Fehim tal-PIC

Ir-Regolament dwar Kunsens Informat minn Qabel (PIC, Regolament (UE 649/2012) jamministra l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċerti sustanzi kimiċi perikolużi u jimponi obbligi fuq il-kumpaniji li jixtiequ jesportaw dawn is-sustanzi kimiċi lejn pajjiżi mhux tal-UE. Għandu l-għan li jippromwovi r-responsabbiltà u l-kooperazzjoni konġunta fil-kummerċ internazzjonali ta' sustanzi kimiċi perikolużi, u li jħares is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi jipprovdi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw b'informazzjoni dwar kif jaħżnu, jittrasportaw, jużaw u jarmu b'mod sigur is-sustanzi kimiċi.

Dan ir-Regolament, jimplimenta, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-proċedura ta' kunsens informat minn qabel għal ċerti sustanzi kimiċi u pesitiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali.

Ir-Regolament PIC japplika għal sustanzi kimiċi pprojbiti jew imrażżna strettament li huma elenkati fl-Anness I, li jinkludu sustanzi kimiċi industrijali, pesitiċi u bijoċidi, bħal pereżempju, benzene, chloroform, atrazine u permethrin. L-esportazzjoni ta' dawn is-sustanzi kimiċi hija soġġetta għal żewġ tipi ta' rekwiżiti: in-notifika tal-esportazzjoni u l-kunsens espliċitu.

Ir-Regolament PIC japplika wkoll għas-sustanzi kimiċi pprojbiti milli jkunu esportati kif elekati f'Anness A u għas-sustanzi kimiċi kollha meta jkunu esportati rigward l-imballaġġ u t-tikkettar li jkollhom, li jrid ikun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Is-sustanzi kimiċi misjuba fil-mediċini, il-materjali radjuattivi, l-iskart, l-armi kimiċi, l-ikel u l-addittivi fl-ikel, l-għalf, l-organiżmi ġenetikament modifikati, u l-farmaċewtiċi (ħlief id-diżinfettanti, l-insettiċidi u l-parasitiċidi) huma regolati minn leġiżlazzjoni tal-UE oħra u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kompetenza tar-Regolament PIC.

Barra minn hekk, ir-Regolament ma japplikax għas-sustanzi kimiċi esportati jew importati għar-riċerka jew l-analiżi sakemm il-kwantitajiet ma jkunux probabbli li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent u li fi kwalunkwe każ ma jaqbżux 10 kg minn kull esportatur lejn kull pajjiż importatur għal kull sena kalendarja.

Ir-Regolament PIC daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2014. Minn din id-data, l-ECHA hija responsabbli mill-kompiti amministrattivi u tekniċi relatati mar-Regolament il-ġdid. Il-kompitu ewlieni tal-Aġenzija huwa li tipproċessa u tibgħat notifiki ta' esportazzjoni lill-pajjiżi importaturi barra l-UE, u li żżomm database bin-notifiki u l-kunsensi espliċiti mogħtija mill-pajjiżi importaturi.
 

L-ECHA tipprovdi wkoll assistenza kif ukoll gwida teknika u xjentifika lill-industrija, lill-awtoritajiet nazzjonali nominati kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi u lill-Kummissjoni Ewropea. 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)