Erba' stadji għall-identifikazzjoni b'suċċess ta' sustanza

L-ECHA żviluppat approċċ ta’ erba’ stadji lejn l-identifikazzjoni b’suċċess ta’ sustanzi. Billi ssegwi dawn l-istadji u l-pariri tagħna, dan se jgħinek biex tkun tista’ twettaq tajjeb l-identifikazzjoni ta’ sustanzi tiegħek.

 

1. Analizza s-sustanza tiegħek
  1. L-ewwel, jeħtieġ li tiddeċiedi jekk diġà għandekx id-data analitika meħtieġa biex tidentifika s-sustanza tiegħek għal skopijiet ta’ REACH. F’każ li m’intix il-manifattur, tista’ titlob din l-informazzjoni mill-fornitur tiegħek. Jekk għandek id-data analitika meħtieġa, jenħtieġ li tmur għall-istadju 1d, jew inkella tmur għall-istadju 1b.
  2. Agħżel kampjun li jirrappreżenta s-sustanza tiegħek jew diversi kampjuni minn lottijiet differenti jew punti ta’ żmien differenti fil-produzzjoni. Jekk inti importatur ta’ taħlitiet, tista’ tkun teħtieġ li titlob lill-fornitur tiegħek għal kampjuni ta’ sustanzi użati fit-taħlita.
  3. Jekk tibni strateġija analitika tajba mill-bidu tiggwadanja ż-żmien u l-flus. F’dan il-punt, jenħtieġ li tikkunsidra jekk għandekx il-kapaċitajiet funzjonali u ta’ għarfien meħtieġa internament. Jekk le, jenħtieġ li tfittex fornitur ta’ servizz jew laboratorju li huwa familjari mal-produzzjoni tal-analiżi għall-iskop ta’ REACH. Innota li l-analiżi tal-identifikazzjoni ta' sustanzi m’hemmx għalfejn issir skont il-Prattika Tajba tal-Laboratorju (GLP).
  4. Tagħżel x’tagħżel, ir-riżultat jenħtieġ li jkun l-istess: sett ta’ studji analitiċi/informazzjoni analitika li jidentifika s-sustanza tiegħek b’mod sħiħ. L-ispettra, il-kromatogrammi u informazzjoni analitika oħra jenħtieġ li jkunu ta’ kwalità tajba u li jiġu interpretati b’mod sħiħ.
  5. F’każ li jkun hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew sfidi tekniċi biex twettaq l-analiżi, ipprepara ġustifikazzjoni xjentifika robusta u applika tekniki alternattivi. Għal darb’oħra input espert jista’ jkun utli.
  6. It-test legali jispeċifika li spettroskopija ultravjola (UV), infraħamra (IR) u ta’ riżonanza manjetika nukleari (NMR) jew spettrometrija tal-massa (MS) jitwettqu flimkien ma’ jew kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja (HPLC) jew kromatografija b’fażi gassuża (GC). Għal sustanzi inorganiċi, spettrometrija ta’ diffrazzjoni tar-raġġi X (XRD) u spettroskopija tal-assorbiment atomiku (AAS) jistgħu jkunu alternattivi meħtieġa. Dawn it-tekniki jeħtieġu għarfien speċjalizzat sabiex jitwettqu u jiġu interpretati l-eżiti tagħhom.

 

2. Iddeskrivi fid-dettall il-kompożizzjoni tas-sustanza tiegħek
  1. Issa l-analiżi għandha tagħtik stampa kompleta tal-kompożizzjoni tas-sustanza tiegħek.
  2. Analiżi ta’ kampjun wieħed ma tikkunsidrax il-varjazzjonijiet ibbażati fuq is-sors (eż. materjali tal-bidu) u l-proċess ta’ manifattura. Dawn il-varjazzjonijiet huma koperti minn meded fil-konċentrazzjoni li jistgħu jkunu parti miċ-Ċertifikat ta’ Analiżi (CoA) jew mill-ispeċifikazzjoni tal-kontroll tal-kwalità.
  3. Għal sustanza tipika ddefinita tajjeb jenħtieġ li jkollok kompożizzjoni li tidher xi ħaġa hekk: 

     

    Isem Konċentrazzjoni tipika % Medda ta’ konċentrazzjoni %
    Kostitwent A 90 85 – 96 
    Kostitwent (impurità) B 6 4-7
    Kostitwent (impurità) Ċ 2 0-3
    Kostitwent (impurità) D 2 0-3

 

3. Semmi s-sustanza
  1. Abbażi tal-kompożizzjoni teħtieġ li tasal għal identifikazzjoni globali - isem tas-sustanza.
  2. Jeżistu regoli differenti skont il-kumplessità tas-sustanza tiegħek. Dawn jistgħu jinsabu fil-“Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta’ ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP”. Jaf tkun trid titlob għajnuna esperta fir-rigward tal-għoti ta’ isem lis-sustanza tiegħek jekk ma tkunx ċert.

 

4. Attribwixxi identifikatur numeriku
  1. Fittex fis-sit web tal-ECHA billi tuża l-għodda “Search for Chemicals” [Fittex Sustanzi Kimiċi] fil-paġna Informazzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi biex issib jekk diġà jeżistix numru EC jew tal-Lista għas-sustanza tiegħek.
  2. Huwa komuni iżda mhux meħtieġ li l-isem tas-sustanza kimika jkun marbut ma’ numru tal-inventarju, bħan-numru EINECS jew CAS. Ħafna drabi dan in-numru sejjer ikun preżenti fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (SDS) jew fiċ-ċertifikat ta’ analiżi (CoA). Jaf tkun trid tikseb għajnuna esperta biex tidentifika jekk jeżistix numru tal-inventarju għas-sustanza tiegħek.

Ladarba jkollok din l-informazzjoni teħtieġ tittraduċiha fil-format elettroniku ta’ dossier IUCLID.

Għal reġistrazzjoni ta’ REACH, kompożizzjoni ta’ konfini għandha tiġi inkluża fid-dossier ippreżentat mir-reġistrant prinċipali. Il-kompożizzjoni ta’ konfini tirrifletti l-kompożizzjonijiet tal-membri kollha tal-preżentazzjoni konġunta.