Glifosat

Il-glifosat huwa wieħed mill-aktar sustanzi attivi użati b'mod komuni fil-pestiċidi biex jipprevjeni t-tkabbir ta’ pjanti mhux mixtieqa madwar l-għelejjel imħawwla jew biex joqtol il-pjanti jew partijiet mill-pjanti. Ħafna drabi dawn is-sustanzi jissejħu "erbiċidi" jew "sustanzi li jeqirdu l-ħaxix ħażin".

Il-glifosat jintuża fl-agrikoltura u fl-ortikoltura biex jeqred il-ħaxix ħażin qabel iż-żrigħ. Fejn jitkabbru pjanti ġenetikament modifikati b’reżistenza għall-glifosat, is-sustanza tintuża wkoll wara ż-żrigħ biex toqtol il-ħaxix ħażin li jkun qiegħed jikber fost l-għelejjel. Madankollu din il-prattika ma sseħħx fl-Unjoni Ewropea.

 

X’qed tagħmel l-ECHA dwar il-glifosat?

L-ECHA tiġġestixxi l-liġi dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanzi u t-taħlitiet. Din il-liġi tirregola l-mod li bih is-sustanzi jiġu vvalutati u ttikkettati, skont il-karatteristiċi perikolużi li jista' jkollhom - pereżempju veleni, sustanzi fjammabbli, sustanzi korrużivi u l-bqija.

Għal ċerti sustanzi, bħall-pestiċidi, tista' tittieħed deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni fil-livell tal-UE biex tapplika madwar l-Ewropa kollha. Fil-prattika, dan ifisser li ser ikun hemm il-ħtieġa ta’ tikkettar rilevanti li jwissi lill-konsumaturi dwar kull prodott li fih is-sustanza.

L-Istitut Federali Ġermaniż għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (BAuA) ippropona li l-glifosat għandu jkollu klassifikazzjoni armonizzata addizzjonali għal tossiċità speċifika għall-organi fil-mira wara esponiment ripetut (minbarra l-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti). Kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni CLP, l-ECHA stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jikkummentaw dwar din il-proposta f’konsultazzjoni pubblika, li għalqet fit-18 ta' Lulju 2016. 

Il-kummenti li waslu għand l-ECHA twieġbu mill-awtorità Ġermaniża. Sussegwentement, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-ECHA ddiskuta l-proposta dwar klassifikazzjoni armonizzata matul żewġ laqgħat konsekuttivi – f’Diċembru 2016 u f’Marzu 2017 u ħejja l-opinjoni xjentifika indipendenti tiegħu. 

Ir-RAC huwa kumitat xjentifiku, magħmul minn esperti nnominati mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u maħtura mill-ECHA. Qiesu d-data rilevanti – inkluża dik ipprovduta minn partijiet terzi. Ir-RAC qies ukoll it-tagħrif ewlieni li kien ġie analizzat qabel minn korpi oħrajn u qies il-fehmiet differenti dwar il-mod kif ġew ivvalutati wħud minn dawk l-istudji.

Fil-15 ta’ Marzu 2017, ir-RAC qabel li tinżamm il-klassifikazzjoni armonizzata tal-glifosat bħala sustanza li tikkawża ħsara serja lill-għajnejn u li hija tossika għall-organiżmi akwatiċi b’mod li tħalli effetti dejjiema. Fil-15 ta’ Ġunju, ir-RAC ippreżenta l-opinjoni xjentifika indipendenti tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea dwar jekk il-karatteristiċi intrinsiċi tal-glifosat jissodisfawx il-kriterji legali għall-klassifikazzjoni stabbilita fir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ (CLP). L-opinjoni adottata kif ukoll informazzjoni ulterjuri dwar il-proċess ta’ klassifikazzjoni armonizzata hija pprovduta fil-links ta’ hawn taħt.

