Notifika tal-proċedura tal-esportazzjoni

L-esportaturi bbażati fi Stat Membru tal-UE għandhom jinnotifikaw l-intenzjonijiet tagħhom biex jesportaw ċerti sustanzi kimiċi lejn pajjiż mhux tal-UE. Dan japplika għas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I għar-Regolament PIC. L-esportaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali nominata tal-pajjiż minn fejn sejra toriġina l-esportazzjoni qabel ma ssir l-ewwel esportazzjoni annwali, kif ukoll qabel l-ewwel esportazzjoni f'kull sena kalendarja sussegwenti.

Kull notifika ta' esportazzjoni tingħata identifikatur uniku, imsejjaħ numru ta' identifikazzjoni ta' referenza. Dan pereżempju jintuża biex jiġi ffaċilitat il-kontroll tad-dwana fuq l-esportazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I.

Kontenut tan-notifika

L-elementi ewlenin tar-rekwiżiti tad-dejta għal notifika ta' esportazzjoni jinkludu:

  • L-identifikazzjoni tas-sustanza, it-taħlita jew l-oġġett li għandu jiġi esportat. Ġeneralment, dan huwa n-numru KE, in-numru CAS u l-isem kimiku kif elenkat fir-Regolament.
  • Informazzjoni dwar l-esportazzjoni, bħall-pajjiż ta' oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, id-data meta hi mistennija li ssir l-ewwel esportazzjoni annwali, l-ammont stmat li għandu jiġi esportat, l-użu maħsub fil-pajjiż tad-destinazzjoni, l-isem u l-indirizz tal-esportatur u l-importatur
  • Informazzjoni dwar il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu
  • Sommarju tal-karatteristiċi fiżikokimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi
  • L-użi tas-sustanza kimika fl-UE
  • Sommarju tar-restrizzjonijiet regolatorji u r-raġunijiet għalihom

Is-sett sħiħ tar-rekwiżiti tad-dejta jista' jinstab fl-Anness II għar-Regolament PIC.

L-intenzjoni li tiġi esportata sustanza kimika elenkata fl-Anness I għandha tiġi nnotifikata sa mhux aktar tard minn kif indikat minn din l-iskeda li ġejja:

  • 35 jum qabel ma jkunu esportati: L-esportatur irid jgħarraf lill-awtorità nazzjonali magħżula tal-Istat Membru fejn jinsab.
  • 25 jum qabel ma tkun trid issir l-esportazzjoni: L-awtorità nazzjonali nominata tivvalida n-notifika u tibgħatha lill-ECHA.
  • 15-il jum qabel ma tkun trid issir l-esportazzjoni: L-ECHA tibgħat in-notifika lill-awtorità nazzjonali mhux tal-UE nominata fil-pajjiż importatur.

 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)