Manifattur

Il-manifattura u l-ġestjoni sigura tas-sustanzi kimiċi teħtieġ informazzjoni u għarfien dwar il-karatteristiċi, il-perikoli, l-użijiet u r-riskji possibbli. Ir-responsabbiltà tiegħek hi li tipprovdi din l-informazzjoni u li tagħti pariri lill-klijenti tiegħek dwar kif jużaw is-sustanzi kimiċi tiegħek b'mod sigur.

Inti manifattur jekk:

  • Bħala individwu jew kumpanija inti bbażat fiż-ŻEE, u
  • Inti tipproduċi jew tagħmel estrazzjoni ta' sustanza kimika

Mintix manifattur taħt REACH jekk sempliċiment tamalgama sustanzi f'taħlitiet jew tuża sustanzi kimiċi biex tipproduċi oġġetti. F'dak il-każ inti utent downstream

 

X'għandi nagħmel?

 

Tikseb aċċess għas-suq

Qiegħed tippjana li timmanifattura sustanza għall-ewwel darba?

Hija perikoluża?

Qabel ma tibda timmanifattura, jeħtieġ li tkun taf jekk hemmx bżonn li tirreġistra s-sustanza u tikklassifika kull sustanza perikoluża li tqiegħed fis-suq.

 

Għandek tirreġistra sustanza?

Jekk għandek l-intenzjoni li timmanifattura tunnellata metrika waħda jew iktar ta' sustanza fis-sena, jeħtieġ li tirreġistraha mal-ECHA. Dan ifisser li tipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-perikoli tas-sustanza, inkluż kif tista' tintuża b'mod sigur.

Jekk inti ma tirreġistrax is-sustanza tiegħek, ikun illegali li timmanifatturaha u/jew tqiegħdha fis-suq. Teżisti regola bażika: ebda data, ebda suq.

L-ammont ta' informazzjoni meħtieġa tiddependi mit-tunnellaġġ tal-produzzjoni u mill-perikoli assoċjati mas-sustanza tiegħek. Iktar ma jkun baxx it-tunnellaġġ u inqas ma tkun perikoluża s-sustanza kimika, inqas l-informazzjoni li teħtieġ li tagħti.

L-iskop tal-informazzjoni hu li tiżgura li s-sustanza tiegħek tintuża b'mod sigur. Jeħtieġ li żżomm l-informazzjoni aġġornata, u tipprovdiha meta meħtieġa lill-klijenti tiegħek fi skeda ta' data ta' sigurtà u, għas-sustanzi l-iktar perikolużi, wkoll lill-klijenti.

Ir-reġistrazzjoni ssir b'mod konġunt mal-manifatturi, l-importaturi jew ir-Rappreżentanti Uniċi l-oħra tal-istess sustanza. Int meħtieġ ukoll tikkondividi d-data meħtieġa għar-reġistrazzjoni magħhom.

 

Inti timmanifattura sustanza perikoluża jew regolata?

Qabel ma tqiegħed sustanza fis-suq, għandek tistabbilixxi jekk hijiex perikoluża billi tapplika l-kriterji tal-klassifikazzjoni stabbiliti fir-Regolament CLP. Il-klassifikazzjoni hija meħtieġa għal kull sustanza irrispettivament mill-kwantità li fiha hi fornita. 

a. Il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ huma obbligatorji għas-sustanzi perikolużi kollha

Il-klassifikazzjoni ta' sustanza bħala perikoluża tirriżulta f'rekwiżiti speċifiċi ta' ttikkettar u imballaġġ. Għandek tinnotifika lill-ECHA bil-klassifikazzjoni u bl-ittikkettar fi żmien xahar mit-tqegħid fis-suq tal-prodott perikoluż. Għandek tipprovdi l-informazzjoni rilevanti fl-iskeda ta' data ta' sigurtà u tuża tikketti perikolużi biex tikkomunika r-riskji u tiżgura t-trattament sigur mill-klijenti tiegħek.

b. Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna

REACH jistabbilixxi l-kriterji biex tidentifika sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs) għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Is-sustanzi li jissodisfaw dawn il-kriterji qegħdin jiġu identifikati il-ħin kollu. Is-sustanzi huma inklużi fil-Lista tal-Kandidati għall-Awtorizzazzjoni, li tiħi aġġornata kull sena f'Ġunju u f'Diċembru, u ppubblikata fuq is-sit web tal-ECHA.

