Pjan ta' azzjoni Komunitarju rikorrenti

Il-Pjan ta' Azzjoni Komunitarju Rikorrenti (CoRAP) jispeċifika s-sustanzi li għandhom jiġu evalwati fuq perjodu ta' tliet snin. Wara l-ewwel sena, il-pjan jiġi aġġornat sabiex jinkludi sustanzi għas-sena addizzjonali kif ukoll kwalunkwe reviżjoni għas-sustanzi li jkunu ġew inklużi fit-tieni u fit-tielet sena tal-pjan oriġinali.

Dawk is-sustanzi soġġetti għal evalwazzjoni immedjata jitniżżlu fl-ewwel sena tal-pjan. Madankollu, Stat Membru jista' jinnotifika fi kwalunkwe ħin li għandu informazzjoni li tissuġġerixxi li s-sustanza hija prijorità għall-evalwazzjoni, anke jekk mhijiex inkluża fil-lista tal-CoRAP. F'dawn is-sitwazzjonijiet, il-CoRAP jista' jiġi emendat sabiex jinkludi din is-sustanza qabel aġġornament annwali.

Il-kriterji ta' għażla

L-ECHA u l-Istati Membri jiżviluppaw kriterji bbażati fuq ir-riskju fuq liema sustanzi jintgħażlu għall-CoRAP.

Il-kriterji tal-għażla jkopru informazzjoni ta' periklu, informazzjoni ta' esponiment u tunnellaġġ ta' sustanzi, inkluż it-tunnellaġġ aggregat tal-istess sustanza minn reġistrazzjonijiet multipli. Il-kriterji relatati mal-periklu u l-esponiment ma jintużawx b'mod indipendenti, iżda flimkien sabiex jipprovdu approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Pereżempju, sustanza perikoluża b'esponiment ikkontrollat tista' tkun ta' prijorità inqas minn sustanza ta' esponiment maġġuri inqas perikoluża.

L-Istati Membri jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-CoRAP billi jipproponu sustanzi għall-inklużjoni. Huma jistgħu jużaw l-istess kriterji bbażati fuq ir-riskju kif miftiehem mal-ECHA jew f'xi każijiet jindikaw raġunijiet ta' tħassib oħra bbażati fuq ir-riskju stabbiliti fuq prijoritajiet nazzjonali.

Il-kriterji sejrin jiġu riveduti kull tant żmien fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba u l-bidliet fil-prijoritajiet.

Mhux is-sustanzi kollha li jissodisfaw il-kriterji sejrin ikunu nklużi fil-lista tal-CoRAP għall-evalwazzjoni. L-Istati Membri u l-ECHA għandhom jikkunsidraw jekk talba għal aktar informazzjoni fl-aħħar tal-proċess ta' evalwazzjoni tgħinx biex tikkjarifika t-tħassib inizjali dwar sustanza. L-interessi u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw ukoll l-inklużjoni ta' sustanza fil-lista tas-CoRAP.

L-Istabbiliment tal-CoRAP

Wara l-istabbiliment tal-kriterji bbażati fuq ir-riskju, l-ECHA u l-Istati Membri identifikaw in-numru ta' sustanzi li jistgħu jiżdiedu fil-CoRAP. L-Istati Membri sejrin jesprimu l-interess tagħhom sabiex jevalwaw ċertu sustanza sabiex l-ECHA tkun tista' toħloq abbozz ta' CoRAP bl-ismijiet tas-sustanzi u s-snin tentattivi ta' valutazzjoni.

L-aħħar CoRAP jiġi adottat wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istati Membri tal-ECHA. Mill-pubblikazzjoni tal-abbozz tal-CoRAP, sustanzi jiżdiedu jew jitneħħew qabel ma' l-ECHA tadotta l-CoRAP finali. Il-CoRAP finali jindika t-tħassib inizjali dwar is-sustanzi u jaħtar lilll-Istati Membri sabiex iwettqu l-evalwazzjoni.

 

L-ECHA adottat l-ewwel CoRAP fl-2012 għas-snin 2012 - 2014. Kull sena l-ECHA ser tippreżenta lill-Istati Membri abbozz biex taġġorna l-CoRAP

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)