Il-metodu Amerikan

L-Università ta' Massachusetts Lowell ilha involuta fil-valutazzjoni ta' alternattivi iktar sikuri għal aktar minn 25 sena – dawn jidentifikaw, jipparagunaw u jgħinu lil kumpaniji jagħżlu alternattivi aktar sikuri għal sustanzi kimiċi ta' tħassib. Fl-Istati Uniti kien hemm evoluzzjoni sinifikanti fl-oqfsa, fl-għodod u fl-inizjattivi ta' sostenn għal sostituzzjoni "infurmata" fi snin riċenti. 

Il-mira hija li jkun hemm gwadann u kondiviżjoni ta' għarfien dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' alternattivi kimiċi jew mhux kimiċi. "Dan l-għarfien huwa essenzjali minħabba li ma rridux nispiċċaw b'sostituzzjoni li ma rridux," jgħid it-Tabib Tickner. "Min-naħa waħda, huwa importanti li tivvaluta jekk teżistix alternattiva iktar sikura, iżda min-naħa l-oħra, għandek tikkunsidra kif tista' tagħmilha vijabbli għall-industrija"


Is-sostituzzjoni fl-Ewropa mqabbla mas-sostituzzjoni fl-Istati Uniti.

Il-motivatur ewlieni għas-sostituzzjoni fl-Istati Uniti hija l-pressjoni tal-konsumaturi u kummerċjali, filwaqt li fl-Ewropa l-pressjoni hija iktar minn korpi u politiki regolatorji. "Qegħdin naraw jevolvi konsumatur li huwa kkonċernat dwar is-sustanzi kimiċi fil-prodotti li huwa jixtri," jgħid u jkompli t-Tabib Tickner: "B'konsegwenza, bejjiegħa bl-imnut u ditti qegħdin jitolbu prodotti iktar sikuri mingħand il-fornituri."

Madankollu, meta kumpanija Amerikana tkun qiegħda tikkunsidra s-sostituzzjoni, korpi tal-gvern ġeneralment ikollhom rwol iktar involut, partikolarment fil-Massachusetts fejn il-valutazzjoni tal-alternattivi hija obbligatorja għal manifatturi li jużaw sustanzi kimiċi tossiċi. "Dawk li jikkompletaw il-pjanijiet għat-tnaqqis tal-użu tas-sustanzi tossiċi jridu jsegwu kors ta' 48 siegħa li jgħin jiżgura l-kwalità tal-valutazzjonijiet. Naħdmu mill-qrib ħafna wkoll mal-industrija fuq il-fażi tal-implimentazzjoni biex niżguraw li s-sostituzzjoni sseħħ fil-verità u li t-tnaqqis tossiku jkun reali. Niffukaw ukoll aktar fuq il-proċess, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni, filwaqt li l-approċċ tal-UE jiffoka aktar fuq l-eżitu," jipparaguna t-Tabib Tickner.

Il-metodu li bih l-Istati Uniti twettaq valutazzjonijiet alternattivi huwa iktar dwar il-karatteristiċi perikolużi tas-sustanzi, u kif jiġu evitati dawk f'sostituti, u inqas dwar l-esponiment u r-riskju bħal fl-Ewropa.


L-għajnuniet tat-Tabib Tickner għal kumpaniji li qegħdin jikkunsidraw is-sostituzzjoni

Li timxi lejn sustanzi kimiċi iktar sikuri jinvolvi sħubiji u kollaborazzjoni fi ħdan il-katina tal-provvista tiegħek u fis-settur tiegħek. Identifika l-ostakli u tgħallem l-aħjar prattika mis-settur tiegħek kif ukoll minn setturi oħrajn.

Iffoka fuq l-applikazzjoni biex tidentifika fejn ikun hemm kollaborazzjoni potenzjali pre-kompetittiva għad-disinn, l-ittestjar u l-adattament ta' alternattiva għal sustanza kimika ta' tħassib.

Aqra intervista mat-Tabib Tickner fil-bullettin tagħna.