Sessjonijiet ta’ ħidma dwar il-katina ta’ provvista

Is-sostituzzjoni hija sfida diffiċli — bosta rekwiżiti ta’ prestazzjoni u ekonomiċi jridu jiġu ssodisfati, il-profili tal-periklu u tar-riskju tal-alternattivi għandhom jinftiehmu sew, u tista’ tkun meħtieġa valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tas-sostituzzjoni maħsuba. Il-kumpaniji ma jistgħux jagħmlu dan waħedhom: għandhom bżonn jitkellmu mal-klijenti u l-fornituri tagħhom. Dan jagħmel il-kollaborazzjoni fil-katina tal-provvista xprunatur ewlieni fl-iżvilupp u fl-adozzjoni ta’ alternattivi aktar sikuri.

L-ECHA pproponiet li l-Istati Membri u l-partijiet interessati jorganizzaw sessjonijiet ta’ ħidma biex jidentifikaw kif jistgħu jegħlbu sfidi speċifiċi ta’ sostituzzjoni, billi jinvolvu wkoll fil-katina tal-provvista lill-kumpaniji interessati fl-identifikazzjoni ta’ alternattivi aktar sikuri li jistgħu jissodisfaw rekwiżit partikolari ta’ funzjoni u użu finali.

Is-sessjonijiet ta’ ħidma jkunu opportunitajiet għall-parteċipanti biex jitgħallmu dwar il-ħtiġijiet teknoloġiċi u funzjonali għall-bini tal-kapaċità u t-taħriġ fil-livell operattiv tal-kumpaniji. 

Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma normalment isiru fil-lingwa nazzjonali tal-Istat Membru, jew inkella bl-Ingliż fuq skala Ewropea.

Is-sessjonijiet ta’ ħidma għandhom:

  • jibdew djalogu fost l-atturi kkonċernati varji fil-katina tal-provvista dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tas-sostituzzjoni, u 
  • jwasslu għal proġetti ta’ innovazzjoni konkreti u każijiet ta' kollaborazzjoni bil-għan li jkun hemm sostituzzjoni b’alternattivi aktar sikuri. 

L-ECHA tista’ tgħin fit-tħejjija tal-programm ta’ sessjoni ta’ ħidma, tikkondividi l-esperjenzi tagħha stess ta’ sessjonijiet ta’ ħidma preċedenti, ixxerred il-konklużjonijiet u tipprovdi appoġġ addizzjonali ieħor.

Ara hawn taħt l-eżempju ta’ struttura ta’ sessjoni ta’ ħidma dwar sostituzzjoni tal-katina tal-provvista.

Tixtieq torganizza jew tikkoorganizza sessjoni ta’ ħidma dwar sostituzzjoni għall-atturi fil-katina tal-provvista, dwar sustanzi u funzjonalitajiet speċifiċi? Ikkuntattjana fuq substitution (at) echa.europa.eu