L-Identifikazzjoni tas-Sustanza

L-identifikazzjoni ta’ sustanzi hija proċess li permezz tiegħu tiġi stabbilita l-identità tas-sustanza.

L-identifikazzjoni preċiża ta’ sustanza hija prerekwiżit għal ħafna mill-proċessi ta’ REACH, CLP u tal-bijoċidi. B’mod partikolari, din tippermetti li reġistrazzjonijiet konġunti ta’ REACH jiġu ppreparati b’effiċjenza u b’korrettezza, u tiżgura li data tal-ittestjar tkun xierqa għas-sustanza rreġistrata skont REACH. Dan iwassal għal valutazzjoni robusta tal-periklu u tar-riskju tas-sustanza rreġistrata.

L-identifikazzjoni korretta ta’ sustanza sejra tippermetti wkoll:

  • Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni biex jiġi pprevjenut ittestjar fuq l-annimali u spejjeż mhux neċessarji;
  • L-użu tad-data tal-ittestjar fost il-kumpaniji u read-across fi ħdan grupp ta’ sustanzi;
  • Il-valutazzjoni ta’ jekk sustanza hijiex inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni, fil-lista ta’ restrizzjonijiet jew jekk għandhiex klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati.

Tipikament l-identità ta’ sustanza tista’ tiġi deskritta permezz ta’:

  • isem kimiku, pereżempju, l-benżen;
  • numru, pereżempju, numru EC 200-753-7, u
  • kompożizzjoni kimika, pereżempju, >99 % benżen u <1 % toluwen.  Il-kompożizzjoni tiġi ddeterminata permezz ta’ analiżi kimika.  

Il-proċessi regolatorji fejn l-identifikazzjoni ta’ sustanzi għandha rwol primarju huma:

 

Domanda REACH

Kumpaniji li jippjanaw li jirreġistraw sustanza mhux ta’ introduzzjoni gradwali jew sustanza ta’ introduzzjoni gradwali li ma jkunux irreġistraw minn qabel, għandhom id-dmir li jistaqsu lill-ECHA jekk diġà ġietx ippreżentata reġistrazzjoni għal dik is-sustanza.

L-identifikazzjoni preċiża ta’ sustanza hija importanti fil-proċess ta’ domanda biex jiġi żgurat li l-kumpaniji li jkunu qegħdin jippjanaw li jirreġistraw jew li diġà jkunu rreġistraw l-istess sustanza jitqiegħdu f’kuntatt tajjeb ma’ xulxin. Dan jiżgura li d-data tiġi kondiviża kif xieraq. 

 

Reġistrazzjoni ta’ REACH

Ir-reġistrazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju “sustanza waħda, reġistrazzjoni waħda”. Dan ifisser li manifatturi u importaturi tal-istess sustanza għandhom l-obbligu li jippreżentaw ir-reġistrazzjoni tagħhom b’mod konġunt.

L-identifikazzjoni preċiża ta’ sustanza hija importanti fil-proċess ta’ reġistrazzjoni biex jiġi żgurat li r-reġistranti tal-istess sustanza jkunu jappartjenu għall-istess reġistrazzjoni konġunta. Din tistabbilixxi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġistrazzjoni konġunta peress li tiffaċilita l-iżvilupp tal-profil tal-identità tas-sustanza (SIP, substance identity profile) u r-rappurtar tal-kompożizzjoni ta’ konfini.

 

Eżenzjoni PPORD

Sustanzi maħsuba biex jintużaw għal riċerka u żvilupp orjentati lejn prodotti u proċessi (PPORD) jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin. Il-kumpaniji li jixtiequ jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni jridu jippreżentaw notifika PPORD lill-ECHA.

L-identifikazzjoni preċiża ta’ sustanza hija importanti fil-proċess ta’ eżenzjoni PPORD, pereżempju, biex wieħed jifhem x’hemm ippjanat li jiġi kopert mill-eżenzjoni.

 

Valutazzjoni skont REACH

L-ECHA u l-Istati Membri jivvalutaw l-informazzjoni ppreżentata minn kumpaniji biex jeżaminaw il-kwalità tad-dossiers ta’ reġistrazzjoni u l-proposti ta’ ttestjar. Barra minn hekk, il-valutazzjoni għandha l-għan li tiċċara jekk sustanza partikolari tippreżentax riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

L-identifikazzjoni preċiża ta’ sustanza hija importanti fil-proċessi ta’ valutazzjoni minħabba li din tippermetti lill-ECHA u lill-Istati Membri jiddeterminaw li kull reġistrazzjoni tkopri biss sustanza waħda u li d-data tal-ittestjar hija xierqa għal dik is-sustanza. Il-profil tal-identità tas-sustanza (SIP) u r-rappurtar tal-kompożizzjoni ta’ konfini jiżguraw trasparenza f'termini tar-rilevanza tad-data tal-ittestjar.

 

Ġestjoni tar-riskji skont REACH u CLP

Il-kumpaniji jenħtieġ li jivvalutaw jekk is-sustanza tagħhom hijiex inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni, fil-lista ta’ restrizzjonijiet jew jekk għandhiex klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati. Dan jista’ jsir biss b’mod preċiż jekk is-sustanza tiġi identifikata tajjeb.

 

Il-Bijoċidi

Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPR, Biocidal Products Regulation) huwa dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali, li jintużaw għall-protezzjoni tal-bniedem, l-annimali, il-materjali jew l-oġġetti kontra organiżmi ta’ ħsara, bħal pesti jew batterji, permezz tal-azzjoni tas-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodott bijoċidali.

L-identifikazzjoni preċiża ta’ sustanza bijoċidali tiżgura li d-data tal-ittestjar hija xierqa għas-sustanza u li tkun kondiviża tajjeb. Dan iwassal għal valutazzjoni robusta tal-periklu u tar-riskju tas-sustanza bijoċidali.