Linka tat-tatwaġġi u make-up permanenti

 

It-tatwaġġi huma forma popolari ta’ arti tal-ġisem – mill-inqas 12 % tal-Ewropej għandhom minnhom. Fil-grupp ta’ età bejn it-18 u l-35 sena, id-doppju ta’ dawn il-persuni x’aktarx ikollhom tatwaġġ.

Ir-riskji għas-saħħa mill-użu ta’ labar maħmuġin biex jinjettaw il-linka ilhom taħt skrutinju għal żmien twil. Issa, it-tħassib tagħhom relatat mas-sustanza kimika ġie analizzat ukoll u r-riskji tagħhom ġew regolati fil-livell tal-UE.

Biex jiġu protetti ċ-ċittadini Ewropej, eluf ta’ sustanzi kimiċi perikolużi li jinsabu fil-linka tat-tatwaġġi u fil-make-up permanenti se jiġu ristretti fl-UE skont ir-Regolament REACH minn Jannar 2022

Ir-restrizzjoni tkopri, pereżempju, sustanzi kimiċi li jikkawżaw kanċer jew mutazzjonijiet ġenetiċi u sustanzi kimiċi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni kif ukoll sensitizzaturi u irritanti tal-ġilda. L-għan mhuwiex li jiġi pprojbit it-tatwaġġ iżda li l-kuluri użati fit-tatwaġġi u fil-make-up permanenti jsiru aktar sikuri.

Ir-reazzjonijiet allerġiċi kroniċi u reazzjonijiet infjammatorji oħra tal-ġilda minn tatwaġġi u linka tal-make-up permanenti huma mistennija li jonqsu bis-saħħa tar-restrizzjoni. Effetti aktar serji bħall-kanċer, ħsara lid-DNA tagħna jew lis-sistema riproduttiva li potenzjalment joriġinaw minn sustanzi kimiċi użati fil-linka jistgħu jonqsu wkoll.

X’inhuma l-linka tat-tatwaġġi u l-make-up permanenti?

Tatwaġġ isir billi jiġi ppenetrat is-saff ta’ barra tal-ġilda b’labra u billi tiġi injettata linka fil-parti ta’ taħt biex jinħoloq disinn. Is-saff ta’ fuq tal-ġilda – l-epidermis – jiġġenera lilu nnifsu mill-ġdid kontinwament, għalhekk biex it-tatwaġġ idum, il-linka tiġi injettata fit-tieni saff tal-ġilda li huwa aktar fond – id-dermis.

Il-make-up permanenti huwa simili għal tatwaġġ u jintuża biex jipproduċi disinni li jixbhu lill-make-up. Pereżempju, dan jintuża b’mod komuni biex jixbah lil-lapes tal-għajnejn jew biex itejjeb il-kuluri fil-ġilda, fil-wiċċ, fix-xufftejn u fil-kpiepel tal-għajnejn.

X’inhu t-tħassib?

Il-linek tat-tatwaġġi u l-make-up permanenti huma taħlita ta’ diversi sustanzi kimiċi. Jista’ jkun fihom sustanzi perikolużi li jikkawżaw allerġiji tal-ġilda u impatti oħra aktar serji fuq is-saħħa, bħal mutazzjonijiet ġenetiċi u kanċer.

Il-pigmenti tal-linka jistgħu wkoll jgħaddu mill-ġilda għal organi differenti, bħan-nodi limfatiċi u l-fwied. Xi kultant it-tatwaġġi jitneħħew bl-użu ta’ laser li jkisser il-pigmenti u sustanzi oħra f’partikoli iżgħar. Jekk dawn jinkludu sustanzi kimiċi ta’ ħsara, il-proċess ta’ tneħħija jeħlishom biex jiċċirkolaw fil-ġisem.

Peress li s-sustanzi kimiċi użati fil-linka tat-tatwaġġ u fil-make-up permanenti jistgħu jibqgħu fil-ġisem għal dejjem, hemm ukoll il-possibbiltà ta’ esponiment fit-tul għall-ingredjenti potenzjalment dannużi.

X’għamlet l-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha?

Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-ECHA tivvaluta r-riskji għas-saħħa tas-sustanzi kimiċi fil-linka tat-tatwaġġi u fil-make-up permanenti u teżamina l-ħtieġa ta' restrizzjoni madwar l-UE kollha fir-rigward tal-użu tagħhom. L-ECHA għamlet din il-valutazzjoni flimkien mal-awtoritajiet Norveġiżi, Taljani u Daniżi. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkontribwew ukoll għax-xogħol.

L-investigazzjoni kopriet sustanzi kimiċi magħrufa li jintużaw fil-linka tat-tatwaġġi u fil-make-up permanenti li jistgħu jkunu ta’ periklu għal saħħitna. Ingħatat attenzjoni speċjali lis-sustanzi kimiċi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs); sensitizzaturi, irritanti u korrużivi għall-ġilda; sustanzi li huma korrużivi jew li jagħmlu ħsara lill-għajnejn; metalli; u sustanzi oħra fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar rekwiżiti u kriterji għas-sikurezza tat-tatwaġġi u tal-make-up permanenti.

L-awtoritajiet eżaminaw ir-riskji għas-saħħa ta’ dawn is-sustanzi kimiċi u investigaw id-disponibbiltà ta’ alternattivi aktar sikuri. Huma analizzaw ukoll l-impatt soċjoekonomiku tar-restrizzjoni tal-użu tagħhom, meta wieħed iqis l-effetti tagħhom fuq il-manifattura u fuq l-impjiegi fis-settur tas-servizzi.

