Verifika tal-SME

Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u trattament ugwali għar-reġistranti fir-rigward tal-pagamenti ta' tariffi, l-ECHA għandha r-responsabbiltà li tikkontrolla l-kategorija tad-daqs tal-kumpaniji li jsostnu li huma eliġibbli għat-tnaqqis mit-tariffi tal-SME.

Jekk tindika f'REACH-IT li l-kumpanija tiegħek hija mikro, żgħira jew ta' daqs medju u għaldaqstant issostni li tkun intitolat għat-tnaqqis mit-tariffi tal-SME, l-ECHA, fi kwalunkwe ħin, tista' twettaq il-verifika tal-SME tal-kumpanija tiegħek.

Dikjarazzjoni ħażina tad-daqs tal-kumpanija tiegħek jista' jkollha konsegwenzi serji. Ikkonsulta t-taqsima 'Kif tiddetermina l-kategorija tad-daqs tal-kumpanija' u jekk tirrealizza li ddikjarajt daqs tal-kumpanija ħażin mur fit-taqsima 'X'għandek tagħmel jekk indikajt b'mod skorrett il-kategorija tad-daqs tal-SME'.

Matul il-proċedura ta' verifika tal-SME se tintalab tipprovdi l-evidenza dokumentata li tappoġġa l-kategorija tad-daqs iddikjarata. Fil-każ li d-dokumenti pprovduti la jkunu biżżejjed biex tiġi ddeterminata l-kategorija tad-daqs tal-kumpanija kkonċernata u lanqas ma jappoġġaw il-kategorija tad-daqs iddikjarata tal-kumpanija kkonċernata, l-ECHA tikkomunika dan f'deċiżjoni u toħroġ fatturi supplimentari rilevanti.

F'każ li l-fattura għall-bilanċ għat-tariffa ta' reġistrazzjoni applikabbli ma titħallasx qabel l-iskadenzi, dan iwassal għar-revoka tad-deċiżjoni ta' reġistrazzjoni oriġinali li tassenja numru ta' reġistrazzjoni. L-użu tan-numru ta' reġistrazzjoni assenjat fil-bidu ma jibqax permess.

Aktar informazzjoni ddettaljata dwar il-proċedura hija pprovduta fit-taqsimiet ta' hawn taħt.

 

Evidenza dokumentata mitluba
  1. Evidenza dokumentata* li turi l-istruttura tas-sjieda fid-data tas-sottomissjoni (reġistrazzjoni, aġġornament tar-reġistrazzjoni, notifika eċċ.) f'REACH-IT tal-intrapriża li tinkludi s-sħab diretti u indiretti u l-intrapriżi marbuta kollha, 'il fuq jew 'l isfel, filwaqt li jitqies kull sehem, dritt tal-vot jew eżerċizzju ta' influwenza ieħor rilevanti biex jiġu ddeterminati rbit/sħubijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

    *Bħala evidenza dokumentata li turi l-azzjonisti ta' kumpanija, xi wħud minn dawn li ġejjin jistgħu jiġu eżaminati inklużi l-aħħar emendi bit-tqassim tal-ishma: Silta mir-reġistru kummerċjali, Statut ta' assoċjazzjoni, Dokumenti ta' inkorporazzjoni, Memorandum ta' assoċjazzjoni, ktieb tal-azzjonisti tal-kumpanija, eċċ.

  2. Kopji tas-sett sħiħ tal-kontijiet finanzjarji uffiċjali (ivverifikati jekk applikabbli) flimkien man-noti ta’ akkumpanjament u r-rapporti annwali, jew is-sett sħiħ taʼ dikjarazzjonijiet tat-taxxa annwali għall-aħħar żewġ perjodi kontabilistiċi approvati qabel iż-żmien ta’ kull sottomissjoni, kif ukoll dawk ta’ kwalunkwe sieħeb u/jew intrapriża relatata, f'konformità mal-Artikoli 3, 4 u 6 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

  3. Ċertifikat/informazzjoni uffiċjali minn Awtorità Uffiċjali** li tikkonferma l-għadd tal-persunalli jikkorrispondi għan-numru tal-unitajiet annwali ta' xogħol (AWU), skont l-Artikolu 5 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għal kull wieħed mill-aħħar żewġ perjodi ta' kontabilità approvati ta' qabel iż-żmien ta' kull sottomissjoni. Jekk din l-informazzjoni hija inkluża fir-rapporti annwali jew fin-noti għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati, mintix meħtieġ tippreżenta dawn id-dokumenti.

