Granuli u mulches fuq grawnds u playgrounds

Għal ħafna snin, plejers tal-isports kienu jużaw grawnds tajbin f’kull tip ta’ temp għal futbol, sports Gaeliku, ragbi, lakross u sports ieħor. F'dawn l-uċuħ għal-logħob artifiċjali spiss jintużaw granuli tal-gomma bħala mili biex jagħmlu l-grawnds aktar durabbli, u reżistenti għat-temp u biex jiżdiedu l-assorbiment tax-xokkijiet u t-trazzjoni.

L-uċuħ tal-playgounds ukoll ta’ spiss jużaw mulches sfużi tal-gomma taħt bandli, slajds u tagħmir ieħor tal-playgounds biex itaffu l-impatt fl-art f’każ li jaqgħu xi tfal.

Il-granuli u l-mulches huma normalment magħmula minn skrepp ta’ tajers li ma għadhomx jintużaw (ELTs) li jinqasmu u jitfarrku f’biċċiet iżgħar.

Il-granuli u l-mulches jista’ jkun fihom numru ta’ sustanzi potenzjalment perikolużi inklużi idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), metalli, u ftalati, u jistgħu jerħu wkoll idrokarburi organiċi volatili (VOCs) u idrokarburi organiċi semi-volatili (SVOCs). Il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi perikolużi wasslet għal tħassib dwar is-sigurtà ta’ grawnds u playgrounds artifiċjali tal-isports. 

X’inhu r-riskju għas-saħħa?

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-ECHA biex tevalwa jekk il-preżenza ta’ sustanzi bħal dawn fi granuli tal-gomma riċiklati fi grawnds sintetiċi tistax tkun ta’ riskju għas-saħħa għall-popolazzjoni inġenerali, inkluż tfal, plejers professjonali u ħaddiema li jinstallaw jew jagħmlu manutenzjoni tal-grawnds. Dan kien xprunat minn indikazzjonijiet ta’ żieda fir-riskju tal-kanċer għat-tfal li jilagħbu f’dawn il-grawnds, li fl-aħħar snin dehru fil-midja ta’ ħafna Stati Membri tal-UE.

L-ECHA evalwat ir-riskji għas-saħħa filwaqt li rat l-espożizzjoni permezz ta’ kuntatt mal-ġilda, inġestjoni u man-nifs. Is-sejbiet ġew ippubblikati fi Frar 2017, bl-ECHA tikkonkludi li kien hemm, l-aktar, livell baxx ħafna ta’ tħassib minn espożizzjoni għall-granuli.

Ir-riskju ta’ kanċer wara ħajja ta’ espożizzjoni għall-granuli tal-gomma kien meqjus bħala wieħed baxx ħafna, meta jitqiesu l-konċentrazzjonijiet ta’ PAHs imkejla fil-grawnds tal-isports Ewropej fejn ittieħdu l-kampjuni. Il-konċentrazzjonijiet kienu jidhru li huma ferm iktar baxxi mil-limiti legali applikabbli.

Il-livell ta’ tħassib dwar il-preżenza ta’ metalli tqal kien ikkunsidrat negliġibbli, peress li l-livelli huma l-limiti attwalment permessi f’ġugarelli fl-UE.

Ma kien hemm ukoll l-ebda tħassib identifikat fir-rigward tal-livelli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ ftalati, benżotiażol u metil isobutil keton peress li kienu wkoll taħt il-livelli li jwassal għal problemi ta’ saħħa.

Ir-rapport, madankollu nnota li, fejn il-granuli tal-gomma ntużaw ġewwa, il-komposti organiċi volatili li joħorġu jistgħu jwasslu għal livell ogħla ta’ irritazzjoni tal-ġilda u tal-għajnejn.

Għalfejn hemm ħtieġa ta’ aktar investigazzjoni?

Ir-rapport enfasizza xi inċertezzi li jitolbu aktar investigazzjoni. Pereżempju, kien hemm tħassib dwar kemm huma rappreżentattivi l-istudji li saru għall-Ewropa kollha (meta jitqies li l-kampjuni ma ttieħdux mill-Istati Membri kollha)

Bħala tali, l-ECHA ssuġġeriet numru ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jikkontrobattu dawn l-inċertezzi u biex jrriflettu prattiċi tajbin:

  • Tiġi kkunsidrata restrizzjoni skont ir-Regolament REACH biex il-granuli tal-gomma jiġu fornuti biss b’konċentrazzjonijiet baxxi ħafna ta’ PAHs u ta’ kwalunkwe sustanza perikoluża relevanti oħra.
  • Il-proprjetarji u l-operaturi tal-grawnds eżistenti (esterni u interni) għandhom ikejlu l-konċentrazzjonijiet tal-PAHs u ta’ sustanzi oħra fil-granuli tal-gomma użati fil-grawnds tagħhom u għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli.
  • Il-produtturi tal-granuli tal-gomma u l-għaqdiet tal-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom jiżviluppaw gwida biex jgħinu lill-manifatturi u lill-importaturi tal-mili tal-gomma (riċiklata) jittestjaw il-materjal tagħhom.
  • L-assoċjazzjonijiet tal-isports u tal-futbol Ewropej għandhom jaħdmu mal-produtturi biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-granuli tal-gomma fit-terfs sintetiċi tinftiehem mill-plejers u mill-pubbliku inġenerali.
  • Il-proprjetarji u l-operaturi tal-grawnds interni eżistenti li jkun fihom mili bil-granuli tal-gomma għandhom jiżguraw ventilazzjoni adegwata.
  • Il-plejers li jużaw il-grawnds sintetiċi għandhom jieħdu miżuri tal-iġene bażiċi wara li jilagħbu fi grawnds artifiċjali.