Il-proposta ta’ restrizzjoni ġiet ippreżentata f’Ottubru 2017 lill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) u lill-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) għall-evalwazzjoni tagħhom. Minn Diċembru 2017 sa Ġunju 2018 saret konsultazzjoni wiesgħa dwar il-proposta. Sussegwentement, kien hemm konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ opinjoni finali tas-SEAC minn Diċembru 2018 sa Frar 2019.

Opinjonijiet tal-Kumitat

L-opinjoni kkonsolidata tar-RAC u tas-SEAC intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju 2019. Ir-RAC analizza r-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa tan-nies billi vvaluta l-evidenza xjentifika disponibbli dwar il-perikli u r-riskji tas-sustanzi inklużi fil-proposta. Is-SEAC evalwa l-benefiċċji tal-proposta għas-saħħa tan-nies u l-ispejjeż assoċjati u impatti soċjoekonomiċi oħra.

Iż-żewġ kumitati qablu li – bi ftit modifiki – il-proposta ta’ restrizzjoni tkun l-aktar mezz xieraq biex jiġu kkontrollati r-riskji ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fil-linka tat-tatwaġġi u fil-make-up permanenti fil-livell tal-UE.

Ir-RAC ivvaluta wkoll jekk ċerti pigmenti jew koloranti għandhomx jiġu ristretti kif propost. Dan ikkonkluda li r-riskji tal-kanċer u effetti negattivi oħra fuq is-saħħa ma setgħux jiġu esklużi. Ir-RAC innota li l-informazzjoni li waslet matul il-konsultazzjoni indikat li alternattivi aktar sikuri u teknikament adegwati attwalment ma kinux disponibbli għal żewġ koloranti biss – Pigment Blue 15: 3 u Pigment Green 7. Is-SEAC ikkunsidra l-impatti soċjoekonomiċi tar-restrizzjoni ta’ dawn iż-żewġ pigmenti u rrakkomanda li l-industrija tingħata żmien addizzjonali biex tidentifika u taqleb għal alternattivi xierqa aktar sikuri.

B’mod ġenerali, is-SEAC ikkonkluda li r-restrizzjoni ma jkollhiex impatti ekonomiċi negattivi sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista u lanqas ma twassal għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet għall-konsumaturi. Il-Kumitat qabel ukoll li r-restrizzjoni timminimizza r-riskji ta’ sostituzzjoni mhux mixtieqa.

Iż-żewġ kumitati qablu li l-perjodu ta’ tranżizzjoni ssuġġerit ta’ 12-il xahar jagħti ż-żmien meħtieġ biex l-atturi kkonċernati jaġġustaw l-operazzjonijiet tagħhom.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE

Ir-restrizzjoni kienet appoġġjata mill-Istati Membri tal-UE f’Lulju 2020 u ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020.

Ir-restrizzjoni tarmonizza l-miżuri dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi użati fil-linka tat-tatwaġġi u l-make-up permanenti fil-livell tal-UE u tiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu protetti bl-istess mod minnhom. Qabel, ma kien hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika fl-UE kollha fis-seħħ għalkemm xi Stati Membri kellhom leġiżlazzjoni nazzjonali simili.

L-użu ta’ aktar minn 4 000 sustanza kimika perikoluża fil-linka tat-tatwaġġi u fil-make-up permanenti se jkun limitat. Ir-restrizzjoni tintroduċi limiti massimi ta’ konċentrazzjoni jew għal individwi jew gruppi ta’ sustanzi użati fil-linka tat-tatwaġġi jew fil-make-up permanenti. Eżempji ta’ sustanzi kimiċi huma ċerti azodyes, ammini aromatiċi karċinoġeniċi, idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), metalli u metanol.

Ir-regoli l-ġodda se jibdew japplikaw fl-UE/fiż-ŻEE mill-4 ta’ Jannar 2022, u għall-Pigment Blue 15:3 u l-Pigment Green 7 – fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE qablu dwar tranżizzjoni ta’ 24 xahar – mill-4 ta’ Jannar 2023.

Ir-restrizzjoni tirrikjedi wkoll li t-taħlitiet maħsuba għat-tatwaġġ u l-make-up permanenti jkollhom dan l-użu msemmi fuq it-tikketti tagħhom. It-tikketta trid tinkludi wkoll lista ta’ ingredjenti u dikjarazzjonijiet ta’ sikurezza rilevanti.

Biex tiggarantixxi l-protezzjoni tan-nies anke fit-tul, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-restrizzjoni, fil-futur, se tillimita awtomatikament is-sustanzi kimiċi li:

1. għandhom klassifikazzjoni fl-UE kollha bħala:

  • karċinoġenu, mutaġenu jew bħala tossiku għar-riproduzzjoni;
  • sensitizzatur tal-ġilda;
  • korrużiv għall-ġilda;
  • irritanti għall-ġilda;
  • irritanti għall-għajnejn; jew
  • ħsara lill-għajnejn.

2. huma inklużi fir-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi (CPR (KE) Nru 1223/2009) bħala:

  • sustanzi pprojbiti fil-prodotti kożmetiċi, jiġifieri l-Anness II tas-CPR.
  • sustanzi/koloranti elenkati fl-Anness IV tas-CPR bil-kundizzjonijiet li ġejjin dwar l-użu tagħhom:
    • ma għandhomx jintużaw fi prodotti applikati fuq membrani mukużi;
    • ma għandhomx jintużaw fi prodotti tal-għajnejn;
    • permessi biss fi prodotti tat-tlaħliħ; u
    • kundizzjonijiet oħra, bħal dawk għall-purità, elenkati fl-Anness IV.

Infografika tat-tatwaġġ