Ittikkettar u mballaġġ

Malli jkunu identifikati l-proprjetajiet perikolużi ta’ sustanza jew taħlita, din għandha tiġi kklassifikata kif xieraq.

Il-manifatturi, l-importaturi, l-utenti downstream u d-distributuri, kif ukoll il-produtturi u l-importaturi ta’ ċerti oġġetti speċifiċi, għandhom jikkomunikaw il-perikli identifikati lill-atturi l-oħrajn fil-katina tal-provvista, inklużi l-konsumaturi.

Dan isir bit-tikkettar tas-sustanza jew it-taħlita skont CLP qabel ma titqiegħed fis-suq meta:

  • Is-sustanza jew it-taħlita tkun ikklassifikata bħala perikoluża.
  • It-taħlita jkun fiha sustanza jew sustanzi kklassifikati bħala perikolużi aktar minn ċertu limitu.
  • L-oġġett jkollu propjetajiet splussivi.

CLP jiddefinixxi l-kontenut tat-tikketta u l-organizzazzjoni tad-diversi elementi tat-tikketta. It-tikketta jenħtieġ li titwaħħal sew ma’ wiċċ jew aktar uċuħ tal-imballaġġ u għandha tinkludi dawn li ġejjin:

  • L-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-fornitur
  • Il-kwantità nominali tas-sustanza jew it-taħlita fil-pakketti disponibbli għall-pubbliku ġenerali (sakemm din il-kwantità ma tkunx speċifikata xi mkien ieħor fuq il-pakkett)
  • Identifikaturi tal-prodotti
  • Fejn applikabbli, pittogrammi ta’ periklu, kliem ta’ sinjal, dikjarazzjonijiet ta’ periklu, dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni, u informazzjoni supplimentari meħtieġa minn leġiżlazzjoni oħra.

CLP jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali għat-tikkettar sabiex jiġi żgurat l-użu u l-forniment sikur ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi. Japplikaw ċerti eżenzjonijiet mit-tikkettar, pereżempju għal sustanzi u taħlitiet li jinsabu f’imballaġġ li hu żgħir (normalment inqas minn 125 ml) jew li t-tikkettar tagħhom huwa diffiċli għal raġuni oħra. Eżempji oħra huma elenkati fit-Taqsima 1.3. tal-Anness I għar-Regolament CLP. L-eżenzjonijiet jippermettu li l-fornitur iħalli barra d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu u/jew ta’ prekawzjoni jew il-pittogrammi mill-elementi tat-tikketta normalment meħtieġa skont CLP.

L-imballaġġ ta’ sustanza kimika perikoluża għandu jkun imfassal, magħmul u maqful b’tali mod li l-kontenut tiegħu fl-ebda ħin ma jkun jista’ joħroġ. Għalhekk il-materjali li jiffurmaw l-imballaġġ għandhom ikunu b’saħħithom u solidi u reżistenti għal ħsara mill-kontenut. Il-mezzi tal-qfil li jistgħu jiġu sostitwiti għandhom jippermettu li l-imballaġġ ikun jista’ jinqafel mill-ġdid ripetutament mingħajr ma joħroġ minnu l-kontenut.

L-imballaġġ taʼ sustanza kimika li hi fornuta lill-pubbliku ġenerali m'għandux jiġbed jew iqajjem il-kurżità tat-tfal jew iqarraq bil-konsumaturi. L-imballaġġ m’għandux ikollu preżentazzjoni jew disinn simili għal dawk użati għall-prodotti tal-ikel jew għalf tal-annimali jew prodotti mediċinali jew kożmetiċi.

Qfil li diffiċli jinfetaħ mit-tfal u twissijiet li jintmissu

Qfil li diffiċli jinfetaħ mit-tfal u/jew twissijiet dwar il-periklu li jintmissu għandhom jintużaw meta s-sustanzi jew taħlitiet ikunu fornuti lill-pubbliku ġenerali u jkunu ta’ ċertu periklu jew meta l-prodott ikun fih il-metanol jew id-diklorometan. Deskrizzjoni ġenerali tad-diversi perikli li jagħtu lok għal dan l-obbligu hija disponibbli fil-paġna “Sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ tikkettar u imballaġġ”, li link għaliha tinsab ukoll f’din il-paġna.

Għal gwida dettaljata dwar rekwiżiti ta’ tikkettar u imballaġġ inti rrakkomandat taqra l-Gwida dwar it-Tikkettar u l-Imballaġġ skont ir-Regolament CLP

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)