Is-Servizzi tal-Cloud tal-ECHA

Is-Servizzi tal-Cloud tal-ECHA huma pjattaforma online sigura li tintuża biex tqassam l-applikazzjonijiet tal-IT tal-ECHA f’ambjent cloud privat. Is-servizz hu mibni fi ħdan l-infrastruttura tal-IT tal-ECHA u l-użu ta’ komunikazzjoni kriptata, verifiki regolari tas-sigurtà u aġġornamenti regolari tal-komponenti kollha jiżguraw li d-data tal-cloud tiegħek tkun sigura u ma tkunx tista’ tiġi aċċessata minn xi ħadd ieħor.

L-ewwel servizz li ġie magħmul disponibbli jiffoka fuq l-IUCLID peress li huwa kruċjali għall-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-2018. Il-funzjonalitajiet tiegħu jingħataw prijorità skont il-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

L-applikazzjoni tal-Cloud tal-IUCLID taħdem fi brawżer u, għalhekk, tikkumplimenta l-applikazzjoni tal-IUCLID biex tgħin lill-SMEs jirreġistraw is-sustanzi kimiċi tagħhom għall-iskadenza tar-reġistrazzjoni li jmiss.

Sabiex taċċessa l-ispazju tal-cloud, jeħtieġ li tilloggja billi tuża l-kredenzjali tal-Kont tal-ECHA tiegħek. Dawn huma l-istess li għandek biex, pereżempju, taċċessa REACH-IT. Jekk m’għandekx Kont tal-ECHA, tista’ toħloq wieħed fuq il-paġna web tas-Servizzi tal-Cloud tal-ECHA qabel taċċessa servizz.

Ladarba tkun illoggjat, int tista’ tagħżel bejn is-servizzi disponibbli:

  • Cloud tal-IUCLID għall-SMEs
  • Cloud tal-IUCLID ta’ Prova

 

Cloud tal-IUCLID għall-SMEs

B’dan is-servizz, int dejjem tista’ taħdem bil-verżjoni l-aktar riċenti tal-IUCLID fil-cloud, mingħajr ma tinstalla l-IUCLID fuq il-kompjuter tiegħek jew fis-servers tal-kumpanija tiegħek.

Is-servizz, li hu mmirat lejn l-SMEs u l-konsulenti tagħhom, jipprovdi sa 1 GB ta’ ħżin tad-data, backups immaniġġjati b’mod sħiħ u appoġġ iddedikat tal-helpdesk. Int dejjem tista’ tħejji u tivvalida d-dossiers tar-reġistrazzjoni tiegħek online.

Is-servizz għandu interfaċċa sempliċi biex tgħinek tiffoka fuq il-kompiti tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tiegħek ta’ REACH 2018. Dejjem tista’ tnedi l-klijent tal-Cloud tal-IUCLID (il-verżjoni tradizzjonali tal-IUCLID li taħżen id-data fil-cloud) biex taċċessa s-6 funzjonalitajiet kollha tal-IUCLID, jekk ikun meħtieġ.

 

Cloud tal-IUCLID ta’ Prova

Ipprova s-Servizzi tal-Cloud tal-IUCLID u aħdem kompletament fuq il-web mingħajr ma tinstalla xejn lokalment. Int ser ikollok 100 MB ta’ ħżin tad-data u aġġornamenti regolari għall-ħruġ l-aktar riċenti tal-IUCLID.

Din il-verżjoni ta’ prova hija opportunità tajba biex l-utenti jitħarrġu fuq il-Cloud tal-IUCLID. Madankollu, peress li hija prova biss, m’hemm l-ebda backup tad-data u lanqas appoġġ iddedikat tal-helpdesk għal mistoqsijiet li ma jkunux tekniċi.

 

Konsulenti – gawdu l-benefiċċji

Permezz tas-Servizzi tal-Cloud tal-IUCLID, il-konsulenti u l-SMEs klijenti tagħhom jistgħu jikkollaboraw b’mod aktar trasparenti biex iħejju għall-iskadenza tar-reġistrazzjoni ta’ REACH 2018. L-SMEs jistgħu faċilment jagħtu lill-konsulenti aċċess għad-data tagħhom fil-Cloud tal-IUCLID. Kollaborazzjoni trasparenti tgħin lill-SMEs jifhmu aħjar id-data sottomessa għar-reġistrazzjoni u jkunu ppreparati bis-sħiħ għal aġġornamenti futuri.

Il-Cloud tal-IUCLID hija mingħajr ħlas għall-SMEs peress li m’hemmx spejjeż tal-IT, u l-konsulenti jistgħu jagħtu lill-klijenti tagħhom “aktar valur għall-flus”.

Mod ta’ ħidma aktar trasparenti u aktar interattiv jgħin ukoll biex tinkiseb il-fiduċja tal-klijenti.

Permezz tal-Cloud tal-IUCLID ta’ Prova, il-konsulenti jistgħu jippromwovu s-servizzi tagħhom u jħarrġu l-klijenti kollha tagħhom.

 

Għaliex għandek tuża s-servizzi tal-Cloud tal-ECHA?

Is-servizzi tal-Cloud tal-ECHA joffrulek:

  • Aċċess minn kullimkien, fi kwalunkwe ħin, għall-aħħar ħruġ tal-applikazzjoni tal-IUCLID, miżmuma mill-ECHA;
  • Backups regolari u awtomatizzati tad-data mill-ECHA;
  • Kollaborazzjoni online faċli. Il-kumpaniji jistgħu jtejbu s-sigurtà tad-data billi jnaqqsu n-numru ta’ kopji lokali;
  • Appoġġ online risponsiv u 24/7.

 

Categories Display