Valutazzjoni tal-esponiment u karatterizzazzjoni tar-riskji

Jeħtieġ li twettaq valutazzjoni tal-esponiment u karatterizzazzjoni tar-riskju ta’ sustanzi rreġistrati fi jew aktar minn 10 tunnellati fis-sena, jekk ikunu kklassifikati bħala perikolużi jew li jkollhom karatteristiċi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT) jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (vPvB).

 

Irrapporta l-perikli identifikati kollha
  • Il-valutazzjoni tal-esponiment u l-karatterizzazzjoni tar-riskju tiegħek għandhom ikopru l-perikli identifikati kollha abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, u m’għandhomx ikunu limitati għall-perikli klassifikati biss.
  • Il-perikli identifikati jinkludu:
    • perikli li għalihom bħalissa ma jeżistux kriterji ta᾽ klassifikazzjoni, iżda fejn hemm evidenza li s-sustanza tista’ tikkawża effetti avversi (normalment rilevanti għall-ħamrija u s-sediment);
    • perikli għall-punti tat-tmiem bi kriterji ta’ klassifikazzjoni, iżda fejn id-doża jew il-konċentrazzjoni li jikkawżaw effetti ma jissodisfawx il-kriterji ta’ klassifikazzjoni, u għalhekk is-sustanza mhijiex klassifikata għall-punt tat-tmiem.

 

Irrapporta l-eżitu fir-rapport dwar is-sigurtà kimika u fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà

Ir-rapport dwar is-sigurtà kimika (CSR) u l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (SDS) għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-perikli identifikati kollha, mhux biss dawk li jwasslu għal klassifikazzjoni skont ir-Regolament CLP.

 

Irrifletti l-użi u l-kundizzjonijiet tal-użu realistiċi fir-rapport dwar is-sigurtà kimika
  • Irrapporta l-użi kollha tas-sustanza tiegħek u l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tagħha.
  • Kun ċert li d-deskrizzjoni tal-użu tkun ċara u konsistenti mal-użi tas-sustanza fil-katina tal-provvista.
  • Ipprovdi spjegazzjoni adegwata tal-kundizzjonijiet tal-użu li jwasslu għar-rata ta’ rilaxx preżunta tas-sustanza fl-ambjent.
  • Uri b’mod ċar kif timminimizza r-rilaxx tas-sustanza tiegħek jekk tkun persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT).
  • Segwi l-parir fil-Gwida ta’ REACH, il-Kapitoli R.8 u R.10 biex tikseb il-livell derivat ta’ bla effett (DNEL) jew il-konċentrazzjoni prevista ta’ bla effett (PNEC). Jekk ikollok bżonn tiddevja mill-fatturi ta’ valutazzjoni prestabbiliti ppreżentati f’dik il-Gwida, iġġustifika u ddokumenta kwalunkwe bidla b’argumenti xjentifiċi li huma speċifiċi għas-sustanza tiegħek.
  • Kun ċert li l-mudell li tuża biex tagħmel stima tal-esponiment japplika għas-sustanza tiegħek u uża parametri xierqa ta’ mmudellar, filwaqt li tiġġustifika l-għażla tagħhom.
  • Kun ċert li x-xenarji ta’ esponiment tiegħek ikunu trasparenti, speċifiċi u eżawrjenti. Il-kundizzjonijiet operazzjonali u l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju għandhom jingħataw fid-dettall biex jiżguraw l-użu sikur.
  • Tużax għodod tal-livell 1 bħal ECETOC TRA, MEASE, Stoffenmanager, SprayExpo, Riskofderm, għall-awtomatizzazzjoni tal-produzzjoni tal-massa ta’ xenarji ta’ esponiment peress li dan jista’ faċilment iwassal għal parir dwar il-ġestjoni tar-riskju li ma jkunx ta’ għajnuna jew ikun qarrieqi fix-xenarji ta’ esponiment.

