Interferenti endokrinali

 

Fl-organiżmi kollha, l-ormoni jorbtu mas-sistema nervuża u l-funzjonijiet tal-ġisem bħat-tkabbir u l-iżvilupp, l-immunità, il-metaboliżmu, ir-riproduzzjoni u l-imġiba. Is-sustanzi kimiċi li huma "sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali" jistgħu jinterferixxu mas-sistema ormonali u b'hekk jipproduċu effetti li jagħmlu ħsara kemm lill-bnedmin kif ukoll l-organiżmi slavaġ.

Is-sustanzi li jinteraġixxu mas-sistema ormonali iżda li ma jikkawżawx effetti li jagħmlu ħsara jissejħu "sustanzi ormonikament attivi" jew "sustanzi attivi endokrinali". Madankollu, il-linja bejn l-attività endokrinali u t-tfixkil endokrinali mhux dejjem ikun ċar peress li, f'xi każijiet, l-effett jista' jkun evidenti biss wara ċertu żmien.

Firxa wiesgħa ta' sustanzi, kemm naturali kif ukoll magħmula mill-bnedmin, huma maħsuba li jikkawżaw tfixkil endokrinali. Xi drabi, l-effetti kkawżati minn sustanza li tfixkel l-endokrina jidhru biss ħafna żmien wara l-esponiment. Pereżempju, l-esponiment ta' fetu fil-ġuf għal sustanza li tfixkel l-endokrina jista' jwassal għal effetti li jaffettwaw is-saħħa tal-adult u possibbilment anki tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-organiżmi slavaġ, l-effetti li jistgħu jkunu relatati mat-tfixkil endokrinali, ġew osservati fil-molluski, il-krustaċeji, il-ħut, ir-rettili, l-għasafar u l-mammiferi f'diversi partijiet tad-dinja. F'xi speċijiet, l-indeboliment tar-riproduzzjoni kkawża tnaqqis fil-popolazzjoni.

Fil-bnedmin, l-istudji epidemjoloġiċi ssuġġerew li s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali setgħu kienu responsabbli għal bidliet fis-saħħa tal-bniedem matul dawn l-aħħar deċennji. Dawn jinkludu għadd dejjem jonqos ta' sperma, inċidenza akbar ta' tfal subien mwielda b'malformazzjonijiet ġenitali, u żidiet f'ċerti tipi ta' kanċer li huma magħrufa bħala sensittivi għall-ormoni. B'mod aktar kontroversjali, ġew issuġġeriti rabtiet ma' indeboliment fl-iżvilupp newrali u l-imġiba sesswali.

Skont REACH, is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali jistgħu jiġu identifikati bħala Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna flimkien ma' sustanzi kimiċi magħrufa li jikkawżaw il-kanċer, mutazzjonijiet u tossiċità għar-riproduzzjoni. L-għan huwa li l-użu tagħhom jitnaqqas u li fl-aħħar mill-aħħar jiġu ssostitwiti b'alternattivi aktar siguri.

Skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, is-sustanzi attivi, li huma meqjusa li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali mhumiex se jiġu approvati sakemm ir-riskju mill-esponiment għas-sustanza attiva ma jintweriex li jkun negliġibbli jew sakemm ma jkunx hemm evidenza li s-sustanza attiva hija essenzjali biex tipprevjeni jew tikkontrolla periklu serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent.

Gwida għall-identifikazzjoni ta’ interferenti endokrinali

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-ECHA u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) biex jiżviluppaw, bl-għajnuna taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), dokument ta’ gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-kriterji bbażati fuq il-periklu biex jiġu identifikati interferenti endokrinali (EDs) fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti) u r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar il-Prodotti Bijoċidali.

Id-dokument ta’ gwida ġie ppubblikat fil-Ġurnal tal-EFSA.