Kif tibdel l-identifikatur tas-sustanza tiegħek

L-ECHA tipprovdi servizz li jibdel l-identifikaturi kimiċi tas-sustanza reġistrata tiegħek.

Tista’ titlob lill-ECHA biex tibdel l-identifikaturi ewlenin tar-reġistrazzjoni tiegħek, pereżempju n-numru EC, jekk is-sustanza ġiet identifikata b’mod mhux korrett. Wara li tibdel l-identifikaturi kimiċi, id-drittijiet tiegħek biex timmanifattura u timporta ma jiġux affettwati.

Tista’ titlob il-bidla permezz ta’ formola web. Jekk il-bidla tikkonċerna u taffettwa reġistrazzjoni konġunta, ir-reġistrant prinċipali se jkun meħtieġ jehmeż mal-formola web “Pjan konġunt ta’ sottomissjoni” li jkopri l-ftehimiet tal-koreġistranti kollha dwar l-adattament tal-identifikatur tas-sustanza.

Wara li tiġi rċevuta t-talba tas-servizz, l-ECHA tivverifika jekk din tistax tiġi proċessata. Jekk l-Aġenzija tqis li s-servizz jista’ jiġi pprovdut, din toħroġ tariffa għas-servizz lil kull reġistrant li tiddependi fuq l-ammont ta’ xogħol antiċipat.

L-ECHA mhix se tivverifika l-konformità tad-dossiers ta’ reġistrazzjoni mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-identità tas-sustanza skont REACH bħala parti minn dan is-servizz. Fil-prattika, dan ifisser li jekk ir-reġistrazzjonijiet tiegħek jintgħażlu għal kontroll tal-konformità wara li tibdel l-identifikaturi kimiċi, dawn jistgħu jinstabu li ma jkunux konformi fir-rigward tal-identità tas-sustanza.

It-tariffa minima hi ta’ EUR 300 (EUR 600 mill-1 ta’ Novembru 2021) għal kull reġistrant li jeħtieġ il-korrezzjoni ta’ identifikatur ta’ sustanza. L-iskala tat-tariffa hi definita f’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA. Id-data ta’ skadenza għall-ħlas tal-fattura hija ta’ 30 jum. Inti tiġi infurmat ukoll jekk it-talba ma tistax tiġi proċessata.

Ladarba l-ECHA tirċievi l-ħlas, din taġġorna l-informazzjoni tal-identifikatur f’REACH-IT. Ir-reġistrant prinċipali u l-koreġistranti jiġu infurmati meta dan kollu jiġi proċessat permezz ta’ REACH-IT u jingħataw skadenza raġonevoli sa meta għandha titressaq reġistrazzjoni aġġornata bl-identifikaturi korretti.

 

Related news