barra l-UE/iż-ŻEE, x'aktarx li jkollok xi responsabbiltajiet taħt REACH. Jistgħu ikunu sustanzi kimiċi individwali, taħlitiet għal bejgħ aktar 'il quddiem jew prodotti lesti, bħal ħwejjeġ, għamara jew affarijiet tal-plastik.

Utenti downstream: Ħafna kumpaniji jużaw sustanzi kimiċi, xi drabi anke mingħajr ma jkunu jafu, għaldaqstant jeħtieġ li tikkontrolla l-obbligi tiegħek jekk titratta xi sustanzi kimiċi fl-attività industrijali jew professjonali tiegħek. Jista' jkollok xi responsabbiltajiet taħt REACH. 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)