Talba għal isem kimiku alternattiv f'taħlitiet

 

Tista' tippreżenta talba għall-użu ta' isem kimiku alternattiv lill-ECHA għal sustanza kimika f'taħlitiet li huma kklassifikati, ttikkettati u ppakkjati skont ir-Regolament CLP.

Ipprepara t-talba tiegħek bil-verżjoni l-iktar reċenti ta' IUCLID u ppreżentaha billi tuża l-formola web speċifika hawn taħt.

Importanti: Huwa neċessarju kont REACH-IT għal fatturazzjoni u komunikazzjoni. 

Kif tipprepara talba

1. Oħloq il-kont tiegħek f'REACH-IT jekk m'għandekx wieħed.

2. Oħloq dossier għal talba għal isem alternattiv f'IUCLID.

Huwa meħtieġ li l-informazzjoni li ġejja tkun inkluża fid-dossier:

  • l-identità ta' min jagħmel it-talba;
  • l-isem kimiku alternattiv propost; l-identità u l-kompożizzjoni tas-sustanza;
  • informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanza;
  • l-isem(ismijiet) kummerċjali tat-taħlita(taħlitiet) li tkun tikkontjeni (jkunu jikkontjenu) s-sustanza li għaliha jkun mitlub isem kimiku alternattiv;
  • l-SDS tas-sustanza li għaliha jkun mitlub isem kimiku alternattiv;
  • l-SDS tat-taħlita(iet) li tkun tikkontjeni (jkunu jikkontjenu) s-sustanza;
  • ġustifikazzjoni li turi li min jippreżenta t-talba għandu interess kummerċjali li jixraqlu l-protezzjoni għan-nuqqas ta' żvelar tal-isem attwali tas-sustanza; u
  • ġustifikazzjoni li turi li l-użu ta' isem kimiku alternattiv jissodisfa l-ħtieġa li tkun ipprovduta biżżejjed informazzjoni biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol u l-ħtieġa li jkun żgurat li jistgħu jiġu kkontrollati r-riskji mit-trattament tas-sustanza.

L-isem kimiku alternattiv propost jista' jkun isem li jidentifika l-aktar gruppi funzjonali importanti tas-sustanza jew isem alternattiv.

Għajnuna: Meta tkun qiegħed tagħżel isem alternattiv, huwa rrakkmandat li tuża l-"Gwida għal-Lessiku" (Anness VI, Parti B tad-Direttiva dwar Preparati Perikolużi).

Ara wkoll il-Manwal: Kif tipprepara talba għall-użu ta' isem kimiku alternattiv għal sustanza f'taħlita.

3. Ippreżenta l-fajl IUCLID u l-annessi meħtieġa permezz tal-formola web.

Jekk ma tirċeviex messaġġ ta' konferma wara li tippreżenta t-talba, ikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-ECHA."

X'jiġri mbagħad?

Meta tirċievi t-talba, l-ECHA twettaq kontroll għal virus u kontroll tar-‘Regoli Kummerċjali' biex tivverifika li d-dossier huwa komplet u jista' jiġi pproċessat.

Jekk id-dossier jgħaddi mill-kontroll tar-‘Regoli Kummerċjali', l-ECHA tibgħatlek fattura. Meta l-ECHA tkun irċeviet il-ħlas, deċiżjoni dwar it-talba għall-użu ta' isem alternattiv tiġi kkomunikata lilek fi żmien sitt ġimgħat.

Jekk l-ECHA ma taċċettax it-talba għall-użu ta' isem kimiku alternattiv, jew jekk wara temenda jew tirtira l-approvazzjoni tagħha dwar l-użu tal-isem kimiku alternattiv, tista' tkun mitluba reviżjoni tad-deċiżjoni. It-talba għal reviżjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahrejn minn meta tirċievi d-deċiżjoni, u għandha tiġi ppreżentata billi tintuża l-formola web speċifika.

Għandek tkun taf li l-ECHA dejjem tibgħat il-komunikazzjoni kollha relatata mat-talba, inkluża d-deċiżjoni, permezz tas-sistema tal-messaġġi REACH-IT, direttament lil min jagħmel it-talba.

Talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni dwar l-użu ta' isem kimiku alternattiv

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)