    **Ċertifikat uffiċjali li jagħti informazzjoni dwar l-għadd tal-persunal tal-kumpanija jista' jinkiseb minn, iżda mhux limitat għal, xi wħud mill-awtoritajiet nazzjonali/lokali li ġejjin: l-uffiċċju tat-taxxa, l-aġenzija tad-dħul, l-uffiċċju tal-assigurazzjoni, l-uffiċċju tax-xogħol, l-uffiċċju tal-istatistika, l-istitut tal-assigurazzjoni tas-saħħa, kumpanija privata tal-assigurazzjoni tas-saħħa eċċ.

Kun żgur li tibgħat id-dokumenti speċifikati fil-punti 1, 2 u 3 ta' hawn fuq għas-sħab diretti u indiretti u l-intrapriżi marbuta kollha, 'il fuq u 'l isfel, filwaqt li jitqies kull sehem, dritt tal-vot jew eżerċizzju ta' influwenza ieħor rilevanti biex jiġu ddeterminati rbit/sħubijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

Nota: Jekk l-intrapriża u/jew kwalunkwe mis-sħab jew intrapriżi marbuta tagħha qed ifasslu kontijiet ikkonsolidati jew huma inklużi permezz ta' konsolidazzjoni fil-kontijiet ta' intrapriża oħra, jekk jogħġbok ibgħat id-dikjarazzjonijiet ikkonsolidati man-noti ta' akkumpanjament għalihom.

Jekk qiegħed taġixxi bħala Rappreżentant Uniku, il-valutazzjoni ta' jekk it-tnaqqis tal-SME japplikax għandha ssir b'referenza għall-għadd tal-persunal, il-bejgħ u l-informazzjoni tal-karta tal-bilanċ tal-manifattur, formulatur ta' tħejjija, jew produttur ta' artiklu mhux tal-Komunità li huwa rrappreżentat, inkluża informazzjoni rilevanti minn kumpaniji marbuta jew sħab tal-manifattur, formulatur ta' tħejjija, jew produttur ta' artiklu mhux tal-Komunità, skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

 

Eżitu tal-verifika

Wara l-analiżi l-ECHA titlob għal aktar dokumentazzjoni jekk ikun meħtieġ. Ladarba tkun ipprovduta d-dokumentazzjoni kompleta, l-ECHA tikkomunikalek l-eżitu.

  • Meta l-intitolament għal tariffi mnaqqsa jiġi kkonfermat, l-ECHA sempliċement tikkomunika r-riżultat tal-verifika u ma toħroġ ebda fattura (imposti ta' żieda jew amministrattivi) supplimentari.
  • Meta l-evidenza dokumentarja tagħti prova li daqs huwa akbar mill-kategorija tad-daqs iddikjarata fiż-żmien tas-sottomissjoni, l-ECHA tibgħat deċiżjoni li tispeċifika l-kategorija tad-daqs identifikata u toħroġ fatturi għall-bilanċ tat-tariffa ta' reġistrazzjoni applikabbli għall-kategorija tad-daqs it-tajba u imposta amministrattiva applikabbli.

Madankollu, meta fil-proċedura ta' verifika tal-SME, ir-reġistrant ma jipprovdix biżżejjed jew ma jipprovdi ebda dokument ta' appoġġ, ir-reġistrant jitqies mhux eliġibbli għat-tnaqqis mit-tariffi tas-SME. B'riżultat ta' dan, l-ECHA tibgħat imposta lir-reġistrant bil-bilanċ għat-tariffa standard u l-imposta amministrattiva għall-intrapriżi (mhux SMEs) kbar.

Skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH u l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tista' tressaq azzjoni għall-analiżi tal-legalità tad-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahrejn mill-wasla tan-notifika tad-deċiżjoni. Tista' ssib links utli għat-testi legali li jirregolaw il-proċedura u aide-mémoire għall-applikazzjonijiet fil-websajt tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. 

 

Fatturi ta' żieda u imposti amministrattivi

Kif spjegat fit-taqsima preċedenti, wara l-proċedura ta' verifika dwar il-kategorija tal-SME ddikjarata, l-ECHA tiġbor il-bilanċ tat-tariffa korrispondenti għall-kategorija tad-daqs tal-kumpanija applikabbli kif ukoll imposta amministrattiva minn kull reġistrant li jsostni b'mod skorrett li jkun intitolat għal tnaqqis mit-tariffa, skont l-Artikolu 13(4) tar- Regolament dwar il-Ħlasijiet (KE) Nru 340/2008. Il-livell tal-imposta fil-bidu ġie definit minn deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija tal-ECHA MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni ta' servizzi, li ġiet emendata mid-deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija MB/21/2012/D u d-Deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija MB/14/2015.

Għaldaqstant, jekk l-evidenza dokumentata li inti tkun ipprovdejt waqt il-proċedura ta' verifika tal-SME ma turix il-kategorija tal-SME ddikjarata fiż-żmien tas-sottomissjoni (reġistrazzjoni, aġġornament tar-reġistrazzjoni, notifika, eċċ.), l-ECHA tibgħatlek imposta bil-bilanċ għat-tariffa applikabbli għall-kategorija tad-daqs it-tajba tal-kumpanija kkonċernata, kif ukoll l-imposta amministrattiva applikabbli.

Jekk fil-proċedura ta' verifika tal-SME, ma tipprovdix biżżejjed jew ma tipprovdi ebda dokument ta' appoġġ, int titqies mhux eliġibbli għat-tnaqqis mit-tariffi tal-SME. B'riżultat ta' dan, l-ECHA tibgħatlek imposta bil-bilanċ għall-miżata standard u l-imposta amministrattiva għall-intrapriżi (mhux SMEs)kbar .

Fl-aħħar nett, jekk inti tirrettifika b'mod korrett id-daqs tal-kumpanija tiegħek wara li tiġi kkuntattjat mill-ECHA, tista' tibbenefika minn tnaqqis ta' 50 % mill-imposta amministrattiva applikabbli taħt ċerti kundizzjonijiet, spjegati fid-dettall fit-taqsima dwar 'X'għandek tagħmel jekk indikajt b'mod skorrett il-kategorija tad-daqs tal-SME'.

Ikkonsulta t-taqsima Spejjeż amministrattivi biex issib l-ispejjeż skont id-daqs tal-kumpanija.

 

Revoka tad-deċiżjonijiet ta' reġistrazzjoni

Ir-reġistranti, li jkunu naqsu milli juru l-intitolament tagħhom għat-tnaqqis iddikjarat mill-miżati tal-SMEs huma meħtieġa jħallsu t-tariffi xierqa, kif ikkomunikat fid-deċiżjoni tal-ECHA li tikkonkludi l-proċedura ta' verifika tal-SME tagħhom u fil-fatturi rilevanti, fi żmien l-iskadenzi stabbiliti.

L-iskadenza tal-pagament inizjali hija indikata fil-fatturi supplimentari maħruġa wara l-verifika tal-SME. Jekk il-pagament ma jasalx, l-iskadenza tiġġedded darba oħra. Jekk ir-reġistrant ma jħallasx l-ammont sħiħ sal-iskadenza estiża, l-ECHA tirrevoka d-deċiżjoni li biha, preċedentement, tkun aċċettat ir-reġistrazzjoni. L-użu tan-numru ta' reġistrazzjoni għaldaqstant ma jibqax permess u n-numru jsir inattiv fid-database tal-ECHA. Barra minn hekk, kwalunkwe parti tat-tariffa ta' reġistrazzjoni li tkun diġà tħallset fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-reġistrazzjoni ma tiġix rimborżata. Id-deċiżjoni ta' revoka tiġi kkomunikata lill-kumpanija u l-ECHA tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.

Skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament REACH, ir-reġistranti jistgħu jappellaw kontra d-deċiżjoni ta' revoka lill-Bord tal-Appell tal-ECHA fi żmien tliet xhur mill-wasla tan-notifika ta' din id-deċiżjoni. Il-proċedura għat-tressiq ta' appell hija deskritta fit-taqsima tal-websajt tal-Bord tal-Appell. 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)