Ittestja, implimenta u tejjeb

Wara l-għażla tal-alternattiva l-aktar promettenti, probabbilment se jkollok bżonn twettaq serje iterattiva ta’ passi li jinvolvu l-ittestjar pilota, l-implimentazzjoni ta’ alternattivi, u t-titjib kontinwu tal-proċess u l-prodott tiegħek.

  1. Ittestja. Ladarba tkun għażilt l-alternattiva ppreferuta tiegħek abbażi tal-valutazzjonijiet deskritti fit-taqsima preċedenti, agħmel test pilota. L-ittestjar pilota fuq skala żgħira jista’ jixħet dawl fuq il-firxa sħiħa tal-proċess, il-bidliet tal-prodotti u dawk organizzazzjonali meħtieġa fl-adozzjoni fuq skala sħiħa tal-alternattiva. Identifika bir-reqqa l-bidliet l-oħra kollha li jistgħu jseħħu meta jiġi implimentat proġett ta’ sostituzzjoni b’kapaċità sħiħa (eż. impatti fuq il-katina tal-provvista).
  2. Implimenta. Ladarba jkun tnieda test pilota u dan ikun ġie ffinalizzat b’suċċess, tista’ tibda timplimenta l-alternattiva b’mod sħiħ. Oħloq pjan dettaljat ta’ implimentazzjoni, li jiddeskrivi serje ta’ azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni mingħajr xkiel tas-sostituzzjoni.
  3. Tejjeb. Iġbor il-feedback mill-partijiet ikkonċernati kollha li huma affettwati direttament mill-adozzjoni tal-alternattiva u l-bidliet li ġabet magħha (eż. il-ħaddiema u l-klijenti tiegħek). Agħmel it-titjib kontinwu meħtieġ fuq il-bażi tal-feedback li rċevejt.

Minn perspettiva aktar fit-tul, agħmel ċert li għandek sistema ta’ ġestjoni tas-sustanzi kimiċi tajba stabbilita fil-kumpanija tiegħek biex tivvaluta b’mod kostanti l-użu tas-sustanzi kimiċi tiegħek u kkunsidra li tissostitwihom fejn meħtieġ.