Inventarju C&L

 

X'inhu l-Inventarju tal-Klassifikazzjoni & l-Ittikkettar?

Din il-bażi ta' data tikkontjeni informazzjoni ta' klassifikazzjoni u ttikkettar dwar sustanzi notifikati u rreġistrati riċevuti minn manifatturi u importaturi. Tinkludi wkoll il-lista ta' klassifikazzjonijiet armonizzati (Tabelli 3.1 u 3.2 tal-Anness VI mar-Regolament CLP) u l-ismijiet ta' sustanzi armonizzati, tradotti fil-lingwi kollha tal-UE. 

Kumpaniji pprovdew din l-informazzjoni fin-notifikazzjonijiet jew fid-dossiers tar-reġistrazzjoni C&L tagħhom. L-ECHA tieħu ħsieb l-Inventarju, iżda ma tirrevedix jew tivverifika kemm hi preċiża l-informazzjoni.

L-għadd ta' notifikazzjonijiet u sustanzi fil-bażi ta' data jiżdied matul iż-żmien hekk kif il-kumpaniji jippreżentaw aktar notifikazzjonijiet u dossiers tar-reġistrazzjoni C&L. Infatti, id-data fl-inventarju pubbliku nnifsu tiġi riveduta fuq bażi regolari.

It-titjib kontinwu tal-informazzjoni maħżuna jeħtieġ sforz konġunt mill-partijiet kollha involuti. In-notifikaturi huma mħeġġa jivverifikaw il-klassifikazzjonijiet għas-sustanzi tagħhom fl-Inventarju u jaġġornaw in-notifiki tagħhom jekk ikun meħtieġ.

 

 

Informazzjoni fl-Inventarju

L-informazzjoni li ġejja hija ppubblikata skont CLP (l-Artikolu 42):

  • l-isem fin-Nomenklatura IUPAC għal sustanzi kklassifikati b'ċerti klassijiet jew kategoriji ta' perikolu stabbiliti fl-Artikolu 119(1)(a), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 119(2)(f) u (g) ta' REACH 
  • l-isem tas-sustanza kif mogħti fl-EINECS, jekk applikabbli, u identifikaturi numeriċi oħrajn kif xieraq u disponibbli
  • il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanza

In-notifikazzjonijiet kollha għal kwalunkwe sustanza ppubblikata huma inklużi fl-Inventarju.  Dan jinkludi notifikazzjonjiet għal sustanzi mhux ikklassifikati.

Kif tfittex fl-Inventarju

Imla l-kriterji ta' tfittxija tiegħek u aqra u aqbel mar-rinunzja legali biex twettaq tfittxija. Ara t-tabella tar-riżultati u kklikkja fuq l-ikona fil-kolonna 'View' [Ara] biex tara s-sommarju tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar għal sustanza.

Il-paġna tas-sommarju għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar turi l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati skont il-kriterji CLP jekk sustanza jkollha C&L armonizzat.

In-notifikazzjonijiet riċevuti minn preżentazzjoni konġunta fil-proċess ta' reġistrazzjoni REACH huma wkoll senjalati kif meħtieġ.

In-notifikazzjonijiet kollha għall-istess sustanza huma raggruppati fuq il-bażi tal-identifikaturi numeriċi tagħhom, u jidhru flimkien.

Notifikazzjonijiet identiċi għall-istess sustanza jingħaqdu u l-għadd ta' notifikaturi jiġi indikat. Jista' jkun hemm diversi klassifikazzjonijiet għall-istess sustanza minħabba, pereżempju, il-kompożizzjoni, forma jew stat fiżiku differenti tas-sustanza mqiegħda fis-suq.

Tista' tikklikkja fuq l-ikona tal-informazzjoni biex tara spjegazzjoni tal-kamp tad-data ħdejha.