ePIC - Sistemi tal-IT Kunsens infurmat minn qabel

Ir-Regolament ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel (PIC, ir-Regolament (UE) 649/2012) jirregola l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi u jqiegħed obbligi fuq il-kumpaniji li jixtiequ jesportaw dawn is-sustanzi kimiċi lejn pajjiżi mhux tal-UE.

Ir-Regolament PIC il-ġdid beda japplika mill-1 ta’ Marzu 2014. Minn din id-data, l-ECHA kienet responsabbli għall-kompiti amministrattivi u tekniċi relatati mar-regolament il-ġdid u ser tipprovdi gwida xjentifika u teknika lill-industrija, lill-awtoritajiet nazzjonali nominati (DNAs) mill-UE u minn pajjiżi terzi, u lill-Kummissjoni Ewropea.

L-ePIC huwa l-għodda informatika li ġiet stabbilita u li hija miżmuma mill-ECHA sabiex tiżgura li r-rekwiżiti skont ir-Regolament PIC huma sostnuti minn sistemi informatiċi xierqa. L-ePIC għandu tliet interfaċċji indipendenti, waħda ddedikata għall-utenti mill-industrija, waħda għall-utenti mill-awtoritajiet (l-ECHA, DNAs u l-Kummissjoni) u waħda għall-uffiċjali tad-dwana. Dan jippermetti sabiex fuqu tiġi skambjata b’mod sigur informazzjoni bejn l-utenti mill-industrija, l-utenti mill-awtoritajiet u l-utenti mid-dwana.

 

L-interfaċċja tal-industrija

L-interfaċċja tal-industrija tal-ePIC tindirizza lill-utenti mill-industrija, billi tippermettilhom jikkomunikaw u jiskambjaw data b’mod sigur mal-utenti mill-awtoritajiet. Ladarba jilloggjaw fl-applikazzjoni tal-ePIC, l-utenti mill-industrija jkollhom dawn il-funzjonijiet li ġejjin disponibbli:

  • “Submit export notifications” (Ippreżenta notifiki ta’ esportazzjoni): is-sistema tippermetti li jinħolqu u jiġu ppreżentati notifiki ta’ esportazzjoni kemm għal sustanzi kimiċi kif ukoll għal taħlitiet/oġġetti billi tagħżel il-link xierqa skont it-tip ta’ esportazzjoni. Ladarba titlesta n-notifika, huwa possibbli li din tiġi riveduta fil-paġna ta’ konferma li tiġbor fil-qosor l-informazzjoni kollha li tkun ġiet ipprovduta qabel. Meta tiġi ffinalizzata n-notifika ta’ esportazzjoni, din tkun tista’ tintbagħat lid-DNA rilevanti permezz tas-sistema. Jekk il-preżentazzjoni tirnexxi, jitla’ messaġġ ta’ konferma. Jekk ikun hemm bżonn li jsiru korrezzjonijiet wara l-preżentazzjoni, id-DNA rilevanti (jew l-ECHA) tista’ tibgħat in-notifika lura u din tkun aċċessibbli fl-interfaċċja tal-industrija għall-editjar u għall-preżentazzjoni sussegwenti mill-ġdid (jekk ikun fadal biżżejjed żmien għal dan).
  • “Submit special RIN requests (single and bulk)” (Ippreżenta talbiet speċjali għal RIN (individwali u bl-ingrossa)): fejn rilevanti, l-industrija tista’ tippreżenta talbiet speċjali għal RIN. Jekk it-talba tkopri numru kbir ta’ sustanzi kimiċi li ser jiġu esportati lejn pajjiż wieħed jew aktar jew tkopri sustanza kimika waħda li ser tiġi esportata lejn diversi pajjiżi, hemm funzjoni ta’ preżentazzjoni bl-ingrossa disponibbli. Ser jiġi ġġenerat RIN għal kull każ, u kull talba ser tiġi analizzata mid-DNA rispettiva bħala każ għalih.
  • “Request a waiver” (Itlob rinunzja): jekk applikabbli skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 (7) tar-Regolament PIC, l-utenti mill-industrija jistgħu jitolbu rinunzja, billi jfittxu n-notifika kkonċernata u jagħżlu “Propose a waiver” (Ipproponi rinunzja).
  • “Manage mixtures and articles prior to the notification of an export” (Immaniġġja taħlitiet u oġġetti qabel in-notifika ta’ esportazzjoni): fl-applikazzjoni jistgħu jinħolqu taħlitiet u oġġetti ġodda. Wara li jinħolqu, jistgħu jintgħażlu fil-formola ta’ notifika ta’ esportazzjoni u l-informazzjoni pprovduta matul il-ħolqien ser tinġabar u tiġi kkupjata b’mod awtomatiku fl-oqsma rispettivi tal-formola ta’ notifika ta’ esportazzjoni.

