Proċess ta' evalwazzjoni għall-emenda tal-Anness I

Il-proċess ta’ evalwazzjoni jibda meta applikazzjoni għal emenda tal-Anness I għall-BPR titqies bħal valida mill-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni. L-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni għandha 180 ġurnata fil-każ tal-applikazzjonijiet għal kategoriji 1, 2, 3, 4 u 5 u 365 ġurnata fil-każ tal-applikazzjonijiet għal kategorija 6 biex tivvaluta l-applikazzjoni u tipprovdi l-konklużjoni tagħha lill-ECHA.

Matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, l-applikant jista’ jintalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali jekk l-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni tqis din l-informazzjoni bħala meħtieġa. L-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba fi żmien 180 ġurnata sakemm ma jiġix iġġustifikat dewmien min-natura tad-data mitluba jew minn ċirkustanzi eċċezzjonali.

Jekk applikazzjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza attiva f’kategoriji 1, 2, 3, 4 jew 5 tal-Anness I tal-BPR wara talba għal informazzjoni addizzjonali, tikkonforma b’mod sħiħ ma’ dossier li fih pakkett ta’ data li jippermetti valutazzjoni sħiħa tar-riskji għall-użu intenzjonat, l-applikant jista’ jitlob biex minflok jiġi inkluż f’kategorija 6 tal-Anness I u li d-dossier tiegħu jiġi evalwat kif xieraq.

Passi

Il-proċess ta’ evalwazzjoni għandu l-passi li ġejjin:

Immaġni

L-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni tagħmel l-evalwazzjoni tad-dossier.

 
Immaġni

L-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni tipprepara l-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha.

 
Immaġni

L-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni jintbagħat lill-applikant permezz ta’ R4BP 3. L-applikant għandu 30 ġurnata biex jipprovdi kummenti bil-miktub. Meta tiffinalizza l-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni tqis dawk il-kummenti kif dovut.

 
Immaġni

Ir-rapport ta’ valutazzjoni jintbagħat lill-ECHA permezz ta’ R4BP 3 għal evalwazzjoni bejn il-pari fil-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC).

 
Immaġni

Il-BPC għandu 180 ġurnata fil-każ ta’ applikazzjoni għal katerogiji 1, 2, 3, 4 u 5 u 270 ġurnata fil-każ ta’ applikazzjoni għal kategorija 6 biex jagħti opinjoni permezz ta’ valutazzjoni ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u biex jippreżenta din l-opinjoni lill-Kummissjoni.

 
Immaġni

Il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar it-talba tal-applikant biex jiġi emendat l-Anness I għal  BPR.

 

Atturi

L-atturi ewlenin fil-proċess ta’ evalwazzjoni huma:

Applikanti

L-applikanti huma responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa fid-dossiers tagħhom. Dawn għandhom joqogħdu attenti għad-diversi dati ta’ skadenza matul il-proċess. L-applikanti għandhom il-possibbiltà li jikkummentaw fuq l-abbozz tar-rapport tad-dossier tagħhom matul il-proċess.

ECHA

L-ECHA tikkoordina l-proċess tal-inklużjoni u tipprovdi l-għodod u l-appoġġ meħtieġa għall-applikanti. L-ECHA tipprovdi wkoll is-Segretarjat għall-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali.

Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC)

Il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali jagħti opinjoni xjentifika dwar is-sustanzi attivi (approvazzjoni, tiġdid, reviżjoni, inklużjoni fl-Anness I), l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali u r-rikonoxximent reċiproku. Il-Kumitat jindirizza wkoll suġġetti xjentifiċi u tekniċi u kwistjonijiet oħra fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Il-Kumitat jikkonsisti f’membri maħtura mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE abbażi tal-esperjenza tagħhom.

Awtoritajiet kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni

L-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni hi responsabbli għall-evalwazzjoni tal-applikanti. L-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-evalwazzjoni tintgħażel mill-applikant.

Il-Kummissjoni Ewropea

Diment li jkun hemm evidenza li sustanza attiva ma tagħtix lok għal tħassib skont it-tifsira tal-Artikolu 28(1) tal-BPR, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Kumitat Permanenti dwar il-prodotti bijoċidali, tqis l-opinjoni maħruġa mill-BPC (inklużi opinjonijiet dwar sustanzi attivi eżisteni u ġodda) u tiddeċiedi jekk temendax l-Anness I għall-BPR jew le. Il-Kumitat Permanenti hu ppresedut mill-Kummissjoni u għandu rappreżentanti mill-Istati Membri kollha. Kull meta l-Kummissjoni temenda l-Anness I għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull sustanza.