Isem kimiku alternattiv f'taħlitiet

Il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream ibbażati fl-UE li huma mħassba dwar l-iżvelar tal-kompożizzjoni sħiħa ta’ taħlita, fuq it-tikketta jew fl-iskeda tad-data dwar is-sikurezza, jistgħu jitolbu l-użu ta’ isem kimiku alternattiv għal sustanza biex jipproteġu n-natura kunfidenzjali tan-negozju tagħhom, u b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom.

Importanti: Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li taħtar “Rappreżentant Terz” jew “Rappreżentant Uniku” sabiex jippreżenta talba għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv f’taħlita/iet

Talbiet skont is-CLP

Kwalunkwe talba għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv approvata mill-ECHA tkun valida fl-Istati Membri kollha tal-UE. Meta jiġi approvat, l-isem kimiku alternattiv jista’ jintuża fuq it-tikketta u fl-iskeda tad-data dwar is-sikurezza tat-taħlita/iet minflok l-isem tas-sustanza.

Isem kimiku alternattiv jista’ jiġi approvat biss f’dawn il-każijiet:

  • Meta s-sustanza ma jkollhiex limiti Komunitarji ta’ esponiment fuq il-post tax-xogħol.
  • L-użu tal-isem alternattiv jissodisfa l-ħtieġa li tiġi pprovduta biżżejjed informazzjoni biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol u li r-riskji marbuta mal-immaniġġjar tat-taħlita jistgħu jiġu kkontrollati.
  • Is-sustanza hija klassifikata biss f’ċerti klassijiet ta’ periklu (ara 1.4.1 (III), Anness I, ir-Regolament CLP).

It-talbiet għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv skont is-CLP huma soġġetti għal tariffa. B’mod ġenerali, it-tariffa tiddependi fuq id-daqs tal-kumpanija u l-għadd ta’ taħlitiet f’talba.

Referenza legali: Is-CLP, l-Artikolu 24 u l-Anness 1, 1.4.1

Deċiżjonijiet meħuda skont id-Direttiva dwar il-Preparazzjonijiet Perikolużi

Jekk isem alternattiv ikun ġie approvat minn Awtorità Kompetenti qabel l-1 ta’ Ġunju 2015, dan jista’ jintuża fit-taħlitiet speċifikati fl-approvazzjoni anke wara l-1 ta’ Ġunju 2015, sakemm is-sustanza li għaliha jkun ġie approvat l-isem tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 24 u l-Anness I, 1.4.1 tar-Regolament CLP.