Kif tipproponi rinunzji permezz tal-ePIC

 

Jekk int kumpanija bbażata fl-UE li qed tippjana li tesporta sustanza kimika, elenkata fil-Parti 2 jew 3 tal-Anness I tar-Regolament PIC, il-pajjiż importatur fejn beħsiebek tesporta jeħtieġ li jagħti l-kunsens tiegħu qabel ma tkun tista’ tesporta s-sustanza kimika. Jekk il-pajjiż importatur ma jweġibx għat-talba tal-awtorità nazzjonali nominata tiegħek għal kunsens espliċitu, tista’ tipproponi rinunzja għal rekwiżit ta’ kunsens espliċitu.

 

Biex tkun tista’ tissottometti rinunzja, teħtieġ evidenza dokumentata minn sorsi uffiċjali fil-pajjiż importatur li turi li s-sustanza kimika li beħsiebek tesporta hija permessa f’dak il-pajjiż. Il-proposti ta’ rinunzja jiġu sottomessi permezz tal-ePIC.

 

Ir-rinunzji huma:

Ivvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ mill-awtorità nazzjonali nominata tal-esportatur u mill-Kummissjoni Ewropea.

Speċifiċi għall-esportaturi u jistgħu jkunu validi sa 12-il xahar mid-data li fiha jkunu ġew aċċettati fl-ePIC.

Mogħtija taħt ċirkostanzi speċifiċi u debitament ġustifikati u għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk tweġiba għal kunsens espliċitu tkun nieqsa.

Proposta għal rinunzja standard

Huwa meħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin biex il-proposta ta’ rinunzja tiegħek tiġi aċċettata.

  • Issottomettejt in-notifika ta’ esportazzjoni tiegħek għal sustanza kimika jew taħlita, elenkata fil-Parti 2 jew 3 tal-Anness I, u rċevejt numru ta’ identifikazzjoni ta’ referenza (RIN).
  • Huwa meħtieġ li tipprovdi evidenza dokumentarja minn sors uffiċjali (awtoritajiet fil-pajjiż importatur bħal ministeri u aġenziji tal-gvern, awtoritajiet doganali) li turi li:
    • is-sustanza kimika maħsuba għall-esportazzjoni hija liċenzjata, irreġistrata, jew awtorizzata fil-pajjiż importatur (Artikolu 14(7)(a)); jew
    • l-użu maħsub tas-sustanza kimika ddikjarata fin-notifika ta’ esportazzjoni u kkonfermata mill-importatur mhuwiex l-istess bħall-kategorija li għaliha s-sustanza kimika hija elenkata fil-Parti 2 jew 3 tal-Anness I, u hemm evidenza minn sorsi uffiċjali (eż. id-dwana) li s-sustanza kimika ntużat jew ġiet importata fil-Parti tal-importazzjoni jew pajjiż ieħor ikkonċernat fl-aħħar ħames snin (l-Artikolu 14(7)(b)).
  • Il-pajjiż li fih qed tippjana li tesporta ma weġibx fi żmien 60 jum mid-data tal-ewwel talba għal kunsens espliċitu.

Jekk il-validità ta’ rinunzja tintemm qabel il-perjodu indikat għall-esportazzjoni (sena kalendarja waħda), l-awtorità nazzjonali nominata tal-esportatur trid titlob kunsens espliċitu ġdid għall-esportazzjoni mill-pajjiż importatur.

 

Jekk tesporta lejn pajjiż tal-OECD u n-notifika tiegħek hija għal sustanza kimika, elenkata fil-Parti 2 tal-Anness I, tista’ tipproponi rinunzja tal-OECD fi kwalunkwe ħin wara li tkun issottomettejt in-notifika ta’ esportazzjoni tiegħek.

 

 

Kif tissottometti proposta ta’ rinunzja

Segwi dawn il-passi biex tissottometti l-proposta tiegħek fl-ePIC:

  • Iftaħ in-notifika rilevanti ta’ esportazzjoni fl-ePIC.
  • Ikklikkja fuq “Propose waiver” (Ipproponi rinunzja) taħt il-menù drop-down li tista’ ssib fir-rokna ta’ fuq tal-lemin tan-notifika ta’ esportazzjoni tiegħek.
  • Ehmeż id-dokumenti ta’ sostenn mal-formola ta’ proposta ta’ rinunzja mimlija bil-lest.
  • Agħżel id-dikjarazzjonijiet legali xierqa u ssottometti l-proposta ta’ rinunzja.

Wara s-sottomissjoni, il-proposta ta’ rinunzja tiġi vvalutata mill-awtorità nazzjonali nominata tal-Istat Membru tiegħek u mill-Kummissjoni. Jekk iż-żewġ awtoritajiet jaċċettaw il-proposta tiegħek, l-ECHA tattiva r-rinunzja għan-numru ta’ identifikazzjoni ta’ referenza relatat.

 

Evidenza dokumentarja

Kun ċert li l-proposta ta’ rinunzja tiegħek:

  • tinkludi ittra ta’ akkumpanjament li tispjega n-natura tad-dokumenti li qed tippreżenta bħala evidenza (eż. liema hija l-awtorità li toħroġ l-evidenza, kjarifiki dwar il-perjodu ta’ validità);
  • fiha d-dokument ta’ evidenza mis-sors uffiċjali fil-forma u l-lingwa oriġinali:
    • Jekk ir-rinunzja tiegħek hija bbażata fuq l-Artikolu 14(7)(a), id-dokument ta’ evidenza jista’ jkun ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tas-sustanza kimika fil-pajjiż importatur jew ittra minn awtorità fil-pajjiż importatur; jew
    • Jekk ir-rinunzja tiegħek hija bbażata fuq l-Artikolu 14(7)(b), id-dokument ta’ evidenza jista’ jkun ċertifikat ta’ reġistrazzjoni reċenti, ittra mill-awtoritajiet fil-pajjiż importatur jew dikjarazzjoni doganali (ta’ inqas minn ħames snin) iffirmata mill-awtoritajiet fil-pajjiż importatur. Huwa meħtieġ ukoll li tinkludi konferma tal-użu maħsub mill-importatur.
  • jiġi tradott, jekk il-lingwa oriġinali tad-dokument ta’ evidenza ma tkunx l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol;
  • jindika kemm iddum valida l-evidenza – jekk il-perjodu ta’ validità ma jkunx imsemmi b’mod espliċitu fid-dokument jew jekk id-dokument ta’ evidenza jkun aktar minn 15-il sena iżda jkun għadu validu, jeħtieġ li jiġu pprovduti kjarifiki fl-ittra ta’ akkumpanjament.