Dan huwa l-ewwel pass fil-proċedura ta' awtorizzazzjoni REACH li għandha l-għan li tikkontrolla r-riskji mis-sustanzi l-iktar perikolużi fis-suq taż-ŻEE u fl-aħħar mill-aħħar tissostitwixxihom b'alternattivi vijabbli iktar siguri.

Deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex tqiegħed sustanza fil-Lista tal-Kandidati tirriżulta f'obbligi legali addizzjonali għalik bħala manifattur biex tikkomunika informazzjoni dwar l-użu sigur tas-sustanza lill-klijenti tiegħek.

Tista' tkompli tforni s-sustanza, iżda jkollok tagħmel monitoraġġ jekk din tintagħżel u tkun inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni. Dan jista' jkun biss kwistjoni ta' żmien u inti tista' tagħżel li tiggwadanja vantaġġ kummerċjali billi tersaq lil hinn minn sustanza ta' tħassib serju ħafna għal alternattiva iktar sigura.

c. Sustanzi ta' tħassib serju ħafna li jeħtieġu awtorizzazzjoni.

Sustanzi ta' tħassib serju ħafna, li jimxu mil-Lista tal-Kandidati għal dik tal-Awtorizzazzjoni, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq taż-ŻEE biex jintużaw wara "data ta' terminazzjoni" partikolari, sakemm:

  • Il-kumpanija tiegħek jew l-utent downstream immedjat tiegħek ma jingħatax awtorizzazzjoni għal użu speċifiku tas-sustanza 
  • Ma tkunx tapplika eżenzjoni totali jew parzjali, pereżempju, jekk inti tuża s-sustanza għal riċerka u żvilupp xjentifiku

Ma tkunx meħtieġa awtorizzazzjoni irrispettivament mill-ammont tas-sustanza użat.

Jekk is-sustanza tiegħek tkun inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni u ma tkun tapplika ebda eżenzjoni, inti jkollok tagħżel jekk:

  • Tieqafx tqiegħdha fis-suq, jew
  • Tapplikax għal awtorizzazzjoni, jew
  • Tinvestigax il-possibbiltà li tkun kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija lill-utenti downstream immedjtati tiegħek

Jekk tapplikax għal awtorizzazzjoni jew le hija deċiżjoni kummerċjali, ibbażata fuq kemm hija kritika s-sustanza, jekk huwiex possibbli li tkun sostitwita b'sustanzi jew teknoloġiji ta' alternattivi iktar siguri, l-ispejjeż tal-applikazzjoni u l-benefiċċji u r-riskji minn użu kontinwu.

d. Sustanzi taħt restrizzjoni

Sustanzi li huma ta' riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent huma ristretti. Dan jista' jfisser:

  • Projbizzjoni totali
  • Restrizzjoni ta' tqegħid fis-suq u użijiet speċifiċi, jew
  • Limitazzjoni tal-livelli ta' konċentrazzjoni ta' sustanza f'taħlitiet jew f'oġġetti

Eżempji jinkludu l-projbizzjoni fuq l-asbestos u r-restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' komposti tal-fenilmerkurju, applikati għal kisi, adeżivi, siġillanti u elastomeri

Għandek tikkonforma mar-restrizzjonijiet. Teħtieġ li tkun konxju minn xi restrizzjonijiet u żżomm taħt monitoraġġ dawk ġodda li jirrigwardaw is-sustanzi li inti timmanifattura. L-ECHA tippubblika l-informazzjoni u tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar restrizzjoni.