 

Kun ċert li d-deskrizzjoni tal-użu tkopri l-użi kollha tas-sustanza
  • Kopri l-użi kollha tas-sustanza matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha.
  • Ipprovdi deskrizzjoni ġenerali qasira tal-użi identifikati fit-Taqsima 3.5 ta’ IUCLID.
  • Kun ċert li t-titoli qosra tax-xenarji ta’ esponiment ikunu konsistenti mad-deskrizzjoni tal-użu fit-Taqsima 3.5 ta’ IUCLID, l-anness tax-xenarju ta’ esponiment, u t-Taqsima 1.2 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà estiża.

 

Ipprovdi informazzjoni dwar l-użu li hija rilevanti, konċiża u li tinftiehem
  • Iddeskrivi l-użi reali kollha.
  • Ipprovdi ismijiet tal-użu li huma faċli biex jinftiehmu, preferibbilment permezz ta’ terminoloġija li hija armonizzata fis-settur kollu tiegħek.
  • Agħti spjegazzjoni qasira dwar il-proċess jew l-attivitajiet koperti mill-użu. Tiddependix biss minn deskritturi tal-użu standard, peress li dawn huma ġeneriċi wisq biex jiddeskrivu b’mod trasparenti l-użu biex jinfurmaw lill-awtoritajiet u lill-konsumaturi.
  • Jekk int reġistrant membru, kun ċert li d-deskrizzjoni tal-użu fid-dossier tiegħek ta’ IUCLID tkopri l-proċess li qed tirreġistra. L-ikkupjar tad-deskrizzjoni tal-użu minn reġistranti oħra jew mir-rapport ġeneriku dwar is-sigurtà kimika jista’ jwassal għal għadd kbir ta’ inkonsistenzi.
  • Agħżel il-livell it-tajjeb ta’ differenzjazzjoni bejn l-użi sabiex l-informazzjoni dwar is-sigurtà tkun tista’ tiġi kkomunikata b’mod immirat lil gruppi ta’ utenti differenti.
    • Ftit li xejn differenzjazzjoni tista’ twassal għal xenarji ta’ esponiment kumplessi u konservattivi żżejjed.
    • Differenzjazzjoni żejda tista’ twassal għal repetizzjoni jew replikazzjoni tal-istess informazzjoni tax-xenarju ġeneriku ta’ esponiment.

 

Iddeskrivi l-kundizzjonijiet tal-użu realistiċi fil-valutazzjoni tal-esponiment tiegħek
  • Identifika l-kundizzjonijiet tal-użu li jiżguraw kontroll tar-riskji għal kull użu deskritt u pprevedi l-esponiment kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-ambjent taħt dawn il-kundizzjonijiet.
  • Uża l-informazzjoni disponibbli biex toħloq l-inputs tal-valutazzjoni tal-esponiment:
    • kategoriji speċifiċi tar-rilaxx ambjentali (SPERCs) għall-ambjent;
    • deskrizzjonijiet tal-esponiment tal-ħaddiema speċifiċi għas-settur (SWEDs) għall-ħaddiema;
    • determinanti speċifiċi għall-esponiment tal-konsumatur (SCEDs) għall-konsumaturi; u
    • mapep tal-użu li jipprovdu użi komuni f’settur u l-SPERCs, l-SWEDs u l-SCEDs relatati.

 

Ibbenefika mill-mapep tal-użu
  • Il-mapep tal-użu jiġu żviluppati fil-livell tas-settur biex jipprovdu deskrizzjoni qasira tal-użi ewlenin rilevanti għas-setturi tal-industrija
    • Dawn jipprovdu informazzjoni rilevanti u realistika dwar l-użi u l-kundizzjonijiet tal-użu, u dawn jistgħu jintużaw fil-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika (CSA) tiegħek.
    • Dawn huma disponibbli fil-format Chesar (l-għodda ta’ valutazzjoni u rappurtar dwar is-sigurtà kimika tal-ECHA).
  • L-użi mhux koperti minn kwalunkwe mappa tal-użu jeħtieġ li jiġu deskritti skont il-kundizzjonijiet tal-użu u jiġu inklużi fil-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika.