Il-Mikroplastik

Il-plastik huwa materjal importanti li huwa abbundanti fl-ekonomija tagħna. Dan jagħmel ħajjitna aktar faċli b’bosta modi u spiss ikun eħfef jew jiġi jiswa inqas flus minn materjali alternattivi. Madankollu, jekk ma jintremiex jew jekk ma jiġix irriċiklat kif suppost wara li jkun intuża, dan jista’ jibqa’ fl-ambjent għal perjodi twal u jista’ wkoll jiddegrada f’biċċiet iżgħar li jkunu ta’ tħassib – il-mikroplastik. Il-mikroplastik jista’ wkoll jiġi mmanifatturat apposta u jiżdied intenzjonalment mal-prodotti. Barra minn hekk, xi plastik fih sustanzi kimiċi perikolużi li jista' jkollhom impatt negattiv fuq in-natura jew is-saħħa tal-bniedem.

Il-mikroplastik huwa partikuli żgħar ħafna ta’ materjal tal-plastik (tipikament iżgħar minn 5 mm). Dan jista’ jiġi ffurmat mhux intenzjonalment bl-użu ta’ biċċiet ikbar ta’ plastik, inkluż tessuti sintetiċi. Dan jista’ wkoll jiġi mmanifatturat apposta u jiżdied intenzjonalment mal-prodotti għal skop speċifiku, pereżempju, bħal żibeġ esfoljanti fi prodotti ta’ purifikazzjoni tal-wiċċ jew tal-ġisem. Meta jiġi rilaxxat fl-ambjent, dan jista’ jiġi akkumulat mill-annimali, inkluż il-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra u konsegwentement jiġi kkunsmat bħala ikel mill-konsumaturi.

Ispirati minn tħassib għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, diversi Stati Membri tal-UE daħħlu fis-seħħ jew ipproponew projbizzjonijiet nazzjonali fuq l-użu intenzjonat tal-mikroplastik f’ċerti prodotti tal-konsumatur, prinċipalment użu ta’ “mikrożibeġ” fi prodotti kożmetiċi tat-“tlaħliħ” fejn dawn jintużaw bħala aġenti esfoljanti jew tat-tindif.

Riċentement, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat studju li jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-użu intenzjonat ta’ partikuli tal-mikroplastik fil-prodotti u r-riskji li joħolqu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) irrevediet ukoll l-evidenza disponibbli dwar il-mikro u n-nanoplastik fl-ikel.

F’konformità mal-proċeduri ta’ REACH għar-restrizzjoni ta’ sustanzi li joħolqu riskju għall-ambjent jew għas-saħħa, il-Kummissjoni talbet lill-ECHA biex tivvaluta l-evidenza xjentifika għat-teħid ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE dwar mikroplastik miżjud intenzjonalment fi prodotti ta’ kwalunkwe tip. Għażliet oħrajn għat-tnaqqis tar-rilaxx tal-mikroplastik fl-ambjent akkwatiku qegħdin jiġu investigati minn proġett ieħor mill-Kummissjoni Ewropea.

F’liema prodotti tal-konsumatur tipiċi jista’ jinsab il-mikroplastik miżjud intenzjonalment? 

Partikuli tal-mikroplastik miżjuda intenzjonalment jintużaw f’medda ta’ prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, bħal f’ċerti kożmetiċi, prodotti tal-kura personali, deterġenti, prodotti tat-tindif, żebgħa, prodotti li jintużaw fl-industrija taż-żejt u tal-gass u bħala materjali għal ixkatlar abbrażiv.

Fil-prodotti tal-konsumatur, il-partikuli tal-mikroplastik huma magħrufa l-aktar bħala abbrażivi (eż. aġenti esfoljanti u ta’ llostrar fil-kożmetiċi magħrufa bħala mikrożibeġ), iżda jista' jkollhom ukoll funzjonijiet oħrajn, bħal li jikkontrollaw il-viskożità (ħxuna), id-dehra u l-istabbiltà ta’ prodott.

Barra minn hekk, l-ECHA qiegħda tħares lejn prodotti li intenzjonalment jirrilaxxaw il-mikroplastik bħala parti mill-funzjoni tagħhom, pereżempju, prilli tan-nutrijenti li jintużaw fl-agrikoltura.

Kif potenzjament jikkontribwixxu għal kontaminazzjoni ambjentali?

Bejn 2 sa 5% tal-plastik kollu li jiġi prodott jispiċċa fl-oċeani. Xi wħud minn dawn ikunu fil-forma ta’ mikroplastik.

Il-mikroplastik li jiżdied intenzjonalment mal-prodotti attwalment huwa maħsub li jirrappreżenta biss proporzjon komparattivament żgħir ta’ dak kollu fil-baħar. Madankollu, dan jista’ jkun qiegħed jikkawża problemi qrib is-sors fl-ilmijiet u fil-ħamrija interni tagħna. Bi tweġiba għal dan, diversi pajjiżi, inkluż xi Stati Membri tal-UE, ħadu azzjoni biex jillimitaw l-użu tiegħu.

Qegħdin jitħejjew proposti dwar restrizzjoni

F’Jannar 2018, l-ECHA ħabbret li ser teżamina l-ħtieġa għal restrizzjoni madwar l-UE kollha dwar it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ partikuli ta’ mikroplastik “miżjud intenzjonalment” fi prodotti jew użu li “intenzjonalment jirrilaxxa” partikuli tal-mikroplastik fl-ambjent.

Bħala l-ewwel parti ta’ din l-investigazzjoni, l-Aġenzija nediet sejħa għal evidenza u informazzjoni dwar mikroplastik miżjud intenzjonalment. Din is-sejħa hija maħsuba li tiġbor informazzjoni dwar l-użu intenzjonat kollu possibbli ta’ partikuli tal-mikroplastik fil-prodotti. L-informazzjoni miġbura ser tintuża sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-użu joħloqx riskju u sabiex jiġu vvalutati l-impatti soċjoekonomiċi ta’ kwalunkwe restrizzjoni potenzjali.

F’Mejju 2018 saret sessjoni ta’ ħidma tal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet ewlenin relatati mar-restrizzjoni. Bħala segwitu għas-sessjoni ta’ ħidma, f’Lulju 2018, l-ECHA ppubblikat nota dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanzi u l-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali ta’ restrizzjoni fuq l-użu tal-mikroplastik.

Fit-28 ta’ Marzu ġiet imnedija sejħa għal evidenza u għalqet fil-11 ta’ Mejju 2018.