L-ECHA bagħtet l-evalwazzjoni tagħha lill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Frar 2017.   

Allura, x’inhu jsir biex jiġu ċċarati l-inċertezzi?

L-Istitut Nazzjonali Netherlandiż għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (RIVM) ippubblika studju dwar ir-riskji tal-granuli tal-gomma għas-saħħa fin-Netherlands f’Diċembru 2016, li kkonferma li l-logħob tal-isports f’dawn il-grawnds huwa sigur.

Madankollu, bħall-konklużjoni tar-rapport tal-ECHA, l-istudju rrakkomanda li jonqsu aktar il-limiti ta’ konċentrazzjoni legali tal-PAHs fil-granuli tal-gomma, b’mod partikolari billi jitqiesu dawk applikabbli għal oġġetti tal-konsumatur.  

In-Netherlands segwiet dan billi fit-30 ta’ Ġunju 2017 ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipprepara dossier ta’ restrizzjoni biex tillimita l-konċentrazzjoni ta’ tmien idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) fil-granuli użati bħala materjal ta’ mili fi grawnds tat-terf sintetiċi jew f’forom sfużi għall-użu f’applikazzjonijiet tal-isports u fi playgrounds.

L-ECHA rċeviet dan id-dossier fl-20 ta’ Lulju 2018.  

X’inhu l-kontenut tad-dossier ta’ restrizzjoni?

Id-dossier ta’ restrizzjoni evalwa r-riskju għas-saħħa tal-bniedem minn tmien PAHs għal footballers professjonali (inkluż goalkeepers), tfal jilagħbu fil-grawnds, u ħaddiema involuti fl-installazzjoni u fil-manutenzjoni tal-grawnds u l-playgrounds.

Abbażi tal-evalwazzjoni, in-Netherlands qed tirrakkomanda li l-limitu ta’ konċentrazzjoni konġunta ta’ dawk it-tmien PAHs li jinsabu fil-frak tal-gomma u l-mulches li jintużaw fil-grawnds u l-playgrounds tat-terf sintetiċi u f’faċiltajiet oħra tal-isports jonqsu għal 17 mg/kg.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni attwali applikabbli għal forniment lill-pubbliku inġenerali huma stabbiliti għal 100 mg/kg għal tnejn mill-PAHs (BaP and DBAhA) u 1 000 mg/kg għas-sitta l-oħra (BeP, BaA, CHR, BbFA, BjFA, BkFA).

Il-passi li jmiss

Il-kumitati tal-ECHA issa se jeżaminaw jekk id-dossier ta’ restrizzjoni jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness XV tar-REACH. Jekk hu hekk, il-konsultazzjoni fuq id-dossier tibda f’Settembru 2018.

Ladarba tibda l-konsultazzjoni, il-partijiet interessati se jkollhom sitt xhur biex jikkummentaw fuq ir-restrizzjoni ssuġġerita u l-impatt antiċipat tagħha.

Il-kumitati tal-ECHA se jevalwaw id-dossier u jifformulaw l-opinjonijiet tagħhom. Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-ECHA se jadotta l-opinjoni tiegħu f’Lulju 2019. Il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika (SEAC) se jagħti l-opinjoni esperta tiegħu dwar il-proposta sa Settembru 2019, filwaqt li jqis l-informazzjoni sottomessa.

L-opinjonijiet taż-żewġ kumitati se tiġi sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea. Id-deċiżjoni finali se tittieħed fi proċedura ta’ komitoloġija bi skrutinju li tinvolvi lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew.

Dan kollox?

Barra mid-dossier ta’ restrizzjoni tan-Netherlands, l-ECHA se tkompli tara l-impatti ta’ sustanzi oħra li jinsabu fil-granuli tal-gomma derivati minn tajers li ma għadhomx jintużaw fuq is-saħħa u potenzjalment ukoll fuq l-ambjent. Din l-investigazzjoni tista’ twassal għar-restrizzjoni ta’ aktar sustanzi.

Skeda ta'; żmien ippjanata għal proposta ta'; restrizzjoni dwar il-frak tal-gomma/tal-lasktu

 

Intenzjoni għal tħejjija ta'; proposta ta'; restrizzjoni
30 ta'; Ġunju 2017
Sejħa għal evidenza
23 ta'; Lulju - 18 ta'; Ottubru 2017
Workshop ospitat minn RIVM
24 ta'; Novembru 2017
Sottomissjoni tal-proposta ta'; restrizzjoni
20 ta'; Lulju 2018
Konsultazzjoni pubblika tar-rapport tal-Anness XV (jekk tkun għaddiet il-konformità)
Settembru 2018 – Frar 2019
Opinjoni tal-RAC
Lulju 2019
Konsultazzjoni pubblika dwar l-opinjoni tas-SEAC
Lulju 2019 - Awwissu 2019
Opinjoni tas-SEAC
Settembru 2019
Opinjoni finali kkombinata sottomessa lill-Kummissjoni
Mingħajr dewmien żejjed
Abbozz ta'; emenda għall-Anness XVII (abbozz ta᾽ restrizzjoni) mill-Kummissjoni
Fi żmien 3 xhur mill-wasla tal-opinjonijiet
Diskussjonijiet fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri
2019-2020
Restrizzjoni adottata (jekk ikun hemm qbil)
2020