Tilwim dwar il-kondiviżjoni tad-data

Il-koreġistranti għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-ispiża tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni tkun determinata b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju.

Bħala l-aħħar pass, jekk ma jkun intlaħaq ebda qbil, ir-reġistrant potenzjali jista' jippreżenta tilwima dwar il-kondiviżjoni tad-data mal-ECHA. It-tilwima dwar il-kondiviżjoni tad-data hija mingħajr ħlas u tista' tiġi ġestita mingħajr appoġġ legali.

Meta reġistranti potenzjali jippreżentaw tilwima dwar il-kondiviżjoni tad-data, għandhom jipprovdu evidenza dokumentarja li turi l-isforzi li jkunu saru mill-partijiet negozjanti biex jaslu għal qbil.

Biex jiġi żgurat trattament ugwali u d-dritt li wieħed jinstama', l-ECHA titlob ukoll lill-parti l-oħra tipprovdi evidenza dokumentarja.

L-ECHA ser tivvaluta l-isforzi tal-partijiet biex jaslu għal qbil dwar il-kondiviżjoni tad-data u l-ispejjeż tagħha. Din il-valutazzjoni hija bbażata biss fuq in-negozjati, li jfisser il-komunikazzjoni ddokumentata kollha bejn il-partijiet.

Wara l-valutazzjoni, l-ECHA toħroġ deċiżjoni li tippermetti lir-reġistrant potenzjali jirreferi għad-data mitluba jew titlob liż-żewġ partijiet ikomplu bin-negozjati tagħhom. Il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tal-ECHA dwar tilwim huma ppubblikati onlajn.

Id-deċiżjonijiet kollha rigward tilwimiet dwar il-kondiviżjoni tad-data jistgħu jiġu appellati lill-Bord tal-Appell fi żmien tliet xhur.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)