L-għaġina mudell li tittiekel

Għandek tfal żgħar li jħobbu jilagħbu bil-pasta tal-immudellar? Qatt qbadthom jippruvaw jieklu dak li joħolqu bil-pasta? Hekk ġara lil Stefa Kaczmarek ftit snin ilu, u hu ddeċieda jiżgura li t-tfal tiegħu jkunu siguri, anke jekk jiddeċiedu jispiċċaw is-sessjoni tal-logħob taghom billi jieklu l-ħelu li jkunu ħolqu bil-pasta tal-immudellar.

"It-tħassib tiegħi bħala ġenitur mexxieni biex infittex alternattiva sigura u li tagħti gost bħala pasta tal-immudellar biex it-tfal tiegħi jilagħbu biha – Għaliex nieqfu hemm? Xtaqt li kulħadd ikollu aċċess għal dan il-prodott"

Stefan Kaczmarek sab li għalkemm maħsuba għat-tfal, xi pasta tal-immudellar tikkontjeni sustanzi kimiċi ball-formaldei, il-boraks u parabens li mhumiex intiżi biex jittieklu. Il-pasta hija wkoll reżistenti ħafna kontra l-moffa u tista' tibqa' friska għal ħafna snin minħabba l-preżervattivi u l-istabilizzanti li jintużaw fil-produzzjoni tagħha. L-informazzjoni kollha tal-prodott mhux dejjem tkun tidher fuq it-tikketti u l-ġenituri jistgħu ma jkunux konxji minn dak li jikkontjenu minħabba inqas rekwiżiti stretti għall-ittikkettar fuq prodotti li mhumiex għall-ikel.

123 Nährmittel GmbH kienu stabbiliti fl-2007 u jipproduċu pasta tal-immudellar li tista' tittiekel, għat-tfal, bl-iskop li jipprovdu alternattiva sigura għall-pasta regolari tal-immudellar. Il-pasta tal-immudellar tagħhom tinbiegħ bħala prodott tal-ikel bl-ingredjenti kollha tagħha elenkati fuq it-tikketta.


Triq twila

"Kienet triq kemmxejn twila u problematika biex wasalna għal dan il-prodott il-ġdid iżda fl-aħħar mill-aħħar kienet vallapena – Qatt ma stajt nimmaġina kemm kien hemm domanda għall-prodott tagħna".

Mir-riċerka fil-kindergarten dwar kif it-tfal kienu qegħdin jilagħbu bi u jużaw il-pasta tal-immudellar, għal ħidma fuq l-iżvilupp ta' riċetta għal pasta li tittiekel bl-użu tal-lamtu u d-dqiq, 123 Nährmittel damu madwar 7 xhur jagħmlu riċerka għall-prodott alternattiv tagħhom. Iltaqgħu ma' sfidi bħal kif jevitaw it-tendenzi tal-pasta li tikber sabiex jevitaw uġigħ fl-istonku f'każ li t-tfal jieklu wisq minnha jew kif iżommu l-prodott milli jeħżien billi jinbiegħ f'forma ta' trab u l-ilma jiżdied miegħu biss qabel ma jintuża, biex jifforma l-pasta.

"Li nedukaw il-klijenti tagħna kienet waħda mill-ikbar sfidi li ltqajna magħha. In-nies għandhom it-tendenza jemmnu li kull ma jiġi b'tikketta CE huwa awtomatikament sigur".

F'suq fejn kumpaniji kbar għandhom l-ikbar sehem, jista' jkun ta' sfida għal kumpaniji iżgħar li jintroduċu prodotti ġodda. Madankollu, is-sustanzi kimiċi użati f'pasta tal-immudellar simili għall-ikel fl-aħħar mill-aħħar iġibu iktar profitti għall-manifatturi, u dan xi drabi jġiegħlhom jibqgħu lura milli jaqilbu għal alternattivi iżjed għaljin.

Stefan Kaczmarek jixtieq jinkoraġġixxi lil kumpaniji oħrajn biex ma jaqtgħux qalbhom f'nofs il-proċess.

"Jekk temmen fil-prodott tiegħek, taqtax qalbek. Meta jkollok sfida, afda fil-konsumaturi tiegħek li jafu liema hi l-aħjar għażla li jistgħu jagħmlu."