Awtorizzazzjoni

Il-proċess tal-awtorizzazzjoni għandu l-għan li jiżgura li r-riskji ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji inqas perikolużi fejn ikun hemm disponibbli alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli.

Ir-rotta tal-awtorizzazzjoni tibda meta Stat Membru jew l-ECHA, fuq talba tal-Kummissjoni, jipproponi/tipproponi li sustanza tiġi identifikata bħala SVHC.

Sustanzi bil-karatteristiċi perikolużi li ġejjin jistgħu jiġu identifikati bħala SVHCs:

 

  • Sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) kategorija 1A jew 1B f’konformità mar-Regolament CLP.
  • Sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT) jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (vPvB) skont l-Anness XIII għal REACH.
  • Sustanzi fuq bażi ta’ każ b’każ, li jikkawżaw livell ekwivalenti ta’ tħassib bħala sustanzi CMR jew PBT/vPvB.

Il-proċess tal-identifikazzjoni ta’ SVHC jinkludi konsultazzjoni pubblika ta’ 45 jum. Meta sustanza tiġi identifikata bħala SVHC, din tiġi inkluża fil-Lista ta' Kandidati. L-inklużjoni fil-Lista ta’ Kandidati ġġib obbligi immedjati għall-fornituri tas-sustanza, bħal:

  • forniment ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà
  • komunikazzjoni dwar l-użu sigur
  • tweġiba għat-talbiet tal-konsumatur fi żmien 45 jum u
  • notifika lill-ECHA jekk l-oġġett li jipproduċu jkun fih SVHC fi kwantitajiet ta’ aktar minn tunnellata waħda għal kull produttur/importatur fis-sena u jekk is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti f’konċentrazzjoni ’l fuq minn 0.1% (w/w).

Iż-żieda ta’ SVHCs fil-Lista ta’ Kandidati

L-iskop li tiġi proposta sustanza għall-identifikazzjoni bħala SVHC jiġi ppubblikat fir-reġistru tal-intenzjonijiet qabel ma tiġi ppreżentata l-proposta, sabiex l-industrija u partijiet ikkonċernati oħra jiġu infurmati minn qabel il-preżentazzjoni.

Il-proposta tiġi ppreparata skont l-Anness XV għal REACH u tinkludi żewġ partijiet ewlenin. L-ewwel waħda tipprovdi d-data u l-ġustifikazzjoni għall-identifikazzjoni tas-sustanza bħala SVHC. It-tieni parti, eżaminata matul l-istadji tas-segwitu fl-identifikazzjoni, tinkludi informazzjoni dwar volumi fis-suq tal-UE, l-użu tas-sustanza u alternattivi possibbli għas-sustanza.

Wara l-pubblikazzjoni tal-proposta, kulħadd jista’ jikkummenta dwarha jew jipprovdi aktar informazzjoni waqt il-konsultazzjoni ta’ 45 jum. Jistgħu jsiru kummenti dwar il-karatteristiċi tas-sustanza, l-użu u l-alternattivi tagħha.

Jekk ma jiġi riċevut ebda kumment li jikkontesta l-identifikazzjoni, is-sustanza tiġi inkluża direttament fil-Lista ta’ Kandidati. Kummenti dwar l-użu u l-alternattivi jinġabru u jintużaw fi stadju aktar tard tal-proċess, jiġifieri waqt ir-rakkomandazzjoni tas-sustanzi għall-inklużjoni fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni.

Meta jiġu riċevuti kummenti li jipprovdu informazzjoni ġdida jew li jisfidaw il-bażi għall-identifikazzjoni bħala SVHC, kemm il-proposta kif ukoll il-kummenti jiġu riferuti għand Kumitat tal-Istati Membri (MSC) sabiex jaqbel mal-identifikazzjoni tas-sustanza bħala SVHC.

Jekk il-kumitat jilħaq qbil unanimu, is-sustanza tiżdied mal-Lista ta’ Kandidati. Jekk il-kumitat ma jasalx għal qbil unanimu, il-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kummissjoni.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)