Meta jużaw din l-interfaċċja, l-utenti mill-industrija jkunu jistgħu jaraw u jaġġornaw id-data tagħhom ukoll, u jissorveljaw in-notifiki tagħhom. Jistgħu jibagħtu messaġġi lid-DNAs tagħhom ukoll (b’referenza għal preżentazzjoni speċifika), u jivverifikaw l-istatus tan-notifiki ppreżentati u tat-talbiet speċjali għal RIN.

 

Interfaċċja tal-awtoritajiet

L-interfaċċja tal-awtoritajiet tal-ePIC hija ddedikata għall-utenti mill-awtoritajiet, u tappoġġja x-xogħol ta’ kuljum tagħhom fil-proċess regolatorju. Ladarba jilloggjaw fl-applikazzjoni tal-ePIC, l-utenti mill-awtoritajiet jiġu ppreżentati bil-paġna ewlenija fejn ikun hemm disponibbli links għal “To do Actions” (X’azzjonijiet tista’ twettaq) (imqassmin skont il-kategorija) għal aċċess faċli għal kompiti u għal azzjonijiet pendenti.

Fl-applikazzjoni, l-utenti mill-awtoritajiet ikollhom il-funzjonijiet li ġejjin disponibbli:

  • “Check and monitor the open tasks” (Ikkontrolla u ssorvelja l-kompiti miftuħin): il-lista ta’ kompiti miftuħin hija disponibbli mill-paġna ewlenija tal-interfaċċja tal-awtoritajiet tal-ePIC. Din il-lista predefinita ta’ kompiti tista’ tiġi rfinata wkoll billi jintużaw il-kriterji ta’ tiftix ta’ ffiltrar. Fil-lista tal-kompiti, l-utenti jiġu ppreżentati bl-informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jridu jitwettqu, is-sustanzi kimiċi koperti mill-kompitu, il-pajjiż tal-importazzjoni u d-data ta’ skadenza għat-tlestija tal-kompitu. Il-kompiti li għad iridu jilħqu d-data ta’ skadenza huma mmarkati bl-oranġjo mentri l-kompiti li qabżu d-data ta’ skadenza huma mmarkati bl-aħmar.
  • “Perform and complete tasks” (Wettaq u lesti l-kompiti): l-attribut tal-kompitu jiftaħ id-dettalji tan-notifika, fejn tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali rigward il-kompitu u t-talba. Hemm disponibbli kronoloġija tal-preżentazzjonijiet u din telenka l-avvenimenti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-każ. Hemm taqsima dwar il-messaġġi fejn l-utent jista’ jara l-messaġġi kollha relatati mal-każ li jkunu ntbagħtu qabel. Ladarba l-utent jieħu l-kompitu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ikun jista’ jwettqu u jlestih billi jagħżel l-azzjoni xierqa mit-“Task Action Menu” (Menù ta’ Azzjonijiet għall-Kompiti).
  • “Request for additional information/corrections from industries” (Talba għal informazzjoni /korrezzjonijiet addizzjonali mill-industriji): jekk l-utenti mill-awtorità jinnutaw li hemm xi informazzjoni nieqsa u/jew li hemm bżonn li jsiru korrezzjonijiet fil-preżentazzjoni, jistgħu jitolbu lill-utenti mill-industrija sabiex jemendaw it-talbiet tagħhom jew jissupplimentawhom b’data addizzjonali. Is-sistema tippermetti lill-utenti mill-awtoritajiet sabiex jinkludu messaġġ fin-notifika li jiċċara n-natura tal-bidliet li jridu jsiru.

 

Interfaċċja Doganali

L-interfaċċja tad-dwana tal-ePIC hija ddedikata għall-uffiċjali tad-dwana, u tipprovdilhom l-informazzjoni neċessarja biex iwettqu dmirijiethom. Jistgħu jwettqu tfittxijiet ad hoc (fuq il-bażi ta’ riżultati li jaqblu bejn RIN u pajjiż tal-importazzjoni) u jivverifikaw jekk l-esportazzjoni hijiex awtorizzata f’mument partikolari flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra dwar l-esportazzjoni.

Categories Display