Kif tiġi deċiża l-kategorija tad-daqs ta' kumpanija

L-istruzzjonijiet pass wara pass li ġejjin huma maħsuba biex jgħinuk tiddetermina l-kategorija tad-daqs tal-kumpanija skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

L-ewwel pass

L-ewwel pass sabiex tiġi stabbilita d-dejta għad-determinazzjoni tal-kategorija tad-daqs tal-kumpanija huwa li jiġi vvalutat jekk, fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-reġistrazzjoni f'REACH-IT / is-sottomissjoni tad-dokumenti għall-verifika tal-SME skont il-BPR, il-kumpanija kinitx awtonoma, jew jekk għandhomx jiġu kkunsidrati wkoll intrapriżi relatati jew imsieħba, kif definit fl-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

B'mod ġenerali:

  • L-intrapriża tkun awtonoma jekk ma tkunx ikklassifikata bħala intrapriża relatata jew imsieħba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE. Pereżempju, intrapriża tkun awtonoma jekk hija jkollha inqas minn 25% (kapital jew drittijiet tal-vot) fi kwalunkwe kumpanija oħra u jekk ma jkun hemm ebda kumpanija oħra li jkollha aktar minn 25% f'dik l-intrapriża.
  • Intrapriża titqies bħala imsieħba għal intrapriża oħra jekk hija jkollha, jew weħidha jew inkella flimkien ma' intrapriża relatata waħda jew aktar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, mill-inqas 25%, iżda mhux aktar minn 50% f'kumpanija oħra.
  • Intrapriża titqies bħala relatata ma' intrapriża oħra jekk hija jkollha aktar minn 50% tad-drittijiet tal-vot tal-membri f'kumpanija oħra u/jew jekk intrapriża tikkontrolla direttament jew indirettament, jew għandha l-kapaċità li tikkontrolla, l-affarijiet ta' kumpanija oħra.

Kumpanija titqies ukoll bħala li hija relatata jekk tkun teżisti relazzjoni permezz ta' individwu jew grupp ta' individwi li jaġixxu flimkien taħt il-kondizzjoni li l-kumpaniji jkunu involuti (b'mod sħiħ jew parzjalment) fl-istess swieq jew fi ‘swieq viċini' (swieq għal prodotti jew servizzi li jkunu f'pożizzjoni direttament 'il fuq u'l isfel fil-linja tal-bejgħ minn xulxin).

  • Jekk 25% jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-intrapriża jkunu kkontrollati direttament jew indirettament, minn korp pubbliku wieħed jew aktar, l-intrapriża ma tkunx tista' titqies bħala SME.

L-investituri elenkati fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu għall-Anness tar-Rakkomandazzjoni, bħal universitajiet jew awtoritajiet lokali awtonomi, li għandhom l-istatus ta' korp pubbliku skont il-liġi nazzjonali, mhumiex ikkonċernati minn din ir-regola. Huma jista' jkollhom parteċipazzjoni ta' bejn 25%, iżda mhux aktar minn 50%, f'intrapriża, mingħajr ma jitilfu l-istatus tagħhom ta' SME.

Kompli għat-tieni pass