Reġistrazzjoni

Il-kumpaniji għandhom ir-responsabbiltà li jiġbru informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-użijiet ta' sustanzi li jimmanifatturaw jew jimportaw f'aktar minn tunnellata metrika waħda kull sena. Għandhom ukoll jagħmlu valutazzjoni tal-perikli u tar-riskji potenzjali ppreżentati mis-sustanza.

Din l-informazzjoni tiġi kkomunikata lill-ECHA permezz ta' dossier tar-reġistrazzjoni li jkun jinkludi informazzjoni dwar il-periklu u, meta rilevanti, valutazzjoni tar-riskji li l-użu tas-sustanza jista' jqiegħed u kif dawn ir-riskji għandhom ikunu kkontrollati.

Ir-reġistrazzjoni tapplika għal sustanzi weħidhom, sustanzi f'taħlitiet u ċerti każijiet ta' sustanzi f'oġġetti. Sustanzi kimiċi li diġà huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet oħra bħal mediċini, jew sustanzi radjoattivi huma parzjalment jew kompletament eżentati mir-rekwiżiti REACH.

Ir-reġistrazzjoni hija bbażatata fuq il-prinċipju "sustanza waħda, reġistrazzjoni waħda". Dan ifisser li manifatturi u importaturi tal-istess sustanza għandhom jippreżentaw ir-reġistrazzjoni tagħhom b'mod konġunt. L-informazzjoni analitika u spettrali pprovduta għandha tkun konsistenti u suffiċjenti biex tikkonferma l-identità tas-sustanza.

Ir-reġistrazzjoni ta' sustanza ġeneralment issir bi ħlas.

 

Sustanzi li għandhom jiġu rreġistrati

Sustanzi ta' introduzzjoni gradwali

Hemm reġim tranżitorju speċjali għal sustanzi li kienu diġà manifatturati jew imqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta' REACH. Dawn is-sustanzi jissejħu sustanzi ta' introduzzjoni gradwali
 
Il-kumpaniji jibbenefikaw mir-reġim tranżitorju jekk ikunu pprereġistraw is-sustanzi tagħhom sal-1 ta' Diċembru 2008 (jew f'ċerti ċirkostanzi, jkunu għamlu prereġistrazzjoni iktar tard qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni rilevanti).
 
Sustanzi li jissodisfaw għall-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sustanzi ta' introduzzjoni gradwali skont REACH: 
 
  • Sustanzi elenkati fl-Inventarju Ewropew ta' Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti (EINECS) 
  • Sustanzi li kienu mmanifatturati fl-UE (inklużi l-pajjiżi li ngħaqdu fl-1 ta' Jannar 2007) iżda li ma tqiegħdux fis-suq tal-UE wara l-1 ta' Ġunju 1992
  • Sustanzi li jikkwalifikaw bħala "m'għadhomx polimeri''
Għal dawn is-sustanzi, ir-Regolament REACH jistabbilixxi l-iskadenzi tar-reġistrazzjoni li ġejjin:
 
30 ta' Novembru 2010
Skadenza għar-reġistrazzjoni ta' sustanzi manifatturati jew importati f'1 000 tunnellata metrika jew aktar kull sena; sustanzi li huma karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni f'aktar minn tunnellata metrika waħda kull sena; u sustanzi perikolużi għal organiżmi akkwatiċi jew għall-ambjent f'aktar minn 100 tunnellata metrika kull sena.
 
31 ta' Mejju 2013
Skadenza għar-reġistrazzjoni ta' sustanzi manifatturati jew importati f' 100-1 000 tunnellata metrika kull sena.
 
31 ta' Mejju 2018
Skadenza għar-reġistrazzjoni ta' sustanzi manifatturati jew importati f'1-100 tunnellata metrika kull sena.
 

Sustanzi mhux ta' introduzzjoni gradwali

Is-sustanzi kollha li ma jissodisfaw ebda waħda mill-kriterji għal sustanzi ta' introduzzjoni gradwali huma kkunsidrati bħala sustanzi mhux ta' introduzzjoni gradwali. Normalment, sustanzi mhux ta' introduzzjoni gradwali ma jkunux ġew immanifatturati, imqiegħda fis-suq jew użati fl-UE qabel l-1 ta' Ġunju 2008, (sakemm ma jkunux ġew notifikati taħt id-Direttiva dwar Sustanzi Perikolużi (67/548/KEE)).
 
Manifatturi u importaturi potenzjali ta' sustanzi mhux ta' introduzzjoni gradwali għandhom jippreżentaw domanda lill- ECHA u sussegwentement jirreġistraw is-sustanza qabel ma jkunu jistgħu jimmanifatturaw jew jimportaw is-sustanza.
 
Is-sustanzi kollha notifikati taħt id-Direttiva dwar Sustanzi Perikolużi (magħrufa wkoll bħala NONS) huma kkunsidrati rreġistrati taħt REACH u l-ECHA attribwiet numri tar-reġistrazzjoni lin-notifiki kollha. Is-sidien tan-notifiki jistgħu jikklejmjaw in-numri tar-reġistrazzjoni mill-ECHA.

 

Min jeħtieġ li jirreġistra?

Teħtieġ li tirreġistra jekk inti:

  • Manifattur jew importatur fl-UE ta' sustanzi weħidhom jew f'taħlita
  • Produttur jew importatur fl-UE ta' oġġetti li jissodisfaw il-kriterji spjegati fil-Gwida dwar ir-rekwiżiti għal sustanzi f'oġġetti.
  • "Rappreżentant uniku" stabbilit fl-UE u maħtur minn manifattur, fomulatur jew produttur ta' oġġett stabbilit barra l-UE biex tissodisfa l-obbligi tar-reġistrazzjoni ta' importaturi

 

 

Links relatati

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)