Il-valutazzjoni tar-RAC u tal-ECHA hija bbażata biss fuq il-karatteristiċi perikolużi tas-sustanza – is-sustanza hija kapaċi tikkawża effetti ta' ħsara? Ma tqisx ir-riskju jew kemm in-nies u l-ambjent huma esposti għas-sustanza. Bla dubju, dan jiddependi minn kif tintuża s-sustanza u kemm jintuża minnha. Dawk ir-riskji dettaljati huma għalhekk meqjusa fuq bażi ta’ każ b’każ skont il-leġiżlazzjoni rilevanti. Fil-każ tal-glifosat, hija l-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi. Dik il-leġiżlazzjoni – magħrufa bħala r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti -– hija ġestita mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Aktar informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mar-riskju u mal-esponiment hija pprovduta fil-links ta’ hawn taħt.

Minn fejn tiġi d-data xjentifika u nista' naraha?

Meta jwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom, aġenziji regolatorji bħall-ECHA jiddependu fuq taħlita ta’ data minn studji tossikoloġiċi sew jekk ikunu ppubblikati jew le.

Skont il-liġi tal-UE, hemm rekwiżit legali fuq l-industrija biex tiżgura l-użu sigur tas-sustanzi kimiċi li jqiegħdu fis-suq. Għalhekk, l-industrija għandha twettaq studji (eko)tossikoloġiċi biex jiġu identifikati l-karatteristiċi perikolużi ta’ dawn is-sustanzi. Dawn l-istudji huma mħallsin mill-industrija.

Laboratorji speċjalizzati li normalment iwettqu dawn l-istudji għall-industrija għandhom isegwu linji gwida stretti, li huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u fid-dokumenti ta’ gwida relatati. L-istudji għandhom jitwettqu skont metodoloġija maqbula u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-kwalità (tal-OECD jew linji gwida tekniċi ekwivalenti u prattika tajba tal-laboratorju). Dan huwa l-istess proċess li jintuża, pereżempju, għall-mediċini.

Ir-rapporti sħaħ minn dawn l-istudji tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet regolatorji rilevanti, inkluż il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA, għall-verifika tagħhom tal-informazzjoni.

L-opinjoni tar-RAC dwar il-klassifikazzjoni tal-glifosat u t-tweġibiet għall-kummenti li waslu issa ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-ECHA. Ir-rapport tas-CLH (fosthom is-sommarji tal-istudji) ippreżentat mill-awtorità kompetenti Ġermaniża kif ukoll il-kummenti pprovduti matul il-konsultazzjoni pubblika huma wkoll disponibbli hemmhekk.

Deċiżjoni mill-Istati Membri tal-UE

Wara l-adozzjoni, l-opinjoni tar-RAC intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea, u l-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri ddeċidew li jġeddu l-approvazzjoni tal-użu tal-glifosat bħala sustanza attiva fi prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti għal ħames snin (sal-15 ta’ Diċembru 2022).

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-esperti tal-Istati tal-Membri tal-UE fis-27 ta’ Novembru 2017 u ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Diċembru 2017.

Smajt dwar valutazzjonijiet xjentifiċi differenti dwar il-glifosat - għaliex dawn ma jaqblux?

Kien hemm diversi rapporti riċenti dwar il-glifosat. Intlaħqu konklużjonijiet differenti skont l-approċċ meħud u l-mod li bih tqieset id-data. Dan mhu xejn ġdid - l-interpretazzjoni u l-ippeżar tad-data xjentifika jeħtieġu ġudizzju. Madankollu, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA magħmul minn esperti indipendenti mill-Istati Membri tal-UE qies ukoll id-data disponibbli għall-awturi ta’ dawn ir-rapporti riċenti.

L-ECHA adottat opinjoni xjentifika indipendenti dwar il-bżonn ta’ klassifikazzjoni armonizzata għall-glifosat, abbażi tal-kriterji ta’ periklu stabbiliti fir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ. Kif issemma qabel, l-ECHA vvalutat il-periklu intrinsiku tal-glifosat u mhux ir-riskji assoċjati mal-użi individwali tiegħu. Dawk ir-riskji, pereżempju, tal-użu ta’ prodotti li fihom il-glifosat, jiġu vvalutati skont ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti.

 

News from ECHA

European Food Safety Authority (EFSA) links

External links