Valutazzjoni tad-dossier

Il-proċess ta’ valutazzjoni tad-dossier, u b’mod partikolari l-kontroll tal-konformità, jikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta’ data rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi u biex inissel il-fiduċja tal-pubbliku ġenerali li l-industrija tieħu r-responsabbiltà biex tiżgura s-sigurtà tas-sustanzi li timmanifattura u timporta. L-ECHA u l-Kummissjoni Ewropea ppubblikaw Pjan ta’ Azzjoni Konġunt għall-Valutazzjonijiet REACH biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità tal-informazzjoni fid-dossiers ta’ reġistrazzjoni.

Sal-2023 għar-reġistrazzjonijiet kollha fil-meded ta’ tunnellaġġ ta’ aktar minn 100 tunnellata/sena u sal-2027 għall-meded ta’ tunnellaġġ ta’ 1-100 tunnellata/sena, l-ECHA se tkun eżaminat id-dossiers kollha ta’ reġistrazzjoni sottomessi sal-iskadenza tal-2018 u wettqet kontroll tal-konformità għas-sustanzi kollha fejn il-lakuni fid-data ma jippermettux li jiġi konkluż jekk is-Sustanza hijiex ta’ tħassib jew jekk hijiex ta’ prijorità baxxa għal aktar azzjoni regolatorja. Il-Pjan ta’ Azzjoni jirrikjedi wkoll impenn mill-awtoritajiet biex jagħmlu l-proċess aktar effiċjenti u mill-industrija biex tirrevedi d-dossiers tagħha u tiġġenera aktar informazzjoni kif meħtieġ.

REACH jirrikjedi li l-kumpaniji tal-UE li jimmanifatturaw u jimpurtaw sustanzi kimiċi jivvalutaw is-sustanzi kimiċi tagħhom u jipproponu miżuri ta’ mmaniġġjar tar-riskji. Din il-valutazzjoni trid tiġi dokumentata f’dossier ta’ reġistrazzjoni li l-kumpaniji jridu jħejju u jissottomettu lill-ECHA. Trid tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-proprjetajiet u l-użi għas-sustanzi kimiċi kollha mmanifatturati jew importati fi kwantitajiet ta’ tunnellata jew aktar fis-sena.

Taħt il-valutazzjoni tad-dossier, l-ECHA tiċċekkja li l-informazzjoni deskritta fil-qosor fir-rekwiżiti standard ta’ informazzjoni ta' REACH tkun disponibbli fid-dossier jew proposta fi proposta ta’ ttestjar. Din l-informazzjoni hija kruċjali biex wieħed jifhem jekk sustanza kimika tistax tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Il-valutazzjoni tad-dossier tkopri żewġ proċessi: il-kontroll tal-konformità u l-eżami tal-proposti ta’ ttestjar.