Nifhmu lil REACH

REACH huwa regolament tal-Unjoni Ewropea, li ġie adottat biex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-riskji li s-sustanzi kimiċi jistgħu jġibu magħhom, filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE. Jippromwovi wkoll metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikli tas-sustanzi sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ testijiet fuq l-annimali. 

Fil-prinċipju, REACH japplika għas-sustanzi kimiċi kollha; mhux dawk biss li jintużaw fi proċessi industrijali iżda wkoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, pereżempju fil-prodotti tat-tindif, fiż-żebgħa kif ukoll f’oġġetti bħall-ħwejjeġ, l-għamara u l-apparat elettrodomestiku. Għalhekk, ir-regolament għandu impatt fuq il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji fl-UE kollha.

REACH iqiegħed il-piż tal-provi fuq il-kumpaniji. Sabiex jikkonformaw mar-regolament, il-kumpaniji għandhom jidentifikaw u jiġġestixxu r-riskji marbuta mas-sustanzi li jimmanifatturaw u li jqiegħdu fis-suq fl-UE. Għandhom juru lill-ECHA kif is-sustanza kimika tista’ tintuża b’mod sigur, u għandhom jikkomunikaw il-miżuri għall-ġestjoni tar-riskju lill-utenti.

Jekk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu ġestiti, l-awtoritajiet jistgħu jużaw modi differenti biex jillimitaw l-użu ta’ sustanzi. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sustanzi l-aktar perikolużi għandhom jiġu sostitwiti b’oħrajn inqas perikolużi.

REACH ifisser ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi. Daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007.

Kif jaħdem REACH?

REACH jistabbilixxi l-proċeduri għall-ġbir u għall-valutazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-perikli ta’ sustanzi.

Il-kumpaniji huma mitluba jirreġistraw is-sustanzi tagħhom u biex jagħmlu dan jeħtieġ jaħdmu flimkien ma’ kumpaniji oħra li qed jirreġistraw l-istess sustanza.

L-ECHA tirċievi u tivvaluta reġistrazzjonijiet individwali biex tivverifika l-konformità tagħhom, u l-Istati Membri tal-UE jivvalutaw sustanzi kimiċi magħżula biex jiġi ċċarat tħassib inizjali għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. L-awtoritajiet u l-kumitati xjentifiċi tal-ECHA jevalwaw jekk ir-riskji tas-sustanzi jistgħux jiġu ġestiti.

L-awtoritajiet jistgħu jipprojbixxu sustanzi perikolużi jekk ir-riskji tagħhom ma jistgħux jiġu ġestiti. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jillimitaw l-użu jew li jagħmluh soġġett għal awtorizzazzjoni preliminari.

L-effett ta’ REACH fuq il-kumpaniji

REACH għandu impatt fuq firxa wiesgħa ta’ kumpaniji f’ħafna setturi, anki dawk li jistgħu ma jqisux lilhom infushom bħala involuti ma’ sustanzi kimiċi.

B’mod ġenerali, skont REACH jista’ jkollok wieħed minn dawn ir-rwoli:

Manifattur: Jekk timmanifattura sustanzi kimiċi, kemm jekk biex tużahom inti stess jew biex tfornihom lil persuni oħra (anke jekk dawn ikunu għall-esportazzjoni), il-probabbiltà hi li għandek ċerti responsabbiltajiet importanti skont REACH.

Importatur: Jekk tixtri xi ħaġa minn barra l-UE/iż-ŻEE, x’aktarx għandek ċerti responsabbiltajiet skont REACH. Dawn jistgħu jkunu sustanzi kimiċi individwali, taħlitiet għall-bejgħ jew prodotti lesti, bħal ħwejjeġ, għamara jew oġġetti tal-plastik.

Utenti downstream: Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jużaw sustanzi kimiċi, xi drabi mingħajr lanqas jirrealizzaw, għalhekk jekk tuża xi sustanzi kimiċi fl-attività industrijali jew professjonali tiegħek trid tiċċekkja l-obbligi tiegħek. Jista’ jkollok xi responsabbiltajiet skont REACH.

Kumpaniji stabbiliti barra l-UE: Jekk int kumpanija stabbilita barra l-UE, int m’intix marbut bl-obbligi ta’ REACH, anke jekk tesporta l-prodotti fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea. Ir-responsabbiltà għas-sodisfar tar-rekwiżiti ta’ REACH, bħar-reġistrazzjoni hija tal-importaturi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, jew tar-rappreżentant uniku ta’ manifattur minn barra l-UE stabbilit fl-Unjoni